Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajnsielem – Learning Hub

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23007, tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17977 u ċjoè: Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17713 u tgħid fejn wasal il-proġett imħabbar fl-2017 mill-Gvern fejn il-Learning Hub ġewwa Għajnsielem Għawdex kellu jiġi estiż biex ikun hemm aktar spazju għas-servizzi offruti minn dak il-post? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-Gvern kera l-binja tal-Learning Hub?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li x-xogħlijiet tal-ewwel fażi tal-proġett ta’ Għajnsielem Learning Hub waslu lejn it-tmiem. Din il-ħidma tikkonsisti f’tisbiħ u ristrutturar tal-parti tal-binja minn fejn kienu qed jitwasslu s-servizzi eżistenti minn Aġenzija Sapport, Jobsplus, MITA u FITA. Fil-preżent għaddejja ħidma fuq it-tieni u t-tielet fażi tal-proġett li ser jara manutenzjoni u tisbiħ ta’ sala u diversi kmamar li ser iservu bħala uffiċini u spazju minn fejn jistgħu joperaw aktar servizzi u entitajiet differenti.

Persuni b’diżabilità intelletwali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn persuni b’diżabilità intelletwali fl-età ta’ bejn is-16 u s-26 sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 650 persuna b’diżabilità intelletwali fl-età ta’ bejn is-16 u s-26 sena (iż-żewġ etajiet inklużi) li huma rreġistrati mal-Kummisjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b’Diżabilità.

Cobblestone – inaċċessibilità għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament jekk għandux parir mill-Kummissjoni għal Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità dwar jekk il-cobblestone li jintuża f'diversi lokalitajiet, jikkawżax inaċċessibiltà għal persuni b'diżabilità? Jekk iva, jista' jpoġġi kopja ta' dan il-parir fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Peress li f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin saru ħafna proġetti t’infrastruttura pubblika minn entitajiet, awtoritajiet u kunsilli lokali differenti, u peress li kull proġett ikollu l-ispeċifikazzjonijiet partikolari tiegħu, ikun apprezzat jekk jiġi speċifikat eżattament għal liema postijiet pubbliċi qed issir referenza f’din il-mistoqsija.

Rotta x300

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23033, jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament jekk hux se jilqa’ t-talba tal-istudenti Għawdxin u r-rappreżentanti tagħhom u jerġa’ jintroduċi l-linja X300 fuq ir-rotta taċ-Ċirkewwa kif kienet sa Ġunju li għadda?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija parlamentari 23033 tirrigwarda bus stops f’kull lokalità ġewwa Għawdex u mhux rigward ir-rotta X300.

Studenti b’diżabilità intelletwali – edukazzjoni post sekondarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal b’diżabilità intellettwali li qed jirċievu edukazzjoni post sekondarja?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li fil-preżent, fiċ-Ċentri ta’ Riżorsa hemm 137 student li jesperjenzaw diffikultajiet intellettwali (fost diżabiltajiet oħrajn) li qed jibbenefikaw minn esperjenza edukattiva post sekondarja. Infurmat ukoll li hemm 30 student b’diżabilità intellettwali li qed jirċievu edukazzjoni fl-MCAST.

Studenti b’diżabilità intelletwali – applikazzjoni għal edukazzjoni post sekondarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm studenti b’diżabilità intelletwali applikaw biex jirċievu edukazzjoni post-sekondarja mis-sena 2017 sa meta tiġi imwieġba din il-mistoqsija parlamentari u ma ngħatawx aċċess għal din it-tip ta’ edukazzjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiċ-Ċentri ta’ Riżorsa ma kien hemm l-ebda applikazzjoni li ma ntlaqgħetx. Fir-rigward tal-MCAST ir-risposta hi fin-negattiv ukoll.

Edukazzjoni Terzjarja tal-persuni b’diżabilità intelletwali – politika nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx politika nazzjonali għall-inklużjoni fl-edukazzjoni terzjarja tal-persuni b’diżabilità intelletwali? Jekk iva, jista’ jagħti d-dettalji?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nissuġġerixxi lill-Onor Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-ministeru konċernat.

Ix-Xewkija u Għajnsielem Għawdex – kawża tal-intiena ta’ drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23027 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhi jew x'kienet il-kawża tal-intiena ta' drenaġġ li tinxtamm fl-inħawi ta' Triq l-Imġarr bejn ix-Xewkija u Għajnsielem?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija parlamentari ma tikkonċernax lill-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli.

Ix-Xewkija u Għajnsielem Għawdex – kawża tal-intiena ta’ drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 23027 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid x'inhi jew x'kienet il-kawża tal-intiena ta' drenaġġ li tinxtamm fl-inħawi ta' Triq l-Imġarr bejn ix-Xewkija u Għajnsielem?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li sar l-analiżi neċessarju, jidher li l-kawża ta’ dawn l-irwejjaħ kien ventilatur tal-mina li tagħti għall-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f’Ras il-Hobż. Wara li saru l-interventi neċessarji mill-ħaddiema tal-WSC is-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal.

Gozo Innovation Hub – proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal kull waħda mill-entitajiet sew privata u sew pubblika li fil-mument qed topera mill-Gozo Innovation Hub, liema huma dawk il-proġetti ta' natura innovattiva li ħadmet jew qed taħdem fuqhom? Jista' jgħid ukoll x'riżultat ħalla kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

L-intrapriżi li bħalissa qed joperaw mill-Gozo Innovation Hub huma involuti fl-iżvilupp tat-teknoloġija tal-informatika partikolarment fis-settur tas-servizzi finanzjarji, sport professjonali, u cloud computing.
Leg 13 PQ #23893 Sitting 536 2022-01-19 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Ta’ Għajn Damma – tabelli

Question

Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'inhu s-sens wara t-tabelli li twaħħlu xi żmien ilu fit-triq magħrufa Ta' Għajn Damma jew Għajn Xejba (li mix-Xagħra tieħu lejn Marsalforn), liema tabelli qed jgħidu b'mod ċar li hemm il-periklu li t-triq tikkollassa? Jekk dan il-periklu jeżisti, għaliex ma saret ebda tiswija fuq it-triq? Fuq kollox għaliex it-triq baqgħet miftuħa għall-vetturi u n-nies bir-riskju t'inċidenti f'każ ta' kollass?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Għawdex – Ta’ Għajn Damma – tabelli

Question

Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'inhu s-sens wara t-tabelli li twaħħlu xi żmien ilu fit-triq magħrufa Ta' Għajn Damma jew Għajn Xejba (li mix-Xagħra tieħu lejn Marsalforn u li taqa' fil-konfini tal-Kunsill tax-Xagħra), liema tabelli qed jgħidu b'mod ċar li hemm il-periklu li t-triq tikkollassa? Jekk dan il-periklu jeżisti, għaliex ma saret ebda tiswija fuq it-triq? Fuq kollox għaliex it-triq baqgħet miftuħa għall-vetturi u n-nies bir-riskju t'inċidenti f'każ ta' kollass?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li kienu twaħħlu tabelli ta' one-way li juru li fit-triq magħrufa Ta’ f'Għajn Damma jew Għajn Xejba hija temporanjament triq one-way l-isfel sakemm isiru x-xogħlijiet neċessarji. Dan sar f’konformità mal-parir tekniku li rċieva l-istess Kunsill mill-Perit li eżamina l-istess triq. Sa dan it-tant l-Perit inkarigat mill-Kunsill qed jagħmel rapport sħiħ dwar dak kollu li hemm bżonn isir.

Għawdex – parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm parkeġġi riservati għall-persuni b'diżabilità ġewwa Għawdex ma jaħsbux għal spazju adekwat fuq iż-żewġ naħat tal-vettura biex il-persuna b'diżabilità, sew jekk xufier u sew jekk passiġġier, tkun tista' tinżel u tirkeb b'kumdità u fis-sigurtà?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabilita’ ġewwa Għawdex hemm total ta’: - 81 parkegg riservat li għandu spazju adekwat fuq ż-żewg naħat tal-vettura - 28 parkegg riservat li għandu spazju adekwat fuq naħa waħda tal-vettura - 2 parkeggi riservati ma għandhomx aċċess fuq ż-żewg naħat Tajjeb, li wieħed jinnota li hemm każijiet speċjalment meta dawn il-parkeggi ikunu personalizzati li l-applikant jitlob lill-Awtorità timplementa ċertu parkeġġi f’post partikolari, irrispettivament jekk ikunx hemm spazju adekwat fuq iż-żewg naħat minhabba li hekk ikun konvenjenti għal applikant. Apparti min hekk tajjeb li jingħad li mhux kull personalised blue badge holder għandu l-istess diżabilita’.
Leg 13 PQ #23878 Sitting 535 2022-01-18 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Tfal li jintbagħtu għal servizzi ta’ terapija u taħriġ fil-privat – għajnuna lill-ġenituri

Question

Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'għajnuna jirċievu ġenituri ta' tfal b'diżabilità li fil-preżent jibagħtu lil dawn it-tfal għal servizzi ta' terapija u taħriġ fil-privat?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #23879 Sitting 535 2022-01-18 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

AirMalta – persuni b’diżabilità – ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament liema huma dawk il-ħlasijiet li l-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-AirMalta timponi fuq passiġġieri b'diżabilità jew persuni li jakkumpanjawhom, biss u esklussivament minħabba d-diżabilità u li ma timponix fuq passiġġieri oħra?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-AirMalta ma timponi l-ebda ħlas zejjed fuq passiġġieri b'dizabilità jew persuni li jakkumpanjawhom li ma timponix fuq passiġġieri oħra. Saħansitra l' Air Malta anki tippermetti, li jittellgħu bla ħlas, Recognized Assistance Dogs (guide dogs) li jkunu akkumpanjati minn persuna b’dizabilita. Pero, fejn id-dizabilità hija minħabba ċertu kundizzjonijiet mediċi li jridu jiġu ċertifikati b’Formola b’Informazzjoni Medika (MEDIF) minn tabib mediku speċjalist (Aviation Specialist) maħtur mill-kumpanija, ikun hemm ħlas ta’ €15 dovut lit-tabib.

Għawdex – il-Qala – Ċentru tal-ITS

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23016, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid, sena b'sena mill-2013 sal-2021, kemm attendew studenti fiċ-ċentru tal-ITS ġewwa l-Qala Għawdex? Kemm minnhom kienu residenti f'Għawdex? Kemm minnhom temmew il-kors li kienu qed isegwu b'suċċess? Jista' jagħti wkoll lista tal-korsijiet li qed jiġu mogħtija llum?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li n-numru ta’ studenti li attendew għall-korsijiet fl-ITS Għawdex huma s-segwenti. F’din is-sena akkademika 2021/2022, hemm 35 student jistudjaw f’dan iċ-Ċentru. 2014/15 9 2015/16 19 2016/17 14 2017/18 15 2018/19 12 2019/20 12 2020/21 79 Rigward il-lista ta’ korsijiet li qed jiġu mogħtija llum, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19561.

Pjazza Tritoni – fun park

Question

Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament jekk saritx konsultazzjoni mal-Kummissjoni għal Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità qabel ma ġie deċiż li fi Pjazza Tritoni tiġi armata fun park tul il-ġimgħat ta' qabel u wara l-Milied? Jista' jgħid ukoll minn ta l-parir biex il-fun park titpoġġa eżatt fuq tactile flooring magħmul apposta biex jirrendi l-pjazza aċċessibbli għall-persuni neqsin mid-dawl, bil-konsegwenza li dan it-tactile flooring ġie mblukkat u rrenda l-pjazza inaċċessibbli? Jista' jgħid ukoll min ta l-parir dwar il-kwalità u l-metodu ta' kif tqiegħed it-tactile flooring temporanju li sar aktar tard? Jista' jara li f'attivitajiet futuri li jikkonċernaw il-Ministeru tiegħu, it-tactile flooring permanenti ma jerġax jiġi ngumbrat?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Tajjeb li ninforma lill-Onor. Interpellant li, meta l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu torganizza attività ta’ din ix-xorta, trid taħdem fl-ambitu ta’ bosta restrizzjonijiet, li jinkludu attivitajiet u ċerimonji statali, kif ukoll ir-rotot ta’ emerġenza li jkunu jridu jintużaw minn vetturi u uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili, f’każ li jinqala’ xi inċident li jirrikjedi l-preżenza tal-istess uffiċjali kemm fi Pjazza Tritoni u anke fid-daħla tal-Belt. Għaldaqstant, ġaladarba l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kienet konxja fuq din il-kwistjoni, minn qabel ma' nfetħet l-attività msemmija saru l-arranġamenti kollha neċessarji sabiex tiġi ordnata alternattiva temporanja għal tul l-attività kollha. Barra minn hekk ukoll, kull membru tal-istaff li kien ingaġġat f’din l-imsemmija attività, kien ukoll imħarreġ sabiex jkun jista’ joffri kull tip ta’ għajnuna lil persuni b’abbilitajiet differenti fosthom anke persuni neqsin mid-dawl.

Immigranti li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea li jirrisjedu Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23028 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20032, jista' l-Ministru jippreżenta l-informazzjoni għaż-żewġ kategoriji msemmija minnu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li t-total ta’ immigranti li jirrisjedu f’Għawdex huwa 4,646 . Immigranti li jgħixu f’Għawdex li għandhom Permess ta’ Residenza li jeskludu lil dawk għandhom permess fuq bażi ta’ protezzjoni internazzjonali jammontaw għal 4,461. Filwaqt li dawk il-persuni li jirrisjedu f’Għawdex li għandhom permess fuq bażi ta’ protezzjoni internazzjonali jammonta għal 185. Irġiel Permess ta’ Residenza (esklużi dawk li għandhom protezzjoni internazzjonali) 2,387 Protezzjoni Internazzjonali 146 Nisa Permess ta’ Residenza (esklużi dawk li għandhom protezzjoni internazzjonali) 1,795 Protezzjoni Internazzjonali 15 Tfal Permess ta’ Residenza (esklużi dawk li għandhom protezzjoni internazzjonali) 279 Protezzjoni Internazzjonali 24

Ix-Xagħra Għawdex – Trejqet Ġużeppi Sultana – wiċċ ta’ triq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23026 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta hemm il-ħsieb li jagħti wiċċ ġdid lill-Trejqet Ġużeppi Sultana ġewwa x-Xagħra Għawdex flimkien mas-servizzi li hemm bżonn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li ser ikun qed jeżamina u jevalwa l-istat ta’ Trejqet Ġużeppi Sultana.