Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ittri rogatorji ppreżentati lill-Qrati jew awtoritajiet barranin mill-Qrati jew awtoritajiet ta’ pajjiżna

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il ittra rogatorja ġiet ippreżentata lill-Qrati jew awtoritajiet barranin mill-Qrati jew awtoritajiet ta' pajjiżna, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid liema huma l-pajjiżi li lill-Qrati jew awtoritajiet tagħhom, ġew ippreżentati l-imsemmija ittra rogatorja? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ittri rogatorji ġew esegwiti, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Membru huwa mgħarraf li peress li jinħtieġ ċertu żmien biex tiġi kompilata l-informazzjoni mitluba f’din id-domanda u li għalhekk it-tweġiba se tingħata aktar tard. Dan sakemm l-Onor. Membru ma jkunx dispost li jiffoka d-domanda tiegħu fuq perjodu iqsar jew fuq pajjiż partikolari.

Ittri rogatorji lill-Avukat Ġenerali mingħand awtoritajiet ġudizzjarji barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il ittra rogatorja rċieva l-Avukat Ġenerali mingħand awtoritajiet ġudizzjarji barranin mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid lil liema Qorti ta' pajjiżna ġew trasmessi l-imsemmija ittra rogatorja? Jista' jgħid minn liema pajjiżi ġew mibgħuta l-imsemmija ittri rogatorji? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ittri rogatorji ġew imwieġba u kemm għadhom pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 2763.

Qrati jew awtoritajiet barranin li talbu lill-Avukat Ġenerali biex il-persunal tagħhom ikun preżenti għall-esekuzzjoni ta' ittra rogatorja — każijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm każijiet li fihom Qrati jew awtoritajiet barranin talbu lill-Avukat Ġenerali biex il-persunal tagħhom ikun preżenti għall-esekuzzjoni ta' ittra rogatorja? Jista' jgħid minn liema pajjiżi saru dawn it-talbiet? Jista' jgħid kemm-il waħda minn dawn it-talbiet ġew awtorizzati mill-Avukat Ġenerali u kemm ġew rifjutati?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 2763.

Korp tal-Pulizija – talbiet għal xogħol part time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba saret minn membri tal-Korp tal-Pulizija biex jagħmlu xogħol part-time, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid ta' liema rank huma l-membri tal-Korp tal-Pulizija li għamlu dawn it-talbiet? Jista' jgħid għal liema tip ta' xogħol part-time kienu jirreferu dawn it-talbiet? Jista' jgħid kemm-il waħda minn dawn it-talbiet ġew aċċettati u kemm ġew rifjutati u x'kienu r-raġunijiet mogħtija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kien hemm tletin (30) talba li saret minn membri tal-Korp tal-Pulizija biex jagħmlu xogħol part-time, mis-sena 2013 sal-24 ta' Diċembru, 2017. Tabella (A) li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi kemm saru talbiet kull sena bir-rank ta' min għamel it-talba. It-tip ta' xogħol part-time li għalih saru t-talbiet kien ivarja kif jidher f’tabella (B) li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi wkoll dettalji ta' fejn ġew rifjutati jew aċċettati dawn it-talbiet. Ħmistax (15)-il talba ma ġewx aċċettati, tlettax (13) ġew milqugħa, filwaqt li tnejn (2) għadhom pendenti. Skont l-artikolu 11 tal-Att Dwar il-Pulizija, membru tal-Korp ikun jista’ jagħmel xogħol ieħor barra mid-dmirijiet tiegħu/tagħha fil-Korp jekk jingħata/tingħata permess mill-Kummissarju tal-Pulizija. Bħala ‘policy’ inġenerali, il-Kummissarju japprova l-applikazzjonijiet kollha għal xogħol ‘part-time’ ta’ membri tal-Korp li jibdew it- termination leave biex ma jtellifx opportunitajiet ta’ impjieg lil dawk li jkunu ser jirtiraw bil-pensjoni u jkunu ser jibqgħu jaħdmu. L-uniku kundizzjoni tkun li dan ix-xogħol ma jkunx kumpatibbli, bil-liġi, mad-dmirijiet ta’ uffiċjal tal-Korp. Applikazzjonijiet oħra minn membri li jkunu f’kunflitt mal-artikolu 6(e) tat-Tieni Skeda tal-Att Dwar il-Pulizija, jiġifieri fejn ix-xogħol ‘part-time’ ikun jista’ jinterferixxi jew jista’ jidher li qed jinterferixxi fil-qadi leali u imparzjali tad-dmirjiet tal-membru tal-Korp, jiġu bħala regola rifjutati. Naturalment kull każ jiddependi mid-diskrezzjoni tal-Kummissarju nnifsu.
Leg 13 PQ #2767 Sitting 71 2018-01-22 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi – laqgħa ma’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu bħala Ministru għall-Finanzi qattx iltaqa’ mal-persuna li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ magħha, għaliex iltaqa’ magħha, fejn saru l-laqgħat u x’kien l-eżitu ta’ kull waħda minn dawn il-laqgħat?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna konċernata qatt ma ngħatat appuntament biex tiltaqa’ miegħi.
Leg 13 PQ #2666 Sitting 70 2018-01-17 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Identità Malta — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar, kemm-il applikazzjoni rċeviet l-Aġenzija Identità Malta skont ir-Regolamenti dwar il-Programm tal-Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta (Avviż Legali 47 tal-2014 - Leġislazzjoni Sussidjarja 188.03) mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid f'liema stadju ta' pproċessar waslet għal kull waħda mill-applikazzjonijiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni li qiegħed jitlob, tingħata lir-Regolatur u tiġi ppubblikata fir-rapporti annwali tiegħu li tqiegħdu fuq il-Mejda ta’ din il-Kamra.
Leg 13 PQ #2667 Sitting 70 2018-01-17 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Bank Ċentrali ta’ Malta – bordijiet, kumitati u sotto-kumitati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jiffurmaw parti mill-bordijiet, kumitati u sotto-kumitati mwaqqfa fi ħdan il-Bank Ċentrali ta’ Malta, sena b’sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid x'rimunerazzjoni rċeviet kull waħda minn dawn il-persuni?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
Leg 13 PQ #2668 Sitting 70 2018-01-17 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Bank Ċentrali ta’ Malta – persuni ngaġġati bħala konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, min kienu jew huma l-persuni li ġew ingaġġati bħala konsulenti mill-Bank Ċentrali ta' Malta jew għandhom kuntratt għall-għoti ta' servizzi professjonali lill-Bank Ċentrali ta' Malta, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jgħid xi ħlasijiet irċeviet kull waħda minn dawn il-persuni?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikazzjonijiet għall-bini ta’ petrol station

