Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #5582 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reġistratur tal-Kumpaniji – dikjarazzjoni ta’ beneficial owners ta’ kumpaniji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il dikjarazzjoni dwar min hu jew min huma l-beneficial owners ta' kumpaniji u li dwarhom ikun sar trasferiment jew trasmissjoni ta' azzjonijiet jew żieda jew tnaqqis tal-kapital azzjonarju maħruġ jew ristrutturar tal-kapital azzjonarju jew bidla fil-jeddijiet tal-vot, ġiet ippreżentata lir-Reġistratur tal-Kumpaniji skont dak li jipprovdi s-sub-regolament 6 (2) tar-Regolamenti dwar Companies Act (Register of Beneficial Owners) (Leġislazzjoni Sussidjarja 386.19) mill-1 ta' Jannar 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5581. Ma tinżammx informazzjoni separata ta' kemm dikjarazzjonijiet ġew sottomessi skond kif mitlub mir-regolament 6(1) jew 6(2). Għal dan l-iskop tintuża formola waħda ta’ notifikazzjoni (Form BO2).
Leg 13 PQ #5583 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reġistratur tal-Kumpaniji – reġistrazzjoni ta’ memorandum u artikoli ta’ kumpanija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba r-Reġistratur tal-Kumpaniji ma rreġistrax memorandum u l-artikoli ta' kumpanija peress li l-istess Reġistratur tal-Kumpaniji ma kienx sodisfatt illi ġew imħarsa l-ħtiġiet tar-Regolamenti dwar Companies Act (Register of Beneficial Owners) (Leġislazzjoni Sussidjarja 386.19) skont dak li jipprovdi s-sub-regolament 6 (3) tar-Regolamenti dwar Companies Act (Register of Beneficial Owners) (Leġislazzjoni Sussidjarja 386.19) mill-1 ta' Jannar 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ir-Reġistratur tal-Kumpaniji ma jaċċettax talbiet biex jiġu reġistrati kumpaniji meta id-dikjarazzjoni tkun nieqsa (fejn din għanda tingħata). L-informazzjoni mitluba għalhekk ma tinżammx peress li lanqas biss tiġi kkonsidrata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ kumpanija mingħajr id-dikjarazzjoni fejn din hemm lokha. Nista però nikkonferma li r-Reġistru tal-Kumpaniji kellu diversi kazi fejn ma’ ġewx aċċettati memorandum u l-artikoli ta' kumpaniji proposti ġodda għax ma kellhomx id-dikjarazzjoni.

L-Imrieħel – Bypass – Pedestrian Footbridge – compliance certificate

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġitx compliance certificate dwar il-pedestrian footbridge li jinsab fil-bypass tal-Imrieħel? Jekk iva, jista' jpoġġi kopja tal-istess compliance certificate fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma kienx hemm tali talba.

Korp tal-Pulizija – Trasferiment ta’ surġent

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li s-Surġent tal-Korp tal-Pulizija li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament ġie trasferit lejn ir-Rapid Intervention Unit (RIU) matul ix-xhur li għaddew?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi t-trasferiment tas-Surġent imsemmi f’din il-mistoqsija, sar skont l-esiġenzi tas-servizz, bħal kull trasferiment ieħor li jsir fil-Korp.

Kummissarju tal-Pulizija – laqgħat ma’ surġent

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'laqgħat kellu l-Kummissarju tal-Pulizija mas-Surġent tal-Korp tal-Pulizija li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament? Jista' jgħid id-data ta' kull waħda minn dawn il-laqgħat, x'kien is-suġġett u l-eżitu ta' kull waħda mil-laqgħat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi jsiru diversi laqgħat mill-Kummissarju tal-Pulizija ma’ diversi membri tal-Korp, però ma jkunx opportun illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant jkun magħmul Pubbliku.

Korp tal-Pulizija – Surġent – għażla għal trasferiment

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li s-Surġent tal-Korp tal-Pulizija li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament ġiex mogħti l-għażla mill-Kummissarju tal-Pulizija dwar fejn għandu jiġi trasferit matul ix-xhur li għaddew?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kif sar fil-każ tas-Surġent li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament, kull tqassim ta’ membri tal-Korp isir skont l-esiġenzi jew neċessitajiet oħra tal-Korp, li jkun hemm fiż-żmien li trasferiment ikun ser isir.

Korp tal-Pulizija — Surġent - promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu fil-Korp tal-Pulizija s-Surġent li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament? Jista' jgħid xi promozzjonjiet ingħata l-imsemmi Surġent matul is-snin li ilu fil-Korp tal-Pulizija? Jista' jgħid x'każijiet ta' dixxiplina kellu jew għad għandu pendenti fil-konfront tiegħu l-imsemmi Surġent?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi s-Surġent li d-dettalji dwaru ngħataw separatament daħal fil-Korp tal-Pulizija bħala Kuntistabbli fis-sena 2000 u ġie promoss bħala Surġent tal-Pulizija, fis-sena 2005. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ma nħossx li jkun prudenti u mhix il-prassi li tingħata l-informazzjoni mitluba.

Awtorita għall-Ippjanar – Azzjonijiet fir-rigward taċ-Chairperson Eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi beħsiebu jieħu jew diġà ħa huwa bħala Ministru u/jew beħsiebha tieħu jew diġà ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar fir-rigward taċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fid-dawl ta' dak li ddikjarat il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili f'sentenza li ngħatat nhar it-18 ta' April 2018 u ċjoè li ċ-Chairperson Eżekuttiv wera nuqqas ta' sensittività, naqas milli jaġġixxi u allegatament indaħal fl-infurzar, liema aġir skont l-istess Qorti jista' jammonta għal aġir ċensurabbli?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sentenza tal-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili li ngħatat nhar it-18 ta' April 2018, għar-rigward tac-Chairman Eżekuttiv, tirreferi għal ‘nuqqas apparetni’ u ‘allegat indħil’ u ma tasal għal ebda konferma ta’ dan. Il-minuti tal-laqghat tal-Kunsill Ezekuttiv li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra juru biċ-ċar li l-aġir tal-Awtorità f’dan il-każ kien intenzjonat li jneħħi il-periklu, hekk kif dikjarat min diversi Periti. Il-Ministru kkunsidra dan kif ukoll il-fatt illi l-proċeduri tal-Qorti għadhom għaddejjin fil-każ ta’ l-uffiċjal l-ieħor ta’ l’Awtorita’, msemmi fl-istess sentenza u għalhekk jikkonferma li fil-preżent ma hemmx lok ta’ l-ebda azzjoni.

Avukat Ġenerali – kopja ta’ ittra

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li l-Avukat Ġenerali ta lill-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament jew lill-Avukati tal-istess individwu u li permezz tagħha jingħad li l-imsemmi individwu mhux qed jiġi investigat?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onorevoli Membru huwa nformat illi t-tip tas-suppost ittra deskritta fid-domanda ma tinħarigx mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Jekk l-Onorevoli Membru għandu xi nformazzjoni li raġjonevolment wasslitu biex jemmen li teżisti tali ittra kordjalment nitolbu biex, jekk jidhirlu, jgħaddihieli.
Leg 13 PQ #5506 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

FIAU – kopja ta’ ittra

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) ta lill-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament jew lill-Avukati tal-istess individwu u li permezz tagħha jingħad li l-imsemmi individwu mhux qed jiġi investigat?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-natura tal-informazzjoni li qiegħda tiġi mitluba ma tistax tiġi pprovduta għaliex din hija ikklassifikata bħala kunfidenzjali ai termini tal-Artikolu 34 tal-Att Kontra Money Laundering, u l-Korp huwa pprojbit milli jiżvela din it-tip ta’ informazzjoni ai termini tal-istess Artikolu.
Leg 13 PQ #5507 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MFSA – kopja ta’ ittra

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) tat lill-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament jew lill-Avukati tal-istess individwu u li permezz tagħha jingħad li l-imsemmi individwu mhux qed jiġi investigat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Kif jaf l-Onor. Membru l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta topera taht l-obbligu legali tas-segreteza professjonali u l-informazzjoni mitluba hija tat-tip li, kieku d-dokument li għalih hemm referenza fid-domanda kien jeżisti, kienet taqa’ fil-kategorija ta’ informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali. Madankollu l-Awtorita ma għandha ebda għarfien jew indikazzjoni li hija qatt ħarġet ittra bħal dik imsemmija fid-domanda.
Leg 13 PQ #5508 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Laqgħat ma’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li huwa ltaqa' mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament nhar il-Ħamis 3 ta' Settembru 2015?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-mistoqsija tiegħu hija bba¿ata biss fuq spekulazzjoni bla bażi li diġà ġiet miċħuda pubblikament, ngħarrfu xorta waħda li r-risposta tiegħhi hija fin-negattiv, jiġifieri le.
Leg 13 PQ #5509 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Laqgħat ma’ individwu

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5292 waqt is-seduta ta' nhar it-23 ta' April 2018, jista' l-Prim Ministru jagħti ż-żewġ dati ta' meta huwa ospita u ltaqa' mal-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5292.

L-Imrieħel – bypass – pedestrian footbridge — ftehim

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe ftehim li sar dwar il-pedestrian footbridge li jinsab fil-bypass tal-Imrieħel?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’għandi xejn iktar x’inżid mat-twegibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar dan is-suġġett. Bla dubju nerġa nesprimi wkoll id-diżappunt tiegħi bħala Ministru u wkoll f’isem Transport Malta għad-dewmien tal-proġett ikkawzat min-nuqqas ta’ kollaborazzjoni mill-kuntrattur.
Leg 13 PQ #5494 Sitting 108 2018-05-07 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali – Ftehim dwar l-Operat tal-Aġenzija

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5274 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Ftehim dwar l-Operat tal-Aġenzija li abbażi tiegħu jitwettaq l-operat tal-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali skont dak li jipprovdi l-artikolu 8 tal-Ordni dwar it-Twaqqif tal-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali (Leġislazzjoni Sussidjarja 497.12) u l-artikolu 40 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-ftehim dwar l-opeat tal-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali huwa ftehim intern bejn il-Gvern u din l-Aġenzija dwar l-operat tagħha. Peress li huwa meqjus li l-pubblikazzjoni ta’ dak il-ftehim jista’ jkollha effett ħażin fuq it-tmexxija xierqa u effiċjenti tal-operazzjonijiet tal-fond, mhuwiex indikat li l-istess rapport jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra u b’hekk isir pubbliku kemm f’Malta kif ukoll barra.

Avukat Ġenerali – tim ta’ investigazzjoni konġunta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4832 u jgħid mis-sena 2004 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il tim ta' investigazzjoni konġunta stabbilixxa l-Avukat Ġenerali biex iwettaq investigazzjoni f'reati kriminali f'Malta u f'xi Stat Membru ieħor jew Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea skont dak li jipprovdi r-regolament 3 tar-Regolamenti dwar Timijiet ta' Investigazzjoni Konġunta (Stati Membri tal-UE) (Leġislazzjoni Sussidjarja 9.18)? Jista' jgħid għal liema għan speċifiku twaqqfu l-imsemmija timijiet u jindika l-perjodu li għalih twaqqfu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Talbiet pendenti dwar kumpens għal ħsara mill-kriminalità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4827 u jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet pendenti taħt ir-Regolamenti tal-2007 dwar Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità u li s-smigħ dwarhom kompla jsir taħt ir-Regolamenti dwar Skema għal Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità (Leġislazzjoni Sussidjarja 9.12)? Jista' l-Ministru jgħid dwar liema reati kriminali kienu dawn it-talbiet, kemm minnhom ġew aċċettati, kemm ġew rifjutati u x'inhu l-ammont ta' kumpens li ngħata?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed nannetti ma’ din it-tweġiba tabella bit-talbiet pendenti taħt ir-Regolament tal-2007 dwar Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità li s-smigħ dwarhom kompja jsir taħt ir-Regolament dwar Skema għal Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità (Leġislazzjoni Sussidjarja 9.12. NUMRUTIP TA’ REATAĊĊETTATIRIFJUTATIAMMONT IMĦALLAS 2Ħsara fuq il-persunaN/A2N/A 1Dannu għal vettura in segwitu ta’ sparaturaN/A1N/A 1Serq, ħsara għal proprjeta` u ħsara mentali u psikoloġikaN/A1N/A 1Omiċidju volontarju1N/A€23,293.73 1SerqN/A1N/A 1Ħsara fuq il-proprjeta`N/A1N/A Total: 716€23,293.73

Applikazzjonijiet għall-kumpens għal ħsara mill-kriminalità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4826 u jgħid, kemm-il applikazzjoni għal kumpens ġiet ippreżentata skont dak li jipprovdu r-Regolamenti dwar Skema għal Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità (Leġislazzjoni Sussidjarja 9.12)sena b'sena, mis-sena 2012 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jgħid dwar liema reati kriminali kienu dawn it-talbiet, kemm minnhom ġew aċċettati, kemm ġew rifjutati u x'inhu l-ammont ta' kumpens li tħallas?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Korrispondenza bejn il-Korp tal-Pulizija, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u l-Europol

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza kollha li għaddiet bejn il-Korp tal-Pulizija u/jew il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u l-Europol dwar l-ittra bid-data tas-26 ta' April 2018 u li d-Direttur Eżekuttiv tal-Europol bagħat lill-Membru Parlamentari Ewropew Ana Gomes u li dwar l-istess ittra, il-Korp tal-Pulizija ħareġ stqarrija nhar it-28 ta' April 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux prudenti li l-korrispondenza li qed jirreferi għaliha titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija – kopja ta’ ittra

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li l-Korp tal-Pulizija ta lill-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament jew lill-Avukati tal-istess individwu u li permezz tagħha jingħad li l-imsemmi individwu mhux qed jiġi investigat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li għalkemm ma jkunx prudenti li ittri mibgħuta lil xi individwi, inkluż il-persuni msemmija f’din l-Interpellanza jkunu magħmula pubbliċi, jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni speċifika u jagħtina aktar dettalji, inkun nista' nivverifika ulterjorament.