Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji — ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11498, 11268 u 10181 u jagħti l-okkju tal-ilmenti kollha li mis-sena 1997 'il quddiem ġew ippreżentati quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji u li ġie mwaqqaf bis-saħħa tal-Att dwar it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji (Kap. 394 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-Tribunal in kwistjone qatt ma kien jifforma parti mill-istruttura tal-Qorti u għal daqsekk l-informazzjoni ta’ dan it-Tribunal qatt ma ġew inkluzi fid-database tal-Qorti. Minħabba din ir-raġuni l-unika informazzjoni li hija disponibli huwa l-okkju tad-deċiżjonijiet li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-lista ma tinkludix każijiet li jista jkun ġew ċeduti jew waqghu deżerti.

Television Malta – Kamra tal-Aħbarijiet – lista ta’ persuni li ħadu sehem fi programmi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11499 u 11263 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li ħadu sehem fi programmi ta' ġrajjiet kurrenti, diskussjonijiet, inkluż programmi mtella' mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Television Malta matul il-perijodu mill-1 ta' Ġunju 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid għal kull waħda mill-persuni f'liema kapaċità ġiet mistiedna jew lil min kienet qiegħda tirrappreżenta?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Karozzi reġistrati biex jintużaw nhar ta’ Sibt, Ħadd, festi Nazzjonali u btajjel pubbliċi

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11479 jista' l-Ministru jgħid għal kull waħda mill-vetturi li huma inklużi fil-lista mogħtija fl-imsemmija tweġiba, kemm kienet tammonta t-taxxa ta' reġistrazzjoni li ġiet imħallsa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li m’għandi xejn iżjed x’inżid mat-tweġiba numru 11479.

Marsa Junction Project – inawgurazzjoni tal-ewwel żewġ flyovers — nefqa

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11478, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar servizzi relatati ma’ traduzzjoni, billboard, catering, l-armar ta’ fejn saret l-inawgurazzjoni, xogħol u l-armar tas-sound, dawl, viżwali, kameras u tagħmir kollu li kien hemm bżonn biex setgħet issir l-inawgurazzjoni tal-ewwel żewġ flyovers li jiffurmaw parti mill-Marsa Junction Project u li saret nhar l-20 ta' Settembru 2019?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li m’għandi xejn iżjed x’inżid mat-tweġiba numru 11478.
Leg 13 PQ #11512 Sitting 270 2019-10-29 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – korrispondenza ma’ kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe korrispondenza li għaddiet bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u/jew l-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika eżatt għal-liema tip ta’ korrispondenza qed jirreferi.

Fuljett Marsa Junction Project — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-fuljett bl-isem "Marsa Junction Project" maħruġ mill-Aġenzija għal Infrastruttura Malta u li ġie mqassam fid-djar f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet ġie mqassam bieb bieb l-imsemmi fuljett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Marsa Junction Project jinkludi l-iżvilupp ta' multi-level intersection b'seba' strutturi ta' flyovers u aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti biex joħolqu konnessjonijiet diretti kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar bejn it-toroq arterjali li jingħaqdu fil-ħolqa ewlenija tat-trasport ta' pajjiżna, fl-inħawi taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, bejn il-Marsa, Raħal Ġdid u Santa Luċija. B’hekk se jispiċċaw it-traffic lights u l-ħin ta’ stennija żejjed li jikkawżaw fir-rotta prinċipali minn u lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta. Ser jonqsu wkoll ir-riskji ta' aċċidenti f'din iż-żona li minnha jivvjaġġaw aktar minn 100,000 persuna kuljum. Ser jitnaqqsu anke l-emissjonijiet ikkaġunati mill-konġestjoni fil-Marsa u lokalitajiet oħrajn fil-madwar. Permezz ta' dan il-proġett se jiġu introdotti wkoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi ta’ trasport, fosthom bankini u korsiji għar-roti, pontijiet għall-mixi, waqfiet u korsiji għall-karozzi tal-linja, żona ta’ park and ride u żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti, fost infrastruttura oħra ġdida. L-ewwel żewġ fażijiet ta' dan il-proġett, li kienu jinkludu fost oħrajn il-bini mill-ġdid ta' Triq il-Gvern Lokali u l-bini mill-ġdid u t-twessigħ ta' Triq Aldo Moro għal 10 korsiji, tlestew fl-2018. Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq it-tielet fażi, li tinkludi l-bini tal-flyovers u l-faċilitajiet u l-istrutturi kollha ippjanati għat-titjib ta' dawn l-inħawi. F'Settembru li għadda bdew jintużaw l-ewwel żewġ strutturi ta' flyovers. Għadna kif ħabbarna li erba' oħra se jitlestew sal-aħħar ta' Marzu li ġej. L-aħħar flyover tinfetaħ sa' Ġunju, waqt li l-proġett kollu jitlesta sal-aħħar tas-sena 2020. Dan l-investiment huwa kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea. Il-fuljett edukattiv indikat qed jitqassam minn Infrasructure Malta f'Malta u Għawdex, kif iddikjarat fil-mistoqsija stess. Il-fuljett jikkonsisti minn mappa dettaljata ta' kif ser ikunu r-rotot ewlenin ġodda li qed jiġu żviluppati b'dan il-proġett, kif ukoll dettalji dwar il-faċilitajiet ġodda li se jintroduċi, fosthom korsiji għar-roti, passaġġi u pontijiet għall-mixi, sistemi ta' park and ride u aktar. B'hekk, aktar minn 100,000 persuna li ta' kuljum jivvjaġġaw minn din ir-rotta jkollhom gwida aktar ċara biex jiffamiljarizzaw ruħhom sew dwar kif ser jinbidlu r-rotot f'dawn l-inħawi. Dan it-tagħrif huwa importanti sabiex inaqqas id-diffikultajiet li jista' jkun hemm sakemm jindraw il-korsiji l-ġodda ta' din il-multi-level intersection li s'issa m'hawnx bħala f'Malta. Fl-istess waqt, din il-pubblikazzjoni tifforma parti mill-obbligi li Infrastructure Malta għandha bħala parti mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta' dan l-akbar proġett li qatt twettaq fit-toroq Maltin. Id-disinn, stampar u tqassim tal-fuljett jiswew €9,000, VAT eskluża.
Leg 13 PQ #11562 Sitting 270 2019-10-29 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għajnuna mill-Gvern tal-Amerika f’investigazzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk fid-dawl tal-istqarrija maħruġa mill-Ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerika f’Malta nhar l-Erbgħa 16 ta’ Ottubru 2019 u li kopja tagħha qiegħda tingħata separatament, il-Gvern Malti talabx jew hux beħsiebu jitlob l-għajnuna tal-Istati Uniti tal-Amerika fl-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia? Jista’ jgħid jekk il-Gvern Malti għamilx kuntatt mal-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u/jew mal-Ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerika f’Malta wara l-imsemmija stqarrija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għajnuna intalbet mill-ewwel ġurnata wara d-delitt u hemm kuntatti kontinwi.

Għajnuna mill-Gvern tal-Amerika f’investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fid-dawl tal-istqarrija maħruġa mill-Ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerika f’Malta nhar l-Erbgħa 16 ta’ Ottubru 2019 u li kopja tagħha qiegħda tingħata separatament, il-Gvern Malti talabx jew hux beħsiebu jitlob l-għajnuna tal-Istati Uniti tal-Amerika fl-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia? Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti għamilx kuntatt mal-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u/jew mal-Ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerika f’Malta wara l-imsemmija stqarrija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11562.

Għajnuna mill-Gvern tal-Amerika f’investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fid-dawl tal-istqarrija maħruġa mill-Ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerika f’Malta nhar l-Erbgħa 16 ta’ Ottubru 2019 u li kopja tagħha qiegħda tingħata separatament, il-Gvern Malti talabx jew hux beħsiebu jitlob l-għajnuna tal-Istati Uniti tal-Amerika fl-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia? Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti għamilx kuntatt mal-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u/jew mal-Ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerika f’Malta wara l-imsemmija stqarrija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11562.

Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati — kumitati mwaqqfa

Question

Peress li kuntrarju għal dak li qal il-Ministru fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 11395, il-liġi permezz tal-artikolu 3 (1) (e) tal-Ordni għat-Twaqqif tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati (Leġislazzjoni Sussidjarja 594.34) tipprovdi sabiex l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati twettaq dawk il-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-amministrazzjoni pubblika billi "twaqqaf kumitati ta’ użu u kumitati oħra sabiex jevalwaw, jassessjaw u jipprovdu servizzi tal-qrati tal-ogħla kwalità", jista' l-Ministru jgħid x'kumitati ta' użu u kumitati oħra ġew imwaqqfa jew huwa ppjanati li jiġu mwaqqfa mill-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati? Jista' jgħid min huma l-membri ta' kull kumitat li ġie mwaqqaf?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Aġenzija għada fi stadju bikri tal-operat tagħha u għad ma twaqqfu l-ebda kumitati.

Enemalta — faċilitajiet li saru data hubs

Question

B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma nhar il-5 ta' Diċembru 2017 bit-titlu ‘Il-Ministru Joe Mizzi jiltaqa’ ma’ Streamcast Technologies Inc.’ (PR172795 li hija aċċessibbli fl-indirizz https://www.gov.mt/en/Government/DOI/Press%20Releases/Pages/2017/December/05/pr172795.aspx) u li kopja tagħha qed tingħata separatament, jista' l-Ministru jgħid: a. Sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa tal-kumpanija Enemalta p.l.c. u/jew tal-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma u tal-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sabiex il-faċilitajiet li jinsabu taħt l-art tal-kumpanija Enemalta p.l.c. fil-Marsa jiġu kkonvertiti f’ data hub kif ukoll kwalunkwe nefqa oħra relatata nklużi konsulenzi, ekwipaġġ tekniku, fibre-optic cables eċċ; b. Sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il kumpaniji oħra apparti dik li tissemma fl-istqarrija, bdew jikru u/jew iffirmaw ftehim sabiex jibdew joperaw mid- data hub li jinsab taħt l-art fil-faċilitajiet tal-kumpanija Enemalta p.l.c. fil-Marsa; c. B'referenza għall-kumpanija estera li hija msemmija fl-istqarrija, jekk fil-fatt hijiex il-kumpanija fil-grupp li għandha l-istess isem li ffirmat ftehim mal-kumpanija Enemalta p.l.c. u/jew entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu; d. B'referenza għall-kumpanija estera li hija msemmija fl-istqarrija u/jew l-kumpanija fl-istess grupp li ffirmat l-ftehim mal-kumpanija Enemalta p.l.c., kemm kien l-investiment totali ta’ din il-kumpanija sal-lum; e. B'referenza għall-kumpanija estera li hija msemmija fl-istqarrija, kemm ħallset kera s’issa u jekk din il-kumpanija estera għandhiex arretrati u/jew dejn mal-kumpanija Enemalta p.l.c. u/jew mal-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma u mal-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu; u f. B'referenza għall-kumpanija estera li hija msemmija fl-istqarrija, x'tip ta' due diligence sar dwar din il-kumpanija u dwar is-sidien tagħha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Novembru tas-sena 2017, bil-kollaborazzjoni tal-Malta Enterprise, Enemalta plc. iffirmat Memorandum of Understanding ma Streamcast Technologies Inc. għall-iżvilupp ta’ data centre globali f’Malta. Sussegwentament ġie ffirmat ftehim ma sussidjarja lokali bl-isem ta’ Streamcast Limited li ra l-iżvilupp tal-ewwel fażi tal-proġett li kien imniedi f’April tas-sena 2018. Minħabba li l-iżvilupp ta’ dan in-negozju għadu fil-bidu tiegħu, l-Enemalta qed timxi b’kawtela u s’issa dan huwa l-unika klijent li qed jopera mis-sit tal-Enemalta fil-Marsa. Kif kien diġa rrapurtat fil-media lokali l-investiment inizjali li għamlet il-kumpanija kien ta’ madwar 5 miljun ewro u l-proċedura ta’ due diligence li normalment issir mill-Malta Enterprise saret ukoll f’dan il-każ. Kull informazzjoni oħra mitluba hija meqjusa bħala kummerċjalment sensittiva.

Sptar Mater Dei – spazju ta’ parkeġġ għall-pubbliku

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta’ spazji ta' parkeġġ għall-pubbliku fl-Isptar Mater Dei sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispazji ta’ parkeġġ taħt il-kontroll tal-Isptar Mater Dei li jistgħu jintużaw mill-pubbliku huwa dak ta’ 750 spazju. Dawn l-ispazji jistgħu jintużaw skont regoli li japplikaw għal żoni differenti u jinkludu persentaġġ ta’ parkeġġi għal persuni b’diżabilita’. Dan in-numru baqa’ stabbli matul is-snin.
Leg 13 PQ #11508 Sitting 268 2019-10-28 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Produzzjoni tal-film ‘Storbju’

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-ammonti kollha li diġà ġew imħallsa jew li huwa ppjanat li jiġu mħallsa minn fondi pubbliċi għall-produzzjoni tal-film bl-isem ‘Storbju’?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-film "Storbju" ibbenefika mill-Malta Film Fund b’ammont ta’ €120,000, kif ukoll rebate li Malta toffri lill-produzzjonijiet li jsiru f’pajjiżna. Il-fondi mill-Malta Film Fund jingħataw wara proċess kompetittiv wara li jkunu ġew approvati mill-Board tal-Film Fund li jaħdem indipendentement mill-Malta Film Commission.

Produzzjoni tal-film ‘Storbju’

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-ammonti kollha li diġà ġew imħallsa jew li huwa ppjanat li jiġu mħallsa minn fondi pubbliċi għall-produzzjoni tal-film bl-isem ‘Storbju’?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Kunsill Malti għall-Arti – korrispondenza ma’ kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe korrispondenza li għaddiet bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ma tistax tingħata abbażi tal-fatt li “kwalunkwe korrispondenza” se tinkludi data personali li taqa’ taħt it-tifsira ta’ data personali skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679, kif ukoll minħabba li korrispondenza uffiċjali se tkun tinkludi komunikazzjoni u informazzjoni li għadha fil-fażi ta’ tfassil, tħejjija u ppjanar, li għaldaqstant meqjusa bħala dokumentazzjoni interna.

Kunsill Malti għall-Arti – korrispondenza ma’ individwi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe korrispondenza li għaddiet bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u kull wieħed mill-persuni li d-dettalji tagħhom qegħdin jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ma tistax tingħata abbażi tal-fatt li “kwalunkwe korrispondenza” se tinkludi data personali li taqa’ taħt it-tifsira ta’ data personali skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679, kif ukoll minħabba li korrispondenza uffiċjali se tkun tinkludi komunikazzjoni u informazzjoni li għadha fil-fażi ta’ tfassil, tħejjija u ppjanar, li għaldaqstant meqjusa bħala dokumentazzjoni interna.

Enemalta – vapuri fil-Port il-Kbir — enerġija elettrika shore to ship

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11269, jista' l-Ministru jgħid min huma t-terzi partijiet li eventwalment se jkunu qed jipprovdi enerġija elettrika shore-to-ship lill-vapuri li jidħlu u jankraw fil-Port il-Kbir?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Vetturi eżentati mill-ħlas ta’ taxxa tar-reġistrazzjoni mgħoddija lill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il vettura kienet eżentata mill-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni peress li kienet vettura mgħoddija lill-Gvern ta' Malta għas-settur pubbliku? Jista' jgħid ta' liema għamla u mudell kienu l-imsemmija vetturi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura mill-Awtorita’ tat-Trasport, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ vetturi li kienu eżentati mill-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni peress li kienu mgħoddija lill- Gvern ta' Malta mis-sena 2013.

Vetturi eżentati mill-ħlas ta’ taxxa tar-reġistrazzjoni mgħoddija lill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il vettura kienet eżentata mill-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni peress li kienet vettura mgħoddija lill-Forzi Armati ta' Malta? Jista' jgħid ta' liema għamla u mudell kienu l-imsemmija vetturi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura mill-Awtorità tat-Trasport, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ vetturi li kienu eżentati mill-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni peress li kienu mgħoddija lill-Forzi Armati ta' Malta mis-sena 2013.

Korporazzjoni Jobsplus – ħaddiema ma’ kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha reġistrati ħaddiema l-kumpanija li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament, mal-Korporazzjoni Jobsplus?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Peress li l-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant hija kumpanija privata, qed ngħaddi l-informazzjoni li ngħatajt lill-Onor. Interpellant separatament u b'mod kunfidenzjali.