Legislature:
Category:
Reset
Active:

Serq minn skejjel pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm ġew irrapurtati lill-Pulizija każijiet ta' serq minn skejjel pubbliċi? Jista’ jgħid f’liema lokalitajiet kienu dawn l-iskejjel pubbliċi u x’kienu l-oġġetti li ġew misruqa, il-valur tal-istess oġġetti u/jew il-valur tal-flus li ġew misruqa? Jista’ jgħid jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet u jekk iva kemm kien in-numru ta’ persuni li tressqu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-ammont ta’ kazijiet ta’ serq irrapurtat minn skejjel pubblici bejn l-ewwel ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Marzu 2021 kien kif indikat fit-tabelli qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. It-tabelli jinkludu kemm il-lokalita minn fejn insterqu l-oġġetti, it-tip ta’ oġġetti misruqa u l-valur tagħhom. Il-propjeta misruqa mill-iskejjel setgħet kienet propjetà li tappartjeni lill-iskola jew propjeta misruqa mill-iskola pero li tappartjeni lill-individwi privati.

Inawgurazzjoni tal-Marsa Junction — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-inawgurazzjoni tal-proġett tal-Marsa Junction u li saret nhar il-Ħamis 15 ta' April 2021? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija inawgurazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Nieħu gost li kull darba li nlestu proġett ewlieni sabiex inkomplu nagħtu lill-familji u n-negozji f’Malta infrastruttura tal-ogħla kwalità, bilkemm nilħqu nikxfu l-plakka li l-Onorevoli Aquilina ma jkunx pront jistaqsina kemm swiet l-inawgurazzjoni. Dwar l-inawgurazzjonijiet hemm ħafna x’wieħed jista’ jgħid. Iżda, qabel xejn, ħasra li minkejja daqstant investimenti kbar li qed inwettqu, l-Oppożizzjoni għadha ma tgħallmitx tagħraf il-ġid nazzjonali li qed jistinkaw għalih mijjiet ta’ ħaddiema involuti f’dawn il-proġetti u fejn hu tajjeb tgħidlu tajjeb. Minflok, malli l-Oppożizzjoni rrealizzat li l-poplu kien sodisfatt bit-tlestija tal-Marsa Junction Project, intefgħet b’ruħha u ġisimha tara kif se ttappan dan il-proġett ħalli forsi tiggwadanja xi ftit punti f’xi sondaġġ. B’investiment ta’ €70 miljun, permezz tal-Marsa Junction Project il-Gvern qed inaqqas il-ħin fl-ivvjaġġar b’79% u sa 70% mit-tniġġis tal-ajra fl-iżjed żona li minnha jivvjaġġaw persuni f’Malta, tul ir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar tal-pajjiż. Dan huwa proġett li minnu qed igawdu aktar minn 100,000 persuna kuljum. Kif qed igawdu? Studju li sar fl-2019 mill-ekonomista Gordon Cordina wera li għal kull €1 miljun investiment li sar fil-Marsa Junction Project, Malta qed tieħu lura €4.2 miljun f’benefiċċji, fosthom it-tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar, inqas konsum ta’ fjuwil, tnaqqis t’aċċidenti u spejjeż mediċi relatati, produttività akbar u titjib kbir fil-kwalità tal-arja. Fi ftit kliem, kwalità ta’ ħajja aħjar għal dawk li jivvjaġġaw jew jgħixu fin-nofsinhar ta’ Malta. Il-Marsa Junction Project kien jinkludi l-bini ta’ seba’ strutturi ta’ flyovers u 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, 3 kilometri u nofs ta’ bankini, mogħdijiet u korsiji għar-roti, żewġ pontijiet pedonali, korsiji għall-karozzi tal-linja, parkeġġ ta’ 380 vettura għas-servizz tal-park and ride, 15-il kilometru ta’ sistemi għas-servizzi taħt l-art u ¿oni estensivi ta’ pajsaġġ b’eluf ta’ siġar ġodda. Il-proġett irriġenera spazju pubbliku ta’ 97,000 metru kwadru bejn il-Marsa u Raħal Ġdid, bl-introduzzjoni ta’ infrastruttura ta’ kwalità aħjar u aktar sigura għal dawk kollha li jużaw dawn it-toroq kif ukoll għar-residenti u l-ħaddiema fl-inħawi. Sa ftit snin ilu, ħafna minn din iż-żona kienet mitluqa, b’bini industrijali qadim, strutturi oħrajn abbandunati, bankini u punti minn fejn taqsam it-triq perikolużi u spazji għall-parkeġġ mhux użati. It-toroq u l-flyovers ġodda tal-proġett ħolqu konnessjonijiet diretti lejn ir-rotot kollha li jingħaqdu f’din il-junction, li jinkludu toroq arterjali bħalma huma Triq Aldo Moro, Vjal Santa Luċija, Vjal Sir Paul Boffa u Triq Giuseppe Garibaldi. B’hekk il-proġett elimina s-sistema ta’ traffic lights li kienet saret lejn l-aħħar tad-disgħinijiet biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, li kien ilu li għadda żmienha, bil-konsegwenza li bdiet toħloq konġestjonijiet kbar u konċentrazzjoni għolja ta’ tniġġis tal-arja u storbju. L-eliminazzjoni tal-ħinijiet ta’ stennija li kien ikun hemm qabel minħabba t-traffic lights għal aktar minn 100,000 persuna li ta’ kuljum jivvjaġġaw f’din il-junction qed jissarraf f’titjib kbir fil-kwalità tal-arja f’Raħal Ġdid u l-Marsa. Il-Marsa Junction Project qed inaqqas sa 70% tal-materja f’partiċelli u 52% tal-ossidji tan-nitroġenu, li huma żewġ kawżi prinċipali ta’ mard respiratorju u problemi oħrajn ta’ saħħa. Dan l-investiment qed inaqqas ukoll bin-nofs id-dijossidu tal-karbonju, kontributur ewlieni għall-emerġenza klimatika. Il-bankini, il-pontijiet pedonali u l-korsiji ġodda għar-roti ta’ dan il-proġett jiffurmaw parti minn netwerk akbar ta’ bankini u mogħdijiet, korsiji għar-roti, mini (subways) u pontijiet li Infrastructure Malta qed tiżviluppa f’dan ir-reġjun biex iżżid is-sigurezza għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, bil-karozzi tal-linja jew bir-rota, bejn Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Santa Luċija, il-Marsa, Ħal Luqa, il-Gudja, Ħal Qormi u nħawi oħrajn fil-viċin. Dawn jinkludu infrastruttura oħra ġdida li tlestiet fl-aħħar sentejn, fosthom il-korsija ġdida għall-mixi u r-roti tul Triq Ħal Luqa u Vjal Santa Luċija u l-mina (subway) taħt Triq tal-Barrani, bejn Santa Luċija u Ħal Tarxien. Taħt it-toroq ġodda, l-aġenzija għaddiet 15-il kilometru ta’ sistemi għas-servizzi taħt l-art, li jinkludu pajpijiet għall-ilma, katusi tad-drenaġġ, mini (walk-through culverts) li minnhom jgħaddu l-cables tal-elettriku, pajpijiet għall-cables tal-Internet u servizzi tat-telekomunikazzjoni oħrajn u katusi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. Fiż-żoni ġodda mħaddrin tal-proġett, qed inħawlu 7,770 siġra u 10,495 arbuxell. Dawn iż-żoni biswit il-mogħdijiet u l-korsiji ġodda għar-roti tal-proġett qed ikomplu jissebbħu b’erba’ xogħlijiet artistiċi monumentali li nħadmu minn artisti lokali u internazzjonali. Sabiex nirringrazzjaw lill-pubbliku għal tliet snin ta’ koperazzjoni biex wettaqna dan il-proġett, u sabiex nirrikonoxxu u nfaħħru l-impenn u l-ħila tal-ħaddiema kollha li taw is-sehem tagħhom f’din il-ħidma, nhar il-15 t’April li għadda organizzajna ċerimonja ta’ ringrazzjament u inawgurazzjoni, hekk kif xieraq għal proġett daqstant importanti. Kellna l-ħsieb li għal din iċ-ċerimonja jkollna magħna lil dawk kollha li ħadmu biex dan il-proġett sar realtà iżda ċ-ċirkostanzi preżenti ma ppermettewx li jsir dan. Għalhekk, stedinna lill-pubbliku u l-ħaddiema tal-proġett isegwu ċ-ċerimonja, li saret mingħajr mistednin, permezz tal-mezzi soċjali u t-televiżjoni. In-nefqa ta’ din l-attività (inkluż l-ispejjeż tal-iffilmjar u x-xandir tagħha mill-PBS), sabiex nirringrazzjaw lill-ħaddiema u l-pubbliku għal dan il-proġett ta’ €70 miljun swiet €45,480. Dan ifisser inqas minn terz tal-ispiża tal-inawgurazzjoni ta’ Pjazza San Ġorg fl-2009, meta kienu ntefqu €141,770 f’attivitajiet t’inawgurazzjoni għal proġett b’investiment infrastrutturali ta’ €1.2 miljun, jew madwar nofs l-ispiża ta’ €80,123 li ntefqet fl-inawgurazzjoni tal-proġett ta’ €10 miljun għat-terminus ġdid tal-bendy buses u xarabanks oħra tal-Arriva f’Lulju 2011. Kif għidt fil-bidu ta’ din it-tweġiba, dwar l-infieq fl-inawgurazzjonijiet, hemm ħafna x’tgħid.
Leg 13 PQ #20563 Sitting 452 2021-04-26 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Inawgurazzjoni tal-Marsa Junction — nefqa