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il applikazzjoni għall-bini ta' petrol station ġiet ippreżentata lill-Awtorità tal-Ippjanar mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid dwar liema lokalitajiet u postijiet kienu jirreferu dawn l-applikazzjonijiet? Jista' jgħid dwar liema minn dawn l-applikazzjonijiet ħarġet permess l-Awtorità tal-Ippjanar u d-data li fiha nħareġ il-permess?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2669, l-Awtorità tal-Ippjanar ivvalidat jew ippublikat seba’ u sittin applikazzjoni ta’ żvilupp relatati ma’ pompi tal-petrol mill-2013 sal-lum. , Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella li tagħti l-ammont kwotat skont is-sena li ġew ivvalidati / ippublikati. Qed inpoġġi wkoll tabella li tagħti l-infomazzjoni addizzjonali li ntalbet mill-Onor. Interpellant. 2013 3 2014 15 2015 20 2016 19 2017 10 Total 67 Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-istess Awtorità fuq applikazzjoniet ivvalidati jew ippublikati mill-01-01-2013 li fil-proposta tagħhom hemm waħda mill-kelmiet segwenti · Petrol · Pump/s · Pompa/i · Fuel · LPG · Diesel · Station/s u m’għandhomx il-kliem pumproom jew pump room fil-proposta.
Leg 13 PQ #2748 Sitting 70 2018-01-17 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċittadinanza Maltija lill-individwi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2543 u jindika għal kull waħda mill-persuni li isimha u kunjomha jidhru fil-lista li ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern ta' nhar it-2 ta' Awwissu 2016 (Ħarġa Numru 19,616) u li kopja tagħha qed tingħata separatament, jekk kull persuna ngħatatx iċ-Ċittadinanza Maltija b'reġistrazzjoni, b'naturalizzazzjoni jew inkella taħt il-Programm ta’ Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Agenzija Identità Malta ma tistax tiddiskrimina bejn ċittadini Maltin kif qed jiġi mitlub.
Leg 13 PQ #2749 Sitting 70 2018-01-17 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċittadinanza Maltija lill-individwi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2544 u jindika għal kull waħda mill-persuni li isimha u kunjomha jidhru fil-lista li ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern ta' nhar it-2 ta' Awwissu 2016 (Ħarġa Numru 19,616) u li kopja tagħha qed tingħata separatament, x'nazzjonalità jew nazzjonalitajiet kellha kull persuna meta applikat biex tingħata ċ-Ċittadinanza Maltija b'reġistrazzjoni, b'naturalizzazzjoni jew inkella taħt il-Programm ta’ Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qiegħed nippublika n-nazzjonalità tal-persuni li jidhru fil-lista li ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern ta' nhar it-2 ta' Awwissu 2016 (Ħarġa Numru 19,616) u qed inpoġġi dan it-tagħrif fuq il-Mejda tal-Kamra.

Reġistru tal-Artijiet – pjanti ordnati mis-sit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ordnati pjanti mir-Reġistru tal-Artijiet permezz tas-sit www.landregistryplans.gov.mt minn meta dan tnieda aktar kmieni matul is-sena 2017, xahar b'xahar, sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm kien it-total ta' ħlasijiet li saru lir-Reġistru tal-Artijiet għall-pjanti li ġew ordnati permezz ta' dan is-sit matul l-imsemmi perijodu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3363 f’Seduta 68.
Leg 13 PQ #2661 Sitting 69 2018-01-16 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija – rapport annwali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ir-Regolatur maħtur skont l-artikolu 25 tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija lestiex ir-rapport annwali tiegħu għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 2016 sat-30 ta' Ġunju 2017? Jekk iva, jista' jgħid meta ġie ppreżentat lilu dan ir-rapport u meta se jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra kif obbligat li jagħmel skont l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ir-rapport li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fit-18 ta’ Diċembru 2017.
Leg 13 PQ #2662 Sitting 69 2018-01-16 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija dwar il-Programm ta’ Investitur Individwali – ilmenti investigati mir-Regolatur

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il ilment ġie nvestigat mir-Regolatur maħtur skont l-artikolu 25 tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija dwar il-Programm tal-Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn l-ilmenti u x'kien l-eżitu ta' kull waħda mill-investigazzjonijiet imwettqa mir-Regolatur?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn meta tnieda l-programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, in-numru ta’ ittri ta’ ilment li rċieva r-Regolatur sena b’sena kien hekk: 2013 - 02014 - 02015 - 02016 - 72017* - 7 Dawn l-ilmenti kienu kollha jittrattaw rifjut tat-talba għaċ-ċittadinanza taħt dan il-Programm ghar-raguni li l-applikant ma kienx konformi ma’ xi waħda jew aktar mill-ħtigijiet tar-regolamenti dwar l-għoti ta’ din iċ-ċittadinanza. Effettivament ir-Regolatur ma rrisolva l-ebda każ favur min għamel it-talba għall-intervent tiegħu. *Sad-29 ta’ Novembru 2017
Leg 13 PQ #2663 Sitting 69 2018-01-16 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Identità Malta — investigazzjonijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il investigazzjoni għamlet l-Aġenzija Identità Malta dwar liċenza maħruġa lil Aġent Approvat skont dak li jipprovdi s-sub-regolament 3(5) tar-Regolamenti dwar il-Programm tal-Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta (Avviż Legali 47 tal-2014 - Leġislazzjoni Sussidjarja 188.03)? Jista' jgħid min kienu l-Aġenti Approvati investigati u x'kien l-eżitu ta' kull waħda minn dawn l-investigazzjonijiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Identità Malta minn żmien għal żmien tagħmel investigazzjonijiet skont id-doveri tagħha, b’mod kunfidenzjali u bis-sensittività kummerċjali meħtieġa.
Leg 13 PQ #2664 Sitting 69 2018-01-16 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Identità Malta – applikazzjonijiet riferuti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il applikazzjoni ġiet riferuta lilu mill-Aġenzija Identità Malta skont dak li jipprovdi s-sub-regolament 6(f) tar-Regolamenti dwar il-Programm tal-Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta (Avviż Legali 47 tal-2014 - Leġislazzjoni Sussidjarja 188.03) mis-sena 2014 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid x'nazzjonalità jew nazzjonalitajiet kellhom il-persuni li għamlu l-applikazzjoni lill-Aġenzija Identità Malta u li ġew riferuti lilu għall-approvazzjoni? Jista' jgħid kemm-il waħda mill-imsemmija applikazzjonijiet ġew approvati minnu u x'kienet ir-raġuni għall-approvazzjoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm ebda applikant li ġie riferut mill-Aġenzija Identità Malta skont l-imsemmi sub-regolament.
Leg 13 PQ #2665 Sitting 69 2018-01-16 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Regolamenti dwar il-Programm tal-Investitur Individwali – approvazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il persuna kienet approvata għaċ-ċittadinanza skont ir-Regolamenti dwar il-Programm tal-Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta (Avviż Legali 47 tal-2014 - Leġislazzjoni Sussidjarja 188.03) minħabba f'ċirkostanzi speċjali li ġew murija mill-applikant skont dak li jipprovdi r-Regolament 6 tal-imsemmija Regolamenti? Jista' jgħid x'kienu ċ-ċirkostanzi speċjali li ġew murija minn kull wieħed mill-applikanti? Jista' jgħid x'nazzjonalita jew nazzjonalitajiet kellhom il-persuni li dwarhom ġiet mitluba l-approvazzjoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Agenzija tagħmel proċess rigoruż ta’ due diligence fuq kull applikant, u ma kien hemm l-ebda applikant li ngħata trattament speċjali jekk fl-istadju ta’ due diligence rriżulta li mar kontra r-Regolament 6 jew xi sub-regolament tiegħu.

Korp tal-Pulizija — munizzjon

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu munizzjon il-Korp tal-Pulizija? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' munizzjon hu u għal liema armi jintuża? Jista' l-Ministru jgħid f'liema sena ġie akkwistat il-munizzjon mill-Korp tal-Pulizija jew f'liema sena ngħata lill-Korp tal-Pulizija u minn liema stat jew entità ngħata?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kunfidenzjali, ta’ natura sensittiva u li tolqot lis-sigurtà nazzjonali.

Armi li jinsabu fil-pussess tal-Forzi Armati ta’ Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid it-total ta' armi li jinsabu fil-pussess tal-Forzi Armati ta' Malta u li huma ntiżi għall-użu mill-membri tal-istess Forzi Armati? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' armi huma, f'liema sena ġew akkwistati mill-Forzi Armati ta' Malta jew f'liema sena ngħataw lill-Forzi Armati ta' Malta u minn liema stat jew entità ngħataw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kunfidenzjali, ta’ natura sensittiva u li tolqot lis-sigurtà nazzjonali.

Forzi Armati ta’ Malta — munizzjon

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom munizzjon il-Forzi Armati ta' Malta? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' munizzjon hu u għal liema armi jintuża? Jista' l-Ministru jgħid f'liema sena ġie akkwistat il-munizzjon mill-Forzi Armati ta' Malta jew f'liema sena ngħata lill-Forzi Armati ta' Malta u minn liema stat jew entità ngħata?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kunfidenzjali, ta’ natura sensittiva u li tolqot lis-sigurtà nazzjonali.