Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #7832 Sitting 178 2018-12-06 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Lija – Villa Francia — ħaddiema

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu full-time u/jew part-time f'Villa Francia f'Ħal Lija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

F'Villa Francia hemm jaħdmu 3 persuni, 1 full-time u 2 part-time, mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dawn huma l-istess persuni li jaħdmu fil-Palazz tal-Girgenti .
Leg 13 PQ #7833 Sitting 178 2018-12-06 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Siġġiewi — Palazz tal-Girgenti - attivitajiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont tal-attivitajiet, laqgħat, ikliet, riċevimenti u okkażjonijiet oħra kollha li saru fil-Palazz tal-Girgenti fis-Siġġiewi mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Prim Ministru jagħti d-data u rendikont dwar in-nefqa b'rabta ma' kull waħda mill-imsemmija attivitajiet, laqgħat, ikliet, riċevimenti u okkażjonijiet oħra?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Niġbed l-attenżjoni tal-Onor Interpellant li kif kien jiġri qabel l-2013, wara l-2013 ukoll, jien u l-mara tiegħi kellna impenji uffiċjali fil-Palazz tal-Girgenti li kienu jinkludu fost oħrajn attivitajiet b’rabta ma’ żjarat f’pajjiżna minn delegazzjonijiet għolja barranin, riċevimenti għas-soċjetà ċivili u għaqdiet mhux governattivi, u attivitajiet fl-okkazjoni tal-fieri li jsiru fis-sajf u l-kuncert Classics Under the Stars. L-aħħar żewġ impenji bdew ikunu organizzati qabel l-2013. Minn Marzu 2013 sal-lum kien hemm 43 attività li jaqgħu fil-kategoriji msemmija mill-Onor. Interpellant, fil-Palazz tal-Girgenti bi spiża medja ta’ €1,712 għal kull attività. Minn informazzjoni li nstabet, jirrizulta li bejn Marżu 2008 u tmiem l-2012 kien hemm 63 attività fil-Palazz tal-Girgenti bi spiża medja ta’ €1,732 għal kull attività.
Leg 13 PQ #7834 Sitting 178 2018-12-06 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Siġġiewi – Palazz tal-Girgenti — ħaddiema

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu full-time u/jew part-time fil-Palazz tal-Girgenti fis-Siġġiewi?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Fil-Palazz tal-Girgenti hemm jaħdmu 3 persuni, 1 full-time u 2 part-time, mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dawn huma l-istess persuni li jaħdmu f'Villa Francia.

Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali — ftehim

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bħala Aġenzija tal-Gvern hu obbligat li jagħmel skont dak li jipprovdi l-artikolu 3 (5) (d) tal-Ordinanza dwar l-Avukat Ġenerali (Kap. 90 tal-Liġijiet ta' Malta) biex jiġu stabbiliti l-finanzjament tal-aġenzija kif ukoll il-ħidmiet li għandhom jiġu indirizzati u miksubin minnha?

Response (BONNICI, OWEN)

It-twegiba tinghata f'seduta f'ohra.

Avukat Ġenerali – abbozz ta’ liġi dwar ċensura ġurnalistika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Gvern iressaq quddiem il-Kamra abbozz ta' liġi biex kif indika l-Avukat Ġenerali, il-leġislatur "[...] jiċċensura hu b'mod formali dak li sal-lum fir-relm tal-etika ġurnalistika hu l-awtoċensura" u skont kif l-istess Avukat Ġenerali ġie kkwotat li ssottometta lill-Qorti mill-gazzetta Kullħadd ta' nhar il-Ħadd, 28 ta' Ottubru 2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif jaf l-Onorevoli Membru il-kliem li huwa ċċita ittieħed minn sottomissjoni li saret quddiem Qorti u mhux minn xi stqarrija uffiċċjali tal-Avukat Ġenerali. Dan f’ kawża fejn qamet kwistjoni partikolari dwar possibbli intraċ fil-proċess ġudizzjarju permezz tal-u¿u tal-media. Il-Gvern f’ dan l-istadju ma għandux il-ħsieb illi jressaq abbozz ta’ liġi bħal dak indikat fid-domanda u jqis li dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu regolati mill-qrati skont il-fatti partikolari li jkollhom quddiemhom. Naturalment huwa dejjem pozittiv li jkun hawn diskussjoni dwar il-htiega ta' bilanċ xieraq bejn id-dritt tal-media li tinforma lill-pubbliku, d-dritt tas-smiegħ xieraq u l-ħtiega illi l-Qrati jitħallew jiddeċiedu f’ambjent ta’ imparzjalita u ta’ rispett lejn l-awtorita u l-funzjoni tagħhom.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – spiża tas-servizz tal-mobile tal-Ministru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għas-servizz ta' mobile telephone li jintuża minnu stess bħala Ministru u li jitħallas mill-Gvern xahar b'xahar mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #7754 Sitting 177 2018-12-05 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta — linji gwida

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-linji gwida kollha maħruġa mill-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq l-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #7755 Sitting 177 2018-12-05 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Visa u Residenza f'Malta — formoli ta' applikazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-formoli tal-applikazzjonijiet kollha maħruġa mill-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 7754.
Leg 13 PQ #7828 Sitting 177 2018-12-05 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Azzjonisti u ultimate beneficial owners ta’ kumpanija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma d-diretturi, azzjonisti (shareholders) u l-ultimate beneficial owners (UBOs) tal-kumpanija li hija rreġistrata f'Dubai u li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-Onor. Membru għandu jkun informat li l-aċċess għall-informazzjoni mitluba mhuwiex fil-poter tal-Eżekuttiv.
Leg 13 PQ #7829 Sitting 177 2018-12-05 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Azzjonisti u ultimate beneficial owners ta’ kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma d-diretturi, azzjonisti (shareholders) u l-ultimate beneficial owners (UBOs) tal-kumpanija li hija rreġistrata f'Dubai u li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Persuni li ffrekwentw każini mhux reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna ġiet akkużata li ffrekwentat każin li mhux reġistrat skont ir-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini (Leġislazzjoni Sussidjarja 10.21)? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, ma kienx hemm każijiet fejn xi persuna ġiet akkużata li ffrekwentat każin li mhux reġistrat skont ir-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini, Leġiżlazzjoni Sussidjarja 10.21.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni li qed iservu sentenza ta’ priġunerija għal reati ta’ prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna kienet qed isservi sentenza ta' priġunerija fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin dwar reati ta' prostituzzjoni jew li għalkemm is-sentenza li qed isservi kienet jew hija dwar reati oħra, l-istess persuna kellha x'taqsam mal-prostituzzjoni? Jista' l-Ministru jgħid is-sess u l-età ta' kull waħda mill-imsemmija persuni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li għandhom reati ta’ prostituzzjoni u reati ta’ qligħ mill-prostituzzjoni huwa kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, sena b’sena mill-2013 sas-17 ta’ Novembru 2018, l-età tal-persuni kif ukoll is-sess tagħhom.

Qrati ta’ Ġustizzja Kriminali – projbizzjoni ta’ pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar kawżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2000 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il darba l-Qrati ta' Ġustizzja Kriminali ħarġu ordni li permezz tiegħu pprojbixxu l-pubblikazzjoni sa ma kawża tispiċċa, ta' kitba, stampata jew le, dwar reat li fuqu tkun miexja kawża jew dwar imputat jew akkużat skont dak li jipprovdi l-artikolu 517 (1) tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid minn liema Qorti nħareġ kull wieħed mill-imsemmija ordnijiet, jagħti d-data ta' meta nħareġ kull wieħed mill-ordnijiet u jindika wkoll kemm dam fis-seħħ kull wieħed mill-imsemmija ordnijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex ma tinżamm l-ebda statistika f’dan ir-rigward, dan għaliex meta toħroġ ordni ai termini tal-artikolu 517(1), din l-ordni tingħata dejjem wara li jkunu bdew il-proċeduri jew waqt l-andament tal-proċeduri u għaldaqstant ma jiġux mdaħħla fis-sistema.

Qrati tal-Ġustizzja Kriminali – ordnijiet maħruġa

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull ordni li nħareġ mill-Qrati ta' Ġustizzja Kriminali, mis-sena 2000 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, skont dak li jipprovdi l-artikolu 517 (1) tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta) u li skont l-istess artikolu għandu jkun iffirmat mir-reġistratur u mwaħħal fil-bieb tal-edifizzju li fih il-qorti toqgħod?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 7547.

Persuni akkużati li kisru ordnijiet maħruġa mill-Qrati ta’ ġurisdizzjoni kriminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2000 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna ġiet akkużata li kisret ordni maħruġ mill-Qrati ta' ġurisdizzjoni kriminali skont dak li jipprovdi l-artikolu 517 (1) tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 7547.

Qrati ta' ġurisdizzjoni kriminali – ksur ta’ ordni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2000 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il darba l-Pulizija għarrfet lill-qorti bi ksur ta' ordni maħruġ mill-Qrati ta' ġurisdizzjoni kriminali skont dak li jipprovdi l-artikolu 517 (3) tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jagħti d-data ta' meta l-Pulizija għarrfet lill-Qrati b'dan u jindika liema Qorti ġiet mgħarrfa b'hekk mill-Pulizija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi mill-Onor. Interpellant ma kienx hemm istanzi fejn li-Pulizija għarrfet lill-qorti bi ksur ta' ordni maħruġ mill-Qrati ta' ġurisdizzjoni kriminali skont dak li provdut fl-artikolu 517(3) tal-Kodiċi Kriminali, Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta.

Postijiet ta’ detenzjoni – persuni detenuti

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna kienet jew għadha tinżamm detenuta f'kull wieħed mill-postijiet ta' detenzjoni li huma mniżżla fl-Iskeda tal-Ordni dwar Dikjarazzjoni ta’ Postijiet ta' Detenzjoni (Leġislazzjoni Sussidjarja 217.03)? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalità kienu jew huma l-imsemmija persuni u jindika r-raġuni għad-detenzjoni tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ persuni li nżammu detenuti fil-postijiet ta' detenzjoni mniżżla fl-Iskeda tal-Ordni dwar Dikjarazzjoni ta’ Postijiet ta' Detenzjoni sena, b’sena mill- 2013 sa Ottubru 2018 kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-istess tabella turi liema kienu ċ-ċentri li ntużaw f’dan il-perjodu, kif ukoll tabelli li jindikaw in-nazzjonalitajiet tal-istess persuna. Infurmat illi f’dan il-perjodu diversi minn dawn iċ-ċentri ma kinux intużaw jew waqfu li jibqgħu jintużaw. Għal dak li jirrigwarda l-post ta’ detenzjoni fid-Depot tal-Pulizija in-nazzjonalità ta’ dawk involuti huma prattikament l-istess bħal dawn imsemmija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Kull każ ta’detenzjoni fil-postijiet imsemmija kien għall-skopijiet ta’ dak provdut fl-Att tal-Immigrazzjoni, kif hu indikat ċar fl-artikolu 2 tal-istess Leġiżlazzjoni Sussidjarja.

Każini reġistrati fl-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm każini reġistrati fl-uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija? Jista' jgħid f'liema lokalità kienu jinsabu l-imsemmija każini u għal liema skop (tal-banda, politiċi, sportivi eċċ) huma l-imsemmija każini?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-figuri miżmuma mill-Pulizija dwar każini reġistrati huma dawk tas-sena kurrenti anke peress li l-ammonti ftit ivarjaw matul is-snin. Fil-fatt fl-aħħar ta’ Ottubru 2018 kien hemm total ta’ erba’ mija u erbgħa (404) każin irregistat mal-pulizija għal skopijiet diversi u fid-distretti diversi, kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Każini li ma ġewx reġistrati mill-Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, jekk kienx hemm każijiet li dwarhom il-Kummissarju tal-Pulizija ma rreġistrax każini għal xi waħda jew aktar mir-raġunijiet imniżżla fir-regolament 5 tar-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini (Leġislazzjoni Sussidjarja 10.21)? Jista' l-Ministru jindika x'kienet ir-raġuni jew raġunijiet għal kull darba li l-Kummissarju tal-Pulizija ma rreġistrax każin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi ma kienx hemm istanzi fejn fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, kien hemm każijiet fejn il-Kummissarju tal-Pulizija ma rreġistrax każini minħabba xi raġunijiet imniżżla fir-regolament 5 tar-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini, Leġiżlazzjoni Sussidjarja 10.21.

Għeluq ta’ każini mill-Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, jekk kienx hemm każini li l-Kummissarju tal-Pulizija, bl-approvazzjoni tiegħu bħala Ministru, ordna l-għeluq ta' xi każin skont dak li jipprovdi r-regolament 9 tar-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini (Leġislazzjoni Sussidjarja 10.21)? Jista' l-Ministru jindika f'liema lokalità kienu jinsabu kull wieħed mill-każini li ġew ordnati jagħlqu u x'kienet ir-raġuni jew raġunijiet għall-ordni biex jingħalaq?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi ma kienx hemm istanzi fejn fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, kien hemm każijiet fejn il-Kummissarju tal-Pulizija, bl-approvazzjoni tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, ordna l-għeluq ta' xi każin skont il-provedimenti tar-regolament 9, tar-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini, Leġiżlazzjoni Sussidjarja 10.21.