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-inawgurazzjoni tal-proġett tal-Marsa Junction u li saret nhar il-Ħamis 15 ta' April 2021? Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija inawgurazzjoni?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill- Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari nru 20562.

Passi fil-konfront ta’ eks Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jittieħdu fil-konfront tal-eks Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar l-illegalitajiet, abbużi u mġieba ħażina li wettaq matul iż-żmien li dam iservi fil-Korp tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

F’dan il-pajjiż l-investigazzjonijiet jsiru mill-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet relevanti li huma regolati mil-liġijiet tal-pajjiż u mhux mill-politiku.

Passi fil-konfront ta’ eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jittieħdu fil-konfront tal-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar l-illegalitajiet, abbużi u mġieba ħażina li wettaq matul iż-żmien li dam iservi fil-Korp tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

F’dan il-pajjiż l-investigazzjonijiet jsiru mill-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet relevanti li huma regolati mil-liġijiet tal-pajjiż u mhux mill-politiku.

COVID-19 – vaċċin — Nutara prattikanti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-Awtoritajiet tas-Saħħa aċċettawx it-talba li saret xhur ilu mill-Kunsill Nutarili sabiex in-nutara kollha prattikanti f’Malta u Għawdex jingħataw il-vaċċin kontra l-COVID-19 peress li huma uffiċjali pubbliċi li jagħtu servizz essenzjali għaċ-ċittadini u għan-negozji? Jekk iva, jista' jgħid meta ser jibda jingħata l-vaċċin kontra l-COVID-19 lin-nutara kollha prattikanti f'Malta u Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi preżentament qed niffokaw fuq it-tilqim tan-nies skont l-età u dawk li huma vulnerabbli. Is-sekwenza ta’ tilqim qed issir skont il-pjan maqbul mal-esperti tas-saħħa. Il-proċess għadu għaddej.
Leg 13 PQ #19554 Sitting 433 2021-03-01 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ittra ta' riżenja

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta' riżenja tas-Segretarju Parlamentari għad-drittijiet ċivili u r-riformi fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill -Onor Interpellant għal-istqarrija nru 210411 maħruġa mill-Gvern fil-25 ta’Frar 2021 , li kopja tagħha qed titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika – postijiet ta’ impjegati pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema postijiet ta' impjegati pubbliċi ġew identifikati mill-Bord u li ssir referenza għalihom fl-artikolu 4 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 595 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Qorti Kostituzzjonali – miżuri leġiżlattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri leġiżlattivi beħsiebu jieħu fid-dawl tas-sentenza li ngħatat nhar it-23 ta' Novembru 2020 mill-Qorti Kostituzzjonali fil-kawża bl-ismijiet J & C Properties Limited vs Nazzareno Pulis et (Rikors Kostituzzjonali Numru 133/2018 JZM) u li kopja tagħha tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt is-seduta numru 404 ta' nhar l-24 ta' Novembru 2020?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Gvern ħa konjizzjoni immedjata tas-sentenza indikata minnek u fil-ġejjieni qrib ser ikun jieħu miżuri sabiex jipproteġi l-bdiewa u s-settur agrikolu ta’ pajjiżna. Pero’ fl-istess waqt jintroduċi l-prinċipju tal-proporzjonalitá anke mas-sidien tal-artijiet konċernati.

Qorti Kostituzzjonali – miżuri leġiżlattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri leġiżlattivi beħsiebu jieħu fid-dawl tas-sentenza li ngħatat nhar it-23 ta' Novembru 2020 mill-Qorti Kostituzzjonali fil-kawża bl-ismijiet J & C Properties Limited vs Nazzareno Pulis et (Rikors Kostituzzjonali Numru 133/2018 JZM) u li kopja tagħha tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt is-seduta numru 404 ta' nhar l-24 ta' Novembru 2020?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor, Interpellant li l-Gvern ħa konjizzjoni immedjata tas-sentenza indikata minnek u fil-ġejjieni qrib ser ikun jieħu miżuri sabiex jipproteġi l-bdiewa u s-settur agrikolu ta’ pajjiżna. Pero’ fl-istess waqt jintroduċi l-prinċipju tal-proporzjonalitá anke mas-sidien tal-artijiet konċernati.
Leg 13 PQ #19168 Sitting 430 2021-02-22 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika – membri maħtura

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti l-isem u l-kunjom taċ-Chairman u taż-żewġ membri maħtura minnu biex jiffurmaw il-Bord skont dak li jipprovdi l-proviso għas-subartikolu 5 tal-artikolu 4 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 595 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-Chairperson hija s-Sa Joyce Cassar u l-membri huma s-Sa Christine Schembri u s-Sur Johann Galea.

Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika – membri maħtura

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-isem u l-kunjom taċ-Chairman u taż-żewġ membri maħtura minnu biex jiffurmaw il-Bord skont dak li jipprovdi l-proviso għas-subartikolu 5 tal-artikolu 4 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 595 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 19168
Leg 13 PQ #19170 Sitting 430 2021-02-22 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika – postijiet ta’ impjegati pubbliċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema postijiet ta' impjegati pubbliċi ġew identifikati mill-Bord u li ssir referenza għalihom fl-artikolu 4 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 595 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (ABELA, ROBERT)

Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qorti tal-Appell (L-Ewwel Sezzjoni) – kawżi pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell (L-Ewwel Sezzjoni)?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor Interpellant li quddiem l-Ewwel Sessjoni tal-Qorti tal-Appell hemm 1211 appell pendenti. Ninsab infurmat illi kull appell li jidħol jiġi assenjat lill-Ewwel Sezzjoni u huwa meta l-appell ikun ser jiġi appuntat li jiġi assenjat lil dik is-Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell li tkun ser tisimghu. Tajjeb ukoll illi jingħad illi 19-il appell oħra huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell komposta minn Imħallfin oħra li normalment ma jiffurmawx parti mit-tliet Sezzjonijiet tal-Qorti tal-Appell u dan peress li jkunu ġew surrogati minflok Imħallfin tal-Appell li astjenew milli jkomplu jisimgħu tali appelli.

Qorti tal-Appell (L-Ewwel Sezzjoni) – appelli assenjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il appell ġie assenjat li jinstema' mill-Qorti tal-Appell (L-Ewwel Sezzjoni) minħabba li prima facie deher li huwa ta' natura komplessa jew komplikata jew li kien jeħtieġ trattazzjoni li teħtieġ aktar minn seduta waħda?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar kemm-il appell jiġi assenjat biex jinstema' mill-Qorti tal-Appell (L-Ewwel Sezzjoni) minħabba li prima facie jidher li jkun ta' natura komplessa jew komplikata jew li kien jeħtieġ trattazzjoni li teħtieġ aktar minn seduta waħda.

Qorti – persuni kkundanati dwar ksur ta’ bon ordni

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena, mis-sena 2010 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna ġiet ikkundannata dwar ksur tal-bon ordni fil-Qorti skont dak li jipprovdi l-artikolu 990 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap 12 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid għal liema piena ġiet ikkundannata kull persuna?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li meta fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex ikun hemm persuni akkużati bi ksur tal bon ordni fil-Qorti dawn il-kawżi jiġu prezentati bħala kawżi tad-Distrett u għalhekk ma jkollniex records ta’ dawn il-kawżi partikolari.

Rikorsi preżentati fuq l-ispejjez ġudizzjarji li jkunu ġew intaxxati jew likwidati mir-reġistratur

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2010 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il rikors ġie ppreżentat sabiex jattakka l-ispejjeż ġudizzjarji li jkunu ġew intaxxati u likwidati mir-reġistratur skont dak li jipprovdi l-artikolu 64 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap 12 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn ir-rikorsi ġew milqugħa u kemm ġew miċħuda?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 2 tabelli li juru, kemm-il rikors ġie ppreżentat sabiex jattakka l-ispejje¿ ġudizzjarji li jkunu ġew intaxxati u likwidati mir-reġistratur skont dak li jipprovdi l-artikolu 64 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap 12 tal-Liġijiet ta' Malta) mis-sena 2010 sat-2 ta’ Frar, 2021 . F’din it-tabella qed ikun indikat wkoll kemm minn dawn ir-rikorsi ġew milqugħa u kemm ġew miċħuda.