Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korrispondenza mingħand l-aġenzija Identità Malta lil persuna

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif u għalfejn il-familja li tirrisjedi fl-indirizz li qiegħed jingħata separatament qed tirċievi korrispondenza mingħand l-aġenzija Identità Malta u li hija indirizzata lill-persuna li isimha wkoll qed jingħata separatament, liema persuna ma tirrisjedix fl-istess residenza u li l-istess familja ma taf xejn dwarha?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li kien hemm żball u li ttieħdu l-passi neċessarji biex dan l-iżball ikun irranġat.

Inkjesti Maġisterjali pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm inkjesti maġisterjali li għadhom pendenti? Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha pendenti kull inkjesta maġisterjali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li sal-aħħar ta’ Diċembru 2022 fil-Qrati ta’ pajjiżna kien hemm 1724 inkjesti pendenti. Fir-rigward ta’ kemm ilhom pendenti l-inkjesti, l-Agenzija tagħti risposta iktar tard.

Passi fil-konfront ta’ Eks Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jittieħdu fil-konfront tal-Eks Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament dwar l-illegalitajiet, abbużi u mġiba ħażina li wettaq matul iż-żmien li dam iservi fil-Korp tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant investigazzjonijiet f’allegati illegalitajiet isiru mill-istituzzjonijiet relevanti li jaħdmu lil hinn mill-politiku.

Passi fil-konfront ta’ Eks Deputat Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jittieħdu fil-konfront tal-Eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament dwar l-illegalitajiet, abbużi u mġiba ħażina li wettaq matul iż-żmien li dam iservi fil-Korp tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant investigazzjonijiet f’allegati illegalitajiet isiru mill-istituzzjonijiet relevanti li jaħdmu lil hinn mill-politiku.

Proċeduri ta' dixxiplina fil-konfront ta’ Assistent Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-proċeduri ta' dixxiplina fil-konfront tal-Assistent Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament dwar l-illegalitajiet, abbużi u mġiba ħażina li wettaq matul iż-żmien li ilu jservi fil-Korp tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li hemm proċeduri pendenti quddiem il Public Service Commission, li tmexxi hi dawn il-proċeduri u mhux il-Korp.

Korp tal-Pulizija – twaqqif ta’ skawdra speċjali għaż-żona ta’ Paceville

Question

Jista' l-Ministru jagħti data definittiva ta’ meta ser titwaqqaf l-iskwadra speċjali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija għaż-żona ta' Paceville f'San Ġiljan kif ġie ssuġġerit mill-Police Officers Union f'Lulju 2021?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5546.

Riforma dwar it-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni – sottomissjonijiet mill-pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru mill-pubbliku dwar ir-Riforma dwar it-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika li saret matul is-sena 2019?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Riforma dwar it-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni – sottomissjonijiet mill-pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru mill-pubbliku dwar ir-Riforma dwar it-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika li saret matul is-sena 2019?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għa din il-Mistoqsija Parlamentari tingħata f’seduta oħra.

Pulizija – persuni li tressqu l-Qorti dwar prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna tressqet il-Qorti akkużata li ppermettiet ħanut, alloġġ, lukanda jew appartament privat biex jiġi użat bħala post ta' laqgħa għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 9 tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja, kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel, ta' liema nazzjonalità kienet il-persuna u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti? Jista' jgħid kemm-il każ kien jirreferi għal ħanut, kemm-il każ kien jirreferi għal alloġġ, kemm-il każ kien jirreferi għal lukanda, kemm-il każ kien jirreferi għal appartament privat u jindika f'liema lokalità kienu jinsabu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2013 u s-sena 2022 illi l-persuni li tressqu l-Qorti akkużati li ppermettew ħanut, alloġġ, lukanda jew appartament privat biex jiġi użat bħala post ta' laqgħa għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 9 tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta) kienu dawk li jidhru fit-tabella il qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra li tinkludi dettalji oħra mitluba, fejn dawn kienu disponibbli.

Pulizija – persuni li tressqu l-Qorti dwar prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna tressqet il-Qorti akkużata li tat b'kiri jew ippermettiet l-użu ta' dar jew fond għal skop ta' prostituzzjoni jew għal skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 10 tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja, kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel, ta' liema nazzjonalità kienet il-persuna u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti? Jista' jindika f'liema lokalità kienu jinsabu d-djar jew fondi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2013 u s-sena 2022 kien hemm tliet persuni li tressqu l-Qorti akkużati li taw b'kiri jew ippermettew l-użu ta' dar jew fond għal skop ta' prostituzzjoni jew għal skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 10 tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta). Dettalji kif mitluba jinsabu fit-tabella hawn taħt, kull fejn kienu disponibbli. Iż-żewġ persuni li nstabu l-Hamrun huma l-istess li huma inklużi wkoll fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet 5456, 5457 u 5459. Sena Ammont totali Total Nisa Total Irġiel Nazzjonalità f’kull kaz Piena f’kull każ fejn deċiżi Lokalità fejn instabu 2016 1 person 0 1 Maltin Sitt xhur priġunerija sospiżi għal tmintax-il xahar. Art. 28A Kap 446 Residenza 2017 2 persons 0 2 Maltin Sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża għall-4 snin (Art. 28A. Kap. 9) u ordni ta’ protezzjoni bl’Art. 412C Kap. 9 ghall-sena favur il vittma. Ħamrun – hanut

Kummissarju tal-Pulizija – avviżi bil-miktub dwar żgumbrament ta’ proprjetajiet użati għal skop ta’ prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il avviż bil-miktub ta l-Kummissarju tal-Pulizija biex sid jew persuna li għandha l-amministrazzjoni ta' dar jew lokal ieħor ta' proprjetà u li huma użati għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali, jieħu l-passi meħtieġa quddiem il-Qorti għall-iżgumbrament tal-persuni li jkunu qegħdin joqogħdu f'dak il-fond skont dak li jipprovdi l-artikolu 12(1) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm-il persuna ġiet akkużata li naqset milli tieħu l-azzjoni mitluba mill-Kummissarju tal-Pulizija, kemm-il persuna nstabet ħatja, kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel, ta' liema nazzjonalità kienet il-persuna u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti? Jista' jindika f'liema lokalità kienu jinsabu d-djar jew proprjetà oħra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi minn verifiki li saru min-naħa tal-Pulizija ma jidhirx illi fil-perjodu indikat mill-Onor. Membru kien hemm avviżi bil-miktub tal-Kummissarju tal-Pulizija biex sid jew persuna li għandha l-amministrazzjoni ta’ dar jew lokal ieħor ta’ proprjetà u li huma użati għal skop ta’ prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali, jieħu l-passi meħtieġa quddiem il-Qorti għall-iżgumbrament tal-persuni li jkunu qegħdin joqogħdu f’dak il-fond skont dak li jipprovdi l-artikolu 12(1) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta).

Kummissarju tal-Pulizija – ħruġ ta’ ordni dwar għeluq ta’ proprjetajiet użati għal skop ta’ prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il ordni ta l-Kummissarju tal-Pulizija biex dar, ħanut, alloġġ, lukanda, appartament jew fond ieħor jinżammu magħluqa sa ma l-Qorti tagħti sentenza skont dak li jipprovdi l-artikolu 13 tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm-il każ kien jirreferi għal dar, kemm-il każ kien jirreferi għal ħanut, kemm-il każ kien jirreferi għal alloġġ, kemm il-każ kien jirreferi għal lukanda, kemm-il każ kien jirreferi għal appartament, kemm-il każ kien jirreferi għal fond ieħor u jindika f'liema lokalità kienu jinsabu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infumat illi bejn is-sena 2013 u s-sena 2022 kien hemm każ wieħed fis-sena 2017, fejn kien hemm ordni tal-Kummissarju tal-Pulizija biex ħanut fil-Ħamrun jinżamm magħluq sa mal-Qorti tagħti sentenza skont dak li jipprovdi l-artikolu 13 tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta).

Qrati – tħassir ta’ liċenzji f’każ ta’ reati fil-prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, f'kemm-il każ il-Qorti ħassret liċenzja dwar xi lukanda, alloġġ, ħanut jew fond ieħor jew ta' liċenzja tas-sewqan tal-ħati jew liċenzji oħra f'każ ta' kundanna għal reati taħt l-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati ma żżommx din it-tip ta' statistika.

CCF – sentenzi ta’ priġunerija dwar reati ta’ prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna kienet qed isservi sentenza ta' priġunerija fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin dwar reati ta' prostituzzjoni jew li għalkemm is-sentenza li qed isservi kienet jew hija dwar reati oħra, l-istess persuna kellha x'taqsam mal-prostituzzjoni? Jista' jgħid is-sess u l-età ta' kull waħda mill-imsemmija persuni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-tabella riprodotta hawn taħt. Sena 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019 2020 2021 2022 2023 Rġiel 0 1 0 0 1 1 2 0 1 0 0 Nisa 2 7 7 6 4 9 5 4 3 1 0 Total 2 8 7 6 5 10 7 4 4 1 0 Eta' 22 24 21 25 23 20 23 26 26 42 0 28 25 24 31 24 20 25 26 36 26 26 37 31 22 25 44 38 27 27 41 32 24 28 46 56 33 31 45 52 25 48 39 41 45 35 52 40 44 39 54 48 45 47 49

Pulizija – Każi rapportati lill-Avukat Ġenerali dwar prostituzzjoni ta’ minuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il każ irrapporta lill-Avukat Ġenerali li tkun qed tiġi inkuraġġita u megħjuna l-prostituzzjoni ta' minuri f'burdell jew f'lokal ieħor użat għal skop ta' prostituzzjoni skont dak li jipprovdi l-artikolu 6(2) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid x'azzjoni ħa l-Avukat Ġenerali dwar kull wieħed mill-imsemmija każijiet li ġew irrappurtati lilu mill-Kummissarju tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi min-naħa tal-Pulizija ma jirriżultax illi fil-perjodu indikat mill-Onorevoli Membru kien hemm każi simili rapportati lill-Avukat Ġenerali. Għal tweġibiet ulterjuri, il-mistoqsija parlamentari għandha ssir lill-Ministru konċernat.

Każi rapportati lill-Avukat Ġenerali dwar prostituzzjoni ta’ minuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il każ ġie rrappurtat lill-Avukat Ġenerali mill-Kummissarju tal-Pulizija li tkun qed tiġi inkuraġġita u megħjuna l-prostituzzjoni ta' minuri f'burdell jew f'lokal ieħor użat għal skop ta' prostituzzjoni skont dak li jipprovdi l-artikolu 6(2) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid x'azzjoni ħa l-Avukat Ġenerali dwar kull wieħed mill-imsemmija każijiet li ġew irrappurtati lilu mill-Kummissarju tal-Pulizija?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar għaxar snin ma kien hemm ebda każ li ġie rrappurtat lill-Avukat Ġenerali mill-Kummissarju tal-Pulizija dwar inkuraġġjament u għajnuna għall-prostituzzjoni ta’ minuri f’burdell jew f’lokal ieħor użat għal skop ta’ prostituzzjoni skont dak li jipprovdi l-artikolu 6 (2) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kapitolu 63 tal-Ligijiet ta’ Malta).

Qrati – ordni dwar minuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, f'kemm-il każ il-Qrati ta' pajjiżna ordnaw li minuri jiġi kkunsinnat lill-ġenituri jew axxendenti oħra tiegħu jew lit-tutur tiegħu b'ordni biex jieħdu ħsieb l-edukazzjoni tiegħu u joqogħdu attenti għall-kondotta tiegħu skont dak li jipprovdi l-artikolu 6(3) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jindika s-sess u l-età tal-minuri li dwaru saret l-ordni mill-Qrati ta' pajjiżna? Jista' jgħid f'kemm il-każ ġew imposti l-penali msemmija fl-artikolu 35(3) tal-Kodiċi Kriminali? Jista' jgħid f'kemm-il każ il-Qorti ordnat li l-minuri għandu jiġi miżmum f'istitut ta' edukazzjoni jew post ieħor minħabba li l-istess minuri ma kellux ġenituri, axxendenti jew tutur?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati ma żżomx din it-tip ta’ statistika.

Qrati – persuni akkużati li għexu minn fuq il-qliegħ tal-prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna tressqet il-Qorti akkużata li għexet minn fuq il-qligħ tal-prostituzzjoni ta' persuna oħra bi ksur tal-artikolu 7 tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja, kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel, ta' liema nazzjonalità kienet il-persuna u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2013 u s-sena 2022 il-persuni li tressqu il-Qorti akkużati li għexu minn fuq il-qliegħ tal-prostituzzjoni ta' persuni oħra bi ksur tal-artikolu 7 tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta) kien kif jidher fit tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dettalji oħra mitluba ġew inkluzi fl-istess lista annessa, kull fejn dan kien possibli.

Pulizija – persuni li tressqu l-Qorti dwar prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna tressqet il-Qorti akkużata li żammet jew eżerċitat jew kellha sehem ma' oħrajn fl-eżerċizzju ta' burdell jew ta' dar, ħanut jew lok ieħor għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 8(1) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja, kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel, ta' liema nazzjonalità kienet il-persuna u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti? Jista' jgħid f'liema lokalità kienu jinsabu d-djar, ħwienet jew lok ieħor?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2013 u s-sena 2022 il-persuni li tressqu il-Qorti akkużati li żammew jew eżerċitaw jew kellhom sehem ma' oħrajn fl-eżerċizzju ta' burdell jew ta' dar, ħanut jew lok ieħor għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 8(1) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta) kien kif jidher fit tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dettalji oħra mitluba ġew inkluzi fl-istess lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, fejn dan kien possibli.

Pulizija – persuni li tressqu l-Qorti dwar prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna tressqet il-Qorti akkużata li tat b'kiri jew ippermettiet l-użu jew ħadet sehem mill-qligħ ta' vettura użata għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 8(2) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja, kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel, ta' liema nazzjonalità kienet il-persuna u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi min verifiki li saru, min naħa tal-Pulizija ma jidhirx illi fil-perjodu indikat mill-Onorevoli Membru kien hemm każi fejn persuni ġew akkużati li taw b'kiri jew ippermettew l-użu jew ħadu sehem mill-qliegħ ta' vetturi użati għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 8(2) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta).