Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #4141 Sitting 90 2018-03-06 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja – talba għall-informazzjoni lid-Dipartiment tat-Taxxi – ħlas ta’ taxxi tard

Question

Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta' drabi li l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) talab informazzjoni lid-Dipartiment tat-Taxxi dwar Nutara li jkunu tard fil-ħlas tat-taxxa miġbura minnhom jew li saħansitra wettqu miżapproprjazzjoni ta' taxxi miġbura minnhom, xahar b’xahar mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ai termini tal-Artikolu 34 tal-Att Kontra Money Laundering, in-natura tal-informazzjoni li qiegħda tiġi mitluba hija kunfidenzjali u ma tistax tiġi pprovduta.
Leg 13 PQ #4142 Sitting 90 2018-03-06 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja – pulizija – nutara li ħallsu taxxa tard

Question

Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta' drabi li l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) informa lill-Pulizija dwar Nutara li jkunu tard fil-ħlas ta’ taxxa miġbura minnhom jew li saħansitra jkunu wettqu miżapproprjazzjoni ta' taxxi miġbura minnhom xahar b’xahar mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istatistika li qiegħda tintalab tant hija speċifika illi fl-opinjoni tal-FIAU, din kapaċi twassal għall-identifikazzjoni ta’ xi persuni partikolari, u għaldaqstant ma tista’ tiġi mgħoddija lill-Ministru, ai termini tal-Artikolu 34(1)(d) tal-Att Kontra Money Laundering. Madanakollu, statistika ta’ natura ġenerika u kkonsolidata, li tinkludi wkoll statistika tan-numru ta’ kazijiet li l-FIAU ghaddiet lill-Pulizija għal investigazzjoni, u s-suspett tar-reat sottostanti, fejn dan ta’ l-aħħar ikun mgaħruf lill-FIAU, tinstab fir-rapport annwali tal-FIAU.
Leg 13 PQ #4143 Sitting 90 2018-03-06 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi – Pulizija – ħlas tard ta’ taxxi min-nutara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta' drabi li d-Dipartiment tat-Taxxi nforma lill-Pulizija dwar Nutara li jkunu tard fil-ħlas tat-taxxa miġbura minnhom jew li saħansitra jkunu wettqu miżapproprjazzjoni ta' taxxi miġbura minnhom, xahar b’xahar mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju tal-Kummisarju tat-Taxxi japprova biss kuntratti li fuqhom titħallas it-taxxa qabel ma dawn ikunu jistgħu jiġu rreġistrati mar-Reġistru Pubbliku. Id-Dipartiment tat-Taxxi ma jkollux għarfien dwar kuntratti li ma jiġux ippreżentati lilu, u li għaldaqstant fuqhom ma tkunx tħallset taxxa, u li bħala kosegwenza ma jkunux jistgħu jiġu rreġistrati mar-Reġistru Pubbliku.
Leg 13 PQ #4144 Sitting 90 2018-03-06 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja – azzjoni dwar rappurtaġġ fil-mezzi tax-xandir u avviżi tal-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) isegwix u jieħux azzjoni dwar rappurtaġġi fil-mezzi tax-xandir u avviżi tal-Qorti fil-Gazzetta tal-Gvern u deċiżjonijiet u digrieti tal-Qorti ta' Reviżjoni tal-Atti Nutarili dwar Nutara? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid kemm-il on-site examination, eżerċizzju ieħor ta’ verifika jew azzjoni oħra wettaq il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja abbażi ta' dik l-informazzjoni xahar b'xahar mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Korp għandu l-poter illi jwettaq on-site examinations u eżerċizzji oħrajn ta’ natura superviżorja ai termini tal-Artikolu 16 tal-Att Kontra Money Laundering, bl-iskop illi tiġi evalwata u żgurata l-konformita ta’ persuni suġġetti mal-obbligi taħt ir-Regolamenti Kontra Money Laundering u Finanzjar ta’ Terroriżmu. Fil-qadi ta’ dmirijietu il-Korp jieħu in konsiderazzjoni qualsiasi informazzjoni li tiġi a konoxxenza tiegħu. Minn barra element ta’ għażla każwali (random selection) u teħid ta’ cross-section tas-setturi, l- onsite examinations isiru ab bażi ta’ numru ta’ fatturi, fosthom: · Ir-riskju ta’ money laundering u finanzjar ta’ terroriżmu marbuta kemm ma’ każijiet individwali kif ukoll mas-setturi partikolari; · Informazzjoni li tkun ġiet fil-pussess tal-FIAU jew ta’ awtoritajiet oħra; · Informazzjoni oħra li tasal għand l-FIAU tramite mezzi oħrajn fosthom il-mezzi tax-xandir Dan tal-aħħar m’huwiex l-unika fattur li jittieħed in konsiderazzjoni mill-Korp fil-qadi ta’ dmirijietha u għaldaqstant l-istatistika li qiegħda tintalab m’hijiex possibli li tiġi pprovduta.
Leg 13 PQ #4133 Sitting 89 2018-03-05 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni – każijiet pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm każijiet pendenti quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni? Jista' jgħid kemm ilhom pendenti l-każijiet quddiem din il-Kummissjoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 13 PQ #4134 Sitting 89 2018-03-05 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni – każijiet ta’ korruzzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, sena b'sena, kemm kien in-numru ta' każijiet ta' korruzzjoni li tressqu quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni mis-sena 2000 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn il-każijiet ġew konklużi u kemm għadhom pendenti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Jobsplus – ħaddiema reġistrati ma’ kumpanija mill-2014

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm kellha u għandha reġistrati ħaddiema mal-Korporazzjoni Jobsplus il-kumpanija li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament mis-sena 2014 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Peress li l-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant hija kumpanija privata, qed ngħaddi l-informazzjoni li ngħatajt lill-Onor. Interpellant separatament u b'mod kunfidenzjali.

Jobsplus – ħaddiema reġistrati ma’ kumpanija mill-2015

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm kellha u għandha reġistrati ħaddiema mal-Korporazzjoni Jobsplus il-kumpanija li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament sena b'sena, mis-sena 2015 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Peress li l-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant hija kumpanija privata, qed ngħaddi l-informazzjoni li ngħatajt lill-Onor. Interpellant separatament u b'mod kunfidenzjali.

Jobsplus – ħaddiema reġistrati ma’ kumpanija mill-2014

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm kellha u għandha reġistrati ħaddiema mal-Korporazzjoni Jobsplus il-kumpanija li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament sena b'sena, mis-sena 2014 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Peress li l-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant hija kumpanija privata, qed ngħaddi l-informazzjoni li ngħatajt lill-Onor. Interpellant separatament u b'mod kunfidenzjali.

Nutar Prinċipali tal-Gvern – applikazzjonijiet irċevuti għal revoki ta’ mandati speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il applikazzjoni rċieva n-Nutar Prinċipali tal-Gvern sabiex jiġu revokati mandati speċjali li jikkonċernaw proprjetà immobbli mis-sena 2016 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati u ddaħħlu fir-reġistru elettroniku? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ma' ġewx aċċettati u x'kienu r-raġunijiet mogħtija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab annessa ma din ir-risposta. Dan ifisser li b'kollox ġew frankati ċirca €312,000 fi spejjeż lin-nies kollha involuti meta tqis l-ispejjeż tas-sistema l-antika. PROKURI BEJN PERSUNI FIŻIĊI 2016 (MINN: 19/02/2016) 2017 2018 RAĠUNIJIET PROKURI SPEĊJALI 4 18 2 PROKURI ĠENERALI 21 95 6 KULL PROKURA ĠENERALI U SPEĊJALI 8 6 0 PROKURI LI MA ĠEWX AĊĊETTATI 0 2 * 0 *2 Prokuri kienu jirrigwardjaw kumpaniji SAT-13/02/2018 IDDAĦĦLU FIR-REĠISTRU ELETTRONIKU 160 PROKURA
Leg 13 PQ #4127 Sitting 88 2018-02-28 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Identità Malta – ittri uffiċjali ppreżentati kontra l-Aġenzija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ittri uffiċjali ġew ippreżentati kontra l-Aġenzija Identità Malta fil-qrati ta' Malta mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid jekk l-Aġenzija Identità Malta ppreżentatx ittri uffiċjali bi tweġiba għal kull ittra uffiċjali li ġiet ippreżentata kontra l-istess Aġenzija? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-ittri uffiċjali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Leg 13 PQ #4128 Sitting 88 2018-02-28 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Identità Malta – American University of Malta — għoti ta’ viżi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il talba rċeviet l-Aġenzija Identità Malta mis-sena 2014 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari għall-għoti ta' viżi għall-istudenti minn persuni li indikaw li se jibdew jattendu l-American University of Malta? Jista' jgħid kemm-il waħda minn dawn it-talbiet ġew aċċettati mill-Aġenzija Identità Malta u minn liema pajjiżi kienu l-persuni li għamlu t-talbiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Identità Malta taċċetta talbiet biss mingħand l-istituzzjonijiet li joffru programmi ta’ studju u mhux mingħand l-individwi li jridu jiġu jistudjaw f’pajjiżna. Kull student japplika direttament f’waħda mill-Ambaxxati Maltin barra minn xtutna jew dawk l-Ambaxxati li jirrapreżentaw lil pajiżna. L-Aġenzija ma tkunx involuta f’dan il-proċess sakemm ma tintalabx xi għajnuna speċifika dwar xi punt tekniku.

Rapport tal-Missjoni tal-Parlament Ewropew — ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas jew tħallsu l-individwu ta' nazzjonalità Ingliża u d-ditta Ingliża li d-dettalji tagħhom qegħdin jingħataw separatament b'rabta mat-tweġiba tal-Gvern ta' Malta għar-rapport tal-missjoni tal-Parlament Ewropew bid-data tal-11 ta' Jannar 2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Konxji mill-ħidma li kienet qiegħda ssir kontra pajjiżna fuq livell internazzjonali, imsejsa biss fuq nofs veritajiet, rapporti inkonklussivi u/jew suppożizzjonijiet, dan il-Gvern ma setax ma jinvolvix ukoll kumpanija legali reputabbli internazzjonalment, bħalma hi dik imsemmija b’mod separat. Ninsab infurmat li saru l-ħlasijiet ta’ €26,000 minn dan il-Ministeru għal servizzi legali mogħtija mid-ditta internazzjonali inkwistjoni, waqt li l-individwu msemmi wkoll qatt ma tħallas direttament minn dan il-Ministeru. Ovvjament ir-responsabbiltà tal-kontenut kollu tar-rapport hi biss tal-Gvern Malti.
Leg 13 PQ #4130 Sitting 88 2018-02-28 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Identità Malta – reklamar fuq is-sit ta’ Facebook

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, xahar b'xahar, kemm kienet in-nefqa mill-Aġenzija Identità Malta, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mit-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

In-nefqa t’Aġenzija Identità Malta f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mit-3 ta' Ġunju 2017 sal-lum tammonta għal €719.80.

Ġurijiet Pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti? Jista' jgħid kemm ilu pendenti kull wieħed mill-ġurijiet? Jista' jgħid x'inhuma l-akkużi u x'nazzjonalità għandhom il-persuni akkużati għal kull wieħed mill-ġuri?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ghadha qieghda tingabar u ghaldaqstant r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.
Leg 13 PQ #4121 Sitting 87 2018-02-27 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Identità Malta – Chairperson Eżekuttiv — bord konsultattiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk, ħatarx bord konsultattiv biex jgħin liċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità Malta skont dak li jipprovdi l-artikolu 42 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta' Malta) mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid min kienu u min huma l-membri tal-bord konsultattiv tal-Aġenzija Identità Malta mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat mill-Aġenzija Identità Malta li sa issa ma inħatarx bord bhal dak li qed jirreferi għalih l-Onor Interpellant.
Leg 13 PQ #4122 Sitting 87 2018-02-27 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Identità Malta – kontijiet verifikati u rapporti dwar l-operat tal-Aġenzija

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kontijiet verifikati flimkien mar-rapport dwar l-operat tal-Aġenzija Identità Malta matul is-sena 2016? Jista' jgħid għalfejn il-kontijiet verifikati flimkien mar-rapport, għadhom ma ġewx imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra bi ksur ta' dak li jipprovdi l-artikolu 41 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta' Malta) u ċjoè li dawn kellhom jiġu ppreżentati lill-Ministru responsabbli mill-Aġenzija permezz tas-Segretarju Permanenti mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara t-tmiem tas-sena finanzjarja 2016 u l-Ministru responsabbli għall-Aġenzija Identità Malta kellu jqegħidhom fuq il-Mejda tal-Kamra mhux iktar tard minn sitt ġimgħat minn meta jkun irċevihom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar l-operat tal-Aġenzija Identità Malta li jkopri s-sena 2016, skont dak li jipprovdi l-artikolu 41 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta' Malta), kif ipprovdut lilli mill-istess agenzija.
Leg 13 PQ #4123 Sitting 87 2018-02-27 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Identità Malta – Segretarju Parlamentari – preżentazzjoni tal-kontijiet verifikati u rapporti dwar l-operat tal-Aġenzija

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti d-data ta’ meta rċieva kopja tal-kontijiet verifikati flimkien mar-rapport dwar l-operat tal-Aġenzija Identità Malta matul is-sena 2017 u dan skont dak li jipprovdi l-artikolu 41 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta' Malta) u ċjoè li dawn għandhom jiġu ppreżentati lilu bħala l-Ministru responsabbli mill-Aġenzija permezz tas-Segretarju Permanenti mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara t-tmiem tas-sena finanzjarja 2017?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ġejt informat minn Identity Malta li r-rapport dwar l-operat ta’ din l-istess Aġenzija li jkopri s-sena 2017, skont dak li jipprovdi l-artikolu 41 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta' Malta), se jiġi ppublikat fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 13 PQ #4124 Sitting 87 2018-02-27 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Identità Malta – kawżi preżentati kontra l-Aġenzija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kawżi ġew ippreżentati kontra l-Aġenzija Identità Malta fil-qrati u t-tribunali ta' Malta mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid x'inhu l-okkju ta' kull kawża u f'liema stadju waslet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.