Legislature:
Category:
Reset
Active:

Università ta’ Malta - Letturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm letturi fl-Università ta' Malta li għandhom il-grad ta’ TR4 u min huma? Fejn jaħdmu bħala xogħol full-time? Jista’ jgħid fuq liema kriterji jingħataw appointments fuq bażi part-time meta xi ħadd jintgħażel biex iservi xi mkien ieħor? Jista’ jgħid fuq liema bażi jingħataw is-sabbaticals? Jista’ jassigura li l-persuni li ngħataw sabbaticals kienu għamlu ż-żmien ta’ mhux anqas minn sitt snin jgħallmu skont kif stipulat fil-ftehim kollettiv?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-ħatra full-time (TR9) fl-Università teħtieġ impenn full-time ta’ erbgħin siegħa fil-ġimgħa. Il-Ftehim Kollettiv għall-Istaff Akkademiku tal-Università ta’ Malta jipprevedi ħatra part-time fuq bażi ta’ TR4. Dan jirrikjedi li akkademiku jipprovdi erba’ sessjonijiet ta’ erba’ sigħat fil-ġimgħa, li huwa ekwivalenti għal total ta’ sittax-il siegħa fil-ġimgħa. Bħalissa hemm 58 akkademiku li huma impjegati fuq bażi TR4. Ħatra fuq kuntratt ta’ impjieg TR4 tista’ tinqala’ għal numru ta’ raġunijiet; 1. Każijiet fejn akkademiċi huma reklutati fuq bażi TR4 permezz ta’ sejħa speċifikata bħala tali. 2. Sitwazzjonijiet fejn min iħaddem jew l-impjegat jista’ jitlob tnaqqis fil-ħatra biex jirrifletti aħjar l-ammont ta’ xogħol li jkun qed iwettaq l-impjegat. Sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu kkawżati minn raġunijiet professjonali, ta’ saħħa jew ċirkostanzi personali oħra bħal dawk relatati ma’ impjieg barra mill-Università. Tibdil fil-ħatra mibdija minn min iħaddem jew mill-impjegat jiġi rivedut mill-Staff Affairs Committee u approvat mill-Kunsill. Infurmat li l-Università ta’ Malta ma żżommx rekords ta’ impjiegi esterni u ma issegwix jekk l-akkademiċi fuq bażi TR4 għandhomx pożizzjonijiet full-time fl-istess ħin x’imkien ieħor sakemm ma jkunx speċifikat mill-akkademiku. Sabbatical leave huwa previst fil-Ftehim Kollettiv għall-Akkademiċi u japplika għalih l-impjegat u irid jiġi rakkomandat mill-Kap tad-Dipartiment u d-Dekan. Jingħata f'konformità stretta mal-kriterji ta' eliġibbiltà li huma deskritti fil-Ftehim Kollettiv tal-Akkademiċi u tali talbiet jiġu riveduti mill-Staff Affairs Committee u approvati mill-Kunsill.

Kundizzjoni “Sjogren” - Schedule V

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kundizzjoni “Sjogren” hux se tiġi inkluża bħala kundizzjoni li min ibati minnha jkun eliġibbli sabiex jirċievi l-mediċini skont l-Iskeda V?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li sa issa ma kienx hemm proċess attiv biex tiddaħħal, pero mhux eskluż li tiġi ikkunsidrata fil-futur.

Żgumbrar ta’ karozzi – Multi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30204 fl-intier tagħha u jgħid x’proporzjon minn multa ta’ €200 jmur għand il-kuntrattur tat-towing u xi proporzjon imur għall-proġetti li ġew approvati (90) madwar Malta u Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif provdut fir-risposta għal mistoqsija parlamentari numru 30204, id-dħul minn kwalunkwe ħlas ta’ multa (kemm kontravenzjonali kif ukoll amministrattiva) li jitħallas lill-Aġenzija, jintuża biex jiġi ffinanzjat l-operat tagħha, u kull surplus imbagħad jiġi investit fi proġetti għall-benefiċċju tal-lokalitajiet tagħna. L-Aġenzija ma tagħmilx distinzjoni mis-sors tad-dħul, iżda dan jitqies bħala dħul wieħed. Fir-rigward tal-irmonk, l-Aġenzija tħallas lill-kuntrattur skont ir-rati stabbiliti fil-kuntratt konkluż wara sejħa pubblika.

Żgumbrar ta’ karozzi — kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji fuq kif intgħażel il-kuntrattur li jiżgombra l-karozzi bit-tow truck?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-kuntratturi responsabbli biex jiżgumbraw il-vetturi b’tow trucks, kemm fil-każ tal-Korp tal-Pulizija kif ukoll ta’ LESA, jintgħażlu permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti.

Żgumbrar ta’ karozzi — Multi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kif jitqassmu l-flus miġbura minn ċitazzjonijiet ta’ żgumbrar ta’ karozzi bit-tow truck? Jista’ jgħid ukoll kemm minn multa ta’ €200 jmorru għand il-LESA u kemm jitħallas il-kuntrattur?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kwalunkwe ammonti riċevuti mit-tahrikiet, wara li jinqatgħu l-ispejjeż għas-servizz u l-operat, qed jiġu investiti lura fis-soċjetà permezz ta' diversi proġetti. Fosthom mill-2021 ġew approvati iktar minn disgħin (90) proġett madwar Malta u Għawdex.

Klinika tal-IVF

Question

Jista’ l Ministru jgħid jekk il-klinika tal-IVF hix qiegħda temporanjament sospiża biex isir upgrade fuqha? Jekk iva, meta se terġa’ tibda tagħti servizz kif kienet tagħti qabel?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa il-Klinika ta’ ART f’Mater Dei qed isirilha l-validazzjoni neċessarju tal-equipment il-ġdid, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-ispezzjonijiet neċessarji mill-Awtorijtajiet Kompetenti u Regulatorji, SPH u EPA.

Inkjesti maġisterjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il inkjesta maġisterjali saret minn ċittadini privati fil-perjodu bejn l-2006 u l-2013?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba bdiet tinġabar mill-2017 l’hawn għalhekk l-informazzjoni kif mitluba mhijiex disponibbli. Madanakollu, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24704.

Test tas-sewqan — Żmien ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu ż-żmien ta’ stennija minn meta persuna tapplika u tagħmel it-test tas-sewqan? Jista’ jgħid ukoll xi jsir f'dan il-perjodu ta’ stennija min-naħa tat-Transport Malta fuq l-applikazzjoni u jekk hemmx xi ħsieb biex dan il-ħin ta’ stennija jonqos?

Response (BONETT, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24763, ninfurmaha li l-Awtorita’ għat-Trasport f’Malta bħalissa qiegħda twettaq proċess ta’ reklutaġġ bil-għan li timpjega aktar eżaminaturi, sabiex jiżdied in-numru ta’ testijiet tas-sewqan li qed isiru u jonqos iż-żmien ta’ stennija.

Test tas-sewqan — Uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali li jagħmlu t-testijiet tas-sewqan u kemm-il test jagħmel kull uffiċjal kuljum?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm tlettax-il uffiċjal li jwettqu t-testijiet tas-sewqan. L-ammont ta’ testijiet li jsiru minn dawn l-uffiċjali jvarja skont il-kategorija allokata għalihom f’dik il-ġurnata, kif jidher permezz tal-punti segwenti: § Kategorija A: 6 testijiet § Kategorija B: 8 testijiet § Kategoriji C u D: 5 testijiet

Uffiċjali tal-Animal Welfare – Injury Leave

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal tal-Animal Welfare għamel użu mill-Injury Leave fl-2024 u x'kienu r-raġunijiet għaliex ittieħed dan il-leave?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma’ kien hemm l-ebda uffiċjal fi ħdan id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li għamel użu mill-injury leave matul is-sena 2024.

Inċidenti tat-traffiku — Inkjesti maġisterjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24743 u jgħid kemm hemm inkjesti maġisterjali relatati ma' inċidenti tat-traffiku li għadhom pendenti wara 60 jum? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm minn dawn l-inkjesti li jistgħu jiġu preskritti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ inkjesti maġisterjali relatati ma’ inċidenti tat-traffiku li għadhom pendenti wara 60 jum huwa dak ta’ disgħa u ħamsin (59) fil-Qrati ta’ Malta u ħamsa (5) fil-Qrati ta’ Għawdex. Gialadarba qed nitkellmu fuq inkesti li jinstabu pendenti allura, l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinsab biss għand il-Maġistrat li qiegħed jikkonduċi l-in genere.

Inċidenti tat-traffiku — Inkjesti maġisterjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm inkjesti maġisterjali relatati ma' inċidenti tat-traffiku li għadhom pendenti wara 60 jum? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm minn dawn l-inkjesti li jistgħu jiġu preskritti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Raħal Ġdid u l-Marsa – Ilmenti dwar irwejjaħ

Question

Peress li qed ikun hemm ilmenti dwar irwejjaħ li xi kultant jinxtammu mill-inħawi ta’ Raħal Ġdid u l-Marsa, tista’ l-Ministru tgħid x’qed jikkawża dawn l-irwejjaħ u x’qed isir dwarhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-ilmenti li rċeviet riċentement l-Awtorità għall Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jidher li kien hemm iktar minn sors wieħed ta’ rwejjaħ fl-akkwati indikati. Malli l-ERA jaslilha rapport ta’ riħa li tkun qed tinxtamm dak il-ħin, dan jiġi investigat biex tiġi verifikata l-preżenza ta’ riħa minn fejn sar ir-rapport, u, jekk fl-affermattiv, jiġu spezzjonati diversi industriji fil-viċinanzi biex jiġi determinat humiex is-sors tal-irwejjaħ. F’każ li waqt dawn l-ispezzjonijiet jiġi identifikat is-sors, l-operaturi konċernati jingħataw struzzjonijiet biex minnufih jieħdu passi biex jiġi eliminmat jew imnaqqas il-kaġun tar-riħa. Apparti minn hekk, isiru spezzjonijiet regolari biex jiġi assigurat li l-operat f’dawn il-faċilitajiet kollha jkunu konformi mal-permess maħruġ mill-Awtorità jew mal-liġijiet relevanti.

Raħal Ġdid – Ilmenti dwar irwejjaħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il ilment daħal minn Raħal Ġdid dwar irwejjaħ u tgħid jekk ġiex stabbilit li din ir-riħa kienet ġejja mill-inċineratur tal-Marsa? Tista’ tgħid ukoll x’azzjoni ttieħdet?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 22244, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) rċeviet 25 ilment fuq irwejjaħ fl-akkwati ta’ Raħal Ġdid fl-aħħar l-aħħar tnax-il xahar. Tnejn kienu attribwiti għall-inċineratur, fejn każ kien minħabba ħsara sakemm issewwiet u każ ieħor kien attribwit għal skimmer li tħalla mikxuf u ngħataw struzzjonijiet biex jinżamm mgħotti. Sorsi oħra li ġew identifikati kienu rwejjaħ ta’ fuel potenzjalment attribwiti għal vents ta’ fuel konnessi ma’ Ras Ħanżir u oħrajn konnessi ma’ ġarr ta’ ħut mix-xatt u ħażna ta’ materjali organiċi konnessi mal-akwakultura ġo faċilitajiet max-xatt.

Il-Marsa – Investiment mill-WasteServ

Question

Tista’ l-Ministru tispjega x'investiment sar mill-WasteServ fil-Marsa biex sakemm jinbena impjant ġdid, jiġi żgurat li ma jkunx hemm impatt fuq ir-residenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq ir-residenti, il-WasteServ investiet aktar minn €3.3 miljun f’tagħmir ġdid biex ikunu eliminati l-irwejjaħ u l-emissjonjiet. Ġie introdott ukoll reġim strett ta' manutenzjoni preventiva biex jiżgura l-aħjar tħaddim kemm tal-proċess ta' inċinerazzjoni kif ukoll tat-tagħmir kollu. L-investimenti li saru f’dan ir-rigward jinkludu l-RTO and Ioniser plants, Waste Marshalling Shed, New Autoclave Boiler, Fast Shutter Doors Incinerator Shredder, Fast Shutter Doors Autoclave u Secondary Air System Project Incinerator.

Kuntratt tat-trasport għas-skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt li jmiss għat-trasport tal-iskola hux ser jinbidel jew hux ser jiġi estiż kif inhu? Jekk ser jinbidel, jista’ jgħid x'inhuma t-tibdiliet li ser iseħħu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull kuntratt ikun skont il-Public Procurement Regulations.