Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Siġġiewi – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jindika fiex waslu x-xogħlijiet fit-toroq rurali tas-Siġġiewi b'fondi tal-Unjoni Ewropea li xi wħud kien applika għalihom il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi? Jista' jindika kemm saru minn dawn it-toroq, liema huma u għaliex qed ikun hemm dewmien fix-xogħlijiet?

Response (BORG, IAN)

It-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġà qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali u rurali mibnijin mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Bħala toroq residenzjali fil-lokalità tas-Siġġiewi, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq Nikola Azzopardi u fix-xhur li ġejjin se jsiru Triq ta' Brandin, Triq l-Imdina, Triq Guzepp Delia u Triq it-Tiġrija. Fejn jidħlu toroq rurali saru Triq ix-Xagħra tal-Gżira u ta’ Għar Lapsi, Triq il-Vitikulturisti, triq bla isem fir-runway l-antika fl-inħawi ta’ San Niklaw, triq bla isem fl-inħawi tal-Mitħna ta’ Laroka, triq bla isem li tmiss ma’ Trejqa tal-Providenza, triq bla isem fil-limiti ta’ Wied Ħesri, triq bla isem li tmiss ma’ Triq Inżul ix-Xemx, triq bla isem li tmiss ma’ Triq San Lawrenz tal-Għolja, triq bla isem li tmiss ma’ Triq is-Siġġiewi, triq bla isem li tmiss ma’ Triq Bur ix-Xewk, triq bla isem li tmiss ma’ Triq San Niklaw, triq bla isem oħra fl-inħawi ta’ San Niklaw, triq bla isem fil-limiti tal-Buskett, triq bla isem fl-inħawi tal-Ħofra u Tal-Lenza, Triq Wied Xkora u Triq ta’ Bur ix-xewk. Fix-xhur li ġejjin se jsiru Sqaq tan-Nadur, l-aħħar parti ta’ Triq il-Fawwara (li tingħaqad ma’ Triq Bur il-Kbir), Triq ta’ Bellu u Triq ta’ Għar Lapsi. Ix-xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid tat-toroq jiġu kkordinati b’konsultazzjoni mal-entitajiet u l-organizzazzjonijiet kollha konċernati sabiex jitwettqu b’mod gradwali bl-inqas inkonvenjent lir-resident u dawk kollha fl-inħawi. Din il-ħidma ta’ titjib fit-toroq tagħna se tibqa’ għaddejja bla heda, sena wara l-oħra, sabiex niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità li kapaċi tixpruna b’mod sostenibbli l-progress soċjali u ekonomiku tal-familji u n-negozji f’Malta.

Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi – Park ta’ Lapsi — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jindika meta nbdew ix-xogħlijiet mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-Park ta' Lapsi u jekk dawn humiex kollha kompluti? Jista' jindika wkoll kemm huwa l-investiment li sar mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi f'dan il-Park?

Response (BORG, IAN)

Ix-xogħlijiet inbdew fi Frar 2019 u ġew kompluti. L-ispiża totali tal-investiment li sar mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tammonta għal €201,766.

L-Imqabba, il-Qrendi, is-Siġġiewi, ir-Rabat, l-Imġarr u l-Mellieħa – investiment biex jissaħħaħ it-turiżmu rurali

Question

Tista' l-Ministru tindika x'investiment sar fl-aħħar seba' snin biex jissaħħaħ it-turiżmu rurali fl-lokalitajiet bħal l-Imqabba, il-Qrendi, is-Siġġiewi, ir-Rabat, l-Imġarr, il-Mellieħa u oħrajn? Tista' tindika kemm kien l-investiment tal-Gvern fit-turiżmu rurali fl-aħħar seba' snin mill-MTA u minn entitajiet oħra tal-Gvern? Tista' tindika wkoll kemm il-kunsill lokali relevanti kienu kkonsultati biex jagħtu ideat u jikkoperaw fi proġetti ta' investiment fit-turiżmu rurali, liema huma dawn il-kunsilli lokali, xi proġetti qed isiru u xi pjani hemm għall-futur għat-tisħiħ ta' dan l-aspett tal-prodott turistiku ta' pajjiżna?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant lit-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ġbir ta' Skart nhar ta' Ħadd

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kunsilli lokali kienu talbu li ssir ġabra ta' skart nhar ta' Ħadd (b'mod speċjali fix-xhur tas-sajf, kemm minn dawn il-kunsilli ġew imwieġba u kemm minn dawn l-Kunsilli Lokali ngħataw l-permess jagħmlu ġabra ta' skatt il-Ħadd?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li kien hemm 4 Kunsilli Lokali li għamlu talba għal ġbir ta’ xi tip ta’ skart nhar ta’ Ħadd fis-sajf. Dan kollha ngħataw risposta posittiva.

Dipartiment tal-Gvern lokali — għajnuniet lill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jelenka kemm inħarġu skemi mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali matul din l-leġiżlatura għall-inizjattivi u għajnuniet lill-Kunsilli Lokali? Jista' jindika: 1. liema kienu dawn l-iskemi; 2. liema kunsilli applikaw għal kull skema; 3. liema nghataw għajnuna taħt kull skema; u 4. l-ammont ta' għajnuna lil kull kunsill lokali taħt kull skema?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Is-Siġġiewi – Triq Lapsi – wiċċ ġdid

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma meta se jitkompla jingħata wiċċ ġdid lil Triq Lapsi fis-Siġġiewi?

Response (BORG, IAN)

It-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Din il-ħidma ta’ titjib fit-toroq tagħna se tibqa’ għaddejja bla heda, sena wara l-oħra, sabiex niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità li kapaċi tixpruna b’mod sostenibbli l-progress soċjali u ekonomiku tal-familji u n-negozji f’Malta. It-triq indikata fiha madwar erba’ kilometri, tant li tibda mit-tarf tas-Siġġiewi u tasal s’Għar Lapsi. Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid madwar żewġ kilometri u nofs minn din it-triq fejn minbarra tisħiħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt, saru wkoll servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ. Il-kumplament tat-triq se tinbena mill-ġdid wara li jitlestew xogħlijiet ta’ servizzi tal-ilma minn entità oħra. Sadanittant, persuni li jkollhom diffikultajiet b’xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastruttura Malta jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

Fond għaż-żamma u l-manