Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — nefqa fuq reklamar fuq Facebook

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7524 waqt is-seduta ta' nhar is-27 ta' Novembru 2018, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami kollha li saru fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija reklami li saru fuq is-sit soċjali Facebook?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7524.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġjar tal-Ilma — nefqa fuq reklamar fuq Facebook

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7525 waqt is-seduta ta' nhar is-27 ta' Novembru 2018, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami kollha li saru fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija reklami li saru fuq is-sit soċjali Facebook?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-materjal kollhu li sar fuq Facebook min-naħa tal-WSC kien awdjo-viżiv. Fir-Rigward tal-EWA, apparti l-materjal awdjo-viżiv, kien hemm ukoll xi pubblikazzjonijiet fuq Facebook kif ingħad fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7525.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — nefqa fuq reklamar fuq Facebook

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7526 waqt is-seduta ta' nhar is-27 ta' Novembru 2018, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami kollha li saru fuq is-sit soċjali Facebook? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija reklami li saru fuq is-sit soċjali Facebook?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iżjed xi nżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 7526.
Leg 13 PQ #8254 Sitting 188 2019-01-28 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — nefqa fuq reklamar fuq Facebook

Question

B'referenza għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 5569 u 7527 waqt is-seduta ta' nhar is-27 ta' Novembru 2018, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami kollha li saru fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija reklami li saru fuq is-sit soċjali Facebook?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn izjed x’inzid mat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet 5569 u 7527.

Avukat Ġenerali – każijiet li ma ngħatawx kunsens biex jinbdew proċeduri kriminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il każ kien hemm li dwaru l-Avukat Ġenerali ma tax il-kunsens tiegħu biex jinbdew proċeduri kriminali għal xi reat taħt ir-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Flus (Leġislazzjoni Sussidjarja 233.07)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma teżistix statistika tal-inċidenza ta’ rifjut ta’ talbiet għat-tip ta’ kunsensi msemmija mill-Onor. Interpellant liema talbiet lanqas ma huma tant spissi. Madankollu jiena nfurmat li minn Settembru 2010 sal-lum kien hemm biss każ wieħed fejn l-Avukat Ġenerali ma kienx tal-kunsens tiegħu għall-bidu ta’ proċeduri taħt l-imsemmija regolamenti u dan minħabba li ma qabilx li l-ammont involut kien materjalment jeċċedi l-limitu permess mil-liġi.

Qorti tal-Appell – L-Ewwel Sezzjoni – appelli assenjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid, fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm hemm appelli assenjati lill-Ewwel Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell? Jista' l-Ministru jagħti rendikont dwar minn liema sentenzi u digrieti huma l-imsemmija appelli assenjati lill-Ewwel Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell?

Response (BONNICI, OWEN)

Fil-Qorti ta’ Malta sad-9 ta’ Jannar, hemm 1,342 kawża assenjati l-Ewwel Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell. L-Ewwel Sezzjoni tisma’ u tiddetermina l-appelli kollha li ma jiġux assenjati liż-żewġ Sezzjoni l-oħra tal-Qorti tal-Appell. Imma għandha dejjem tisma’ u tiddeċiedi l-appelli minn deċizjonijiet u appelli tal-Qortit’Għawdex u appelli li prima facie jidhru li huma ta’ natura kumplessa jew kumplikata jew li jkunu jeħtieġu trattazzjoni li teħtieġ aktar minn seduta waħda. L-Ewwel Sezzjoni tiddermina wkoll r-rikorsi ai termini tal-artikolu 24 tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kapitolu 255) li minn dan it-tip hemm 47 rikors pendenti. Tajjeb li jingħad li l-appelli kollha jiġu assenjati lill-Ewwel Sezzjoni u jitqassmu lis-Sezzjonijiet l-oħra tal-appell meta jaslu biex jiġu appuntati.

Qorti tal-Appell – It-Tieni Sezzjoni — appelli assenjati

Question

Jista' l-Ministru, jgħid fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm hemm appelli assenjati lit-Tieni Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell? Jista' l-Ministru jagħti rendikont dwar minn liema sentenzi u digrieti huma l-imsemmija appelli assenjati lit-Tieni Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell?

Response (BONNICI, OWEN)

Fil-Qorti ta’ Malta sad-9 ta Jannar 2019, hemm 103 kawżi assenjati lit-Tieni Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell. It-Tieni Sezzjoni tisma’ u tiddetermina dawk l-appelli li l-Prim Imħallef jidhirlu li għandu jassenjalha skont kif tipprovdi l-Legislazzjoni Sussidjarja 12.11.

Qorti tal-Appell – It-Tielet Sezzjoni – appelli assenjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid, fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm hemm appelli assenjati lit-Tielet Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell? Jista' l-Ministru jagħti rendikont dwar minn liema sentenzi u digrieti huma l-imsemmija appelli assenjati lit-Tielet Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell?

Response (BONNICI, OWEN)

Fil-Qorti ta’ Malta sad-9 ta’ Jannar 2019, hemm 59 kawża assenjati lit-Tielet Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell. In forza tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 12.11, it-Tielet Sezzjoni tisma’ u tiddetermina l-appelli mis-sentenzi u digrieti tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja), minn sentenzi u digrieti f’kawżi għal żgumbrament minn proprjetà immobbli u minn deċiżjonijiet tal-Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet.

Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija – użu ta’ forza eċċessiva — każ

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-każ li jinsab pendenti quddiem il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija dwar l-użu ta' forza eċċessiva li ġiet deskritta wkoll mill-Prim Ministru bħala "heavy-handed", ma' attivisti tal-Moviment Graffitti u tal-Kamp Emerġenza Ambjent waqt protesta li kienet qed issir fil-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar fil-Furjana nhar il-Ħamis, 13 ta' Settembru 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija, żamm diversi seduti u nstemgħu bosta xhieda dwar il-każ li jinstab fi stadju avvanzat.
Leg 13 PQ #8248 Sitting 187 2019-01-23 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – nefqa fuq reklamar fuq Facebook

Question

B'referenza għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 2405 u 7521 waqt is-seduti ta' nhar l-4 ta' Ġunju 2018 u ta' nhar is-26 ta' Novembru 2018, rispettivament, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami kollha li saru fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija reklami li saru fuq is-sit soċjali Facebook?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm xejn iktar x’jiżdied mat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 2405 u 7521.
Leg 13 PQ #8237 Sitting 186 2019-01-22 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

IIP — sottomissjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru mill-pubbliku dwar il-Programm ta’ Investitur Individwali bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika li saret matul is-sena 2018?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba se tiġi ppubblikata fil-ġimgħat li ġejjin.

Imħallfin u Maġistrati – ftehim ta’ salarji u perkaċċi ġdid

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim il-ġdid dwar is-salarju u l-perkaċċi tal-Imħallfin u l-Maġistrati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-ftehim jitratta pilastru fundamentali tad-demokrazija tagħna u jkompli jsaħħaħ l-indipendenza tal-Pudikatura ta' pajjiżna. Infakkar li kienu saru rakkomondazzjonijiet u suġġerimenti għal titjib tal-kundizzjonijiet tal-Ġudikatura min-naħa tal-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja, magħrufa aħjar bħala l-Kummissjoni Bonello. Fil-fatt, il-Kummissjoni Bonello fir-rapport tagħha tindika b’mod ċar u inekwivoku, f’miżura 45, il-ħtieġa u n-neċessità li s-salarji tal-Ġudikanti “jiżdiedu b’mod li jirriflettu salarji u pensjonijiet ta’ ġudikanti Ewropej.” L-istess Kummissjoni tikkwalifika dan l-argument u tisħaq illi “Dan qed jingħad għax billi jiġu offruti salarji u pensjonijiet baxxi, mhux se jikkonkorru laħjar elementi fl-avukatura għall-ħatra, u l-għażla konsegwenzjali se tispiċċa limitata b’dan il-mod. Jekk ma jingħatax pakkett finanzjarju adegwat jaf jkun hemm persuni li għalkemm għandhom il-kwalifiċi kollha neċessarji sabiex iservu fuq il-bank tal-ġudikatura, ma jkunux disposti li jikkunsidraw jesprimu interess għall-ħatra ta’ ġudikant. Dan huwa fattur kruċjali biex din ir-riforma titwettaq b’suċċess.” Dan is-sentiment kien ukoll rifless u ċentrali fid-diskors ewlieni tal-Prim Imħallef Emeritus, l-Onor. Dr Silvio Camilleri, fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-sena forensi, fit-3 ta’ Ottubru tal-2011, fejn saħansitra, f’dan ir-rigward, il-gazzetta “The Times” ikkwotatu jgħid “ I regret to say that it appears that the Executive does not give the administration of justice the value it deserves, independently of other considerations. It appears that the Executive gives priority to activities which it feels will generate revenue for the state or turn the wheels of the economy .” Fl-istess okkażjoni u fuq l-istess binarji, l-avukat Dr Reuben Balzan, li dak iż-żmien kien iservi bħala President tal-Kamra tal-Avukati, kien ikkwotat jgħid mill-ġurnal ‘MaltaToday’ li: " The appointment of judges is not just any other job. It is a Constitutionally-protected role." U jkompli: "Any government of the day must always find a way to provide the judiciary with an adequate financial package. ” F’dan il-kuntest, nieħu l-opportunità sabiex nfakkar lill-Onor. Interpellant li lura fis-sena 2011, u ċjoè taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, il-membri tal-ġudikatura kienu ddeċidew li jibbojkottjaw għadd ta' avvenimenti Nazzjonali u dan b’rabta mal-ilmenti tagħhom fir-rigward tas-salarji tagħhom li ċertament kienu jeħtieġu jiżdiedu. Irrid ngħid li fi żmien Amministrazzjoni preċedenti kien sar titjib fil-kundizzjonijiet tal-Ġudikanti iżda però l-Assoċjazzjoni tal-Ġudikanti ħasset li ma kienx biżżejjed. Għaldaqstant dan il-Gvern ħass li kellu jaġixxi bi ftehim ġdid li mhux biss jirrifletti aħjar x-xogħol li jwettqu l-ġudikanti iżda wkoll jagħti serħan il-moħħ minn kwalsiasi vertenza li jista’ jkun hemm bejn il-ġudikanti u l-Gvern f’dan ir-rigward. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim il-ġdid li jikkonċerna s-salarji tal-Imħallfin u l-Maġistrati kif ukoll il-ftehim li kien sar għal titjib fil-kundizzjonijiet minn amministrazzjoni preċedenti. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 2819 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 187 tal-Erbgħa 23 ta' Jannar 2019.)
Leg 13 PQ #8239 Sitting 186 2019-01-22 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Dwana – persuni li kienu qed iġorru somma ta’ valur ta’ €10,000 jew aktar

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna li kienet dieħla jew ħierġa minn Malta, jew li kienet għaddejja fi transitu minn Malta ddikjarat lill-Kontrollur tad-Dwana li kienet qiegħda ġġorr somma ta' valur ta' €10,000 jew aktar? Jista' jgħid minn liema pajjiż kienu ġejjin jew sejrin l-imsemmija persuni u kemm kien il-valur li ġie ddikjarat minnhom lill-Kontrollur tad-Dwana?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #8240 Sitting 186 2019-01-22 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Dwana – qabda ta’ flus mhux iddikjarati

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm qabad flus il-Kontrollur tad-Dwana liema flus ma ġewx iddikjarati minn persuni li kienu deħlin jew ħerġin minn Malta, jew li kienu għaddejjin fi transitu minn Malta? Jista' jgħid f'kemm-il każ ġie maqbud l-ammont kollu minħabba li l-flus kienu indiviżibbli? Jista' l-Ministru jgħid minn liema pajjiż kienu ġejjin jew sejrin il-persuni li mingħandhom ġew maqbuda l-flus?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni akkużati li għamlu dikjarazzjoni falza dwar flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna ġiet akkużata fil-Qorti li għamlet dikjarazzjoni falza jew li m'għamlitx id-dikjarazzjoni dwar flus meta l-istess persuna kienet dieħla jew ħierġa minn Malta, jew meta kienet għaddejja fi transitu minn Malta? Jista' l-Ministru jgħid in-nazzjonalità tal-persuni li ġew akkużati, kemm-il persuna nstabet ħatja u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti? Jista' l-Ministru jgħid f'kemm il-każ il-Qorti ordnat il-konfiska tal-flus li ma ġewx iddikjarati, favur il-Gvern ta' Malta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2013 u s-sena 2018 kien hemm 22 każ fejn persuni ġew akkużati fil-Qorti li għamlu dikjarazzjoni falza jew li m'għamlux id-dikjarazzjoni dwar flus meta dawn kienu deħlin, ħerġin jew għaddejja fi tranżitu minn Malta. Minn dawn, każ wieħed irrigwarda żewġ persuni. In-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati huma kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi wkoll il-pieni relattivi, fejn il-każ ġie deċiż, kif ukoll l-ammont ta’ flus konfiskati. Hemm tliet każi fejn il-proċeduri għadhom pendent u każ wieħed fejn il-persuna ġiet illiberata.

Persuni akkużati li għamlu dikjarazzjoni falza dwar flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna ġiet akkużata fil-Qorti li għamlet dikjarazzjoni falza jew li m'għamlitx id-dikjarazzjoni dwar flus meta l-istess persuna kienet dieħla jew ħierġa minn Malta, jew meta kienet għaddejja fi transitu minn Malta? Jista' l-Ministru jgħid in-nazzjonalità tal-persuni li ġew akkużati, kemm-il persuna nstabet ħatja u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti? Jista' l-Ministru jgħid f'kemm il-każ il-Qorti ordnat il-konfiska tal-flus li ma ġewx iddikjarati favur il-Gvern ta' Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta ma tinżammx statistika fir-rigward ta’ persuni li jiġu akkużati fil-Qorti li għamlu dikjarazzjoni falza jew li m’għamlux id-dikjarazzjoni dwar flus meta l-istess persuni jkunu deħlin jew ħerġin minn Malta. Mill-2013 sad-9 ta’ Jannar 2019, fil-Qorti ta’ Malta kien hemm 11-il każ fejn il-Qorti ordnat il-konfiska tal-flus favur il-Gvern meta l-akkuża kienet “dikjarazzjoni falza” jew “m’għamlitx dikjarazzjoni dwar flus”. Matul l-istess perjodu fil-Qorti ta’ Għawdex ma kien l-ebda każ.

Rapporti ta’ persuni nieqsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati persuni neqsin, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid l-età u s-sess tal-persuni li ġew irrapurtati neqsin? Jista' jgħid kemm minn dawn il-persuna baqgħu ma nstabux?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għas-Saħħa – individwu ingaġġat bħala Project Director

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament hija ingaġġata bħala Projects Director fi ħdan is-Segretarjat tiegħu bħala Deputat Prim Ministru?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8140.

GRECO – kopja tar-rapporti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti, ittri u/jew dokumenti oħra kollha li ntbagħtu mill-Gvern Malti lill-Group of States against Corruption (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropea mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull korrispondenza bejn il-Gvern u l-GRECO fl-istadju qabel ma joħrog ir-rapport hija kunfidenzjali. Sabiex jiġi pubblikat u jiġi reż pubbliku r-rapport finali magħmul mill-GRECO fil-konfront ta’ Stat jirrikjedi l-kunsens tal-Istat konċernat.

Kawżi – tnaqqis ta’ piena

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il każ kien hemm li fih Imħallef li jkun qagħad f'kawża irrakkomanda lill-President ta' Malta li persuna kkundannata tingħata maħfra jew tnaqqis tal-piena skont dak li jipprovdi l-artikolu 494 tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid dwar liema reati kienu jirreferu dawn ir-rakkomandazzjonijiet, f'kemm il-każ ingħatat maħfra u f'kemm il-każ ingħata tnaqqis tal-piena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi kien hemm kaz wiehed fejn Imhallef irrakomanda lill-President ta’ Malta li persuna kkundannata tingħata maħfra jew tnaqqis tal-piena skont dak li jipprovdi l-artikolu 494 tal-Kodici Kriminali (Kap 9 tal-Ligijiet ta’ Malta). Informat li dan ma kienx l-ewwel każ ta din ix-xorta fl-istorja legali riċenti ta pajjiżna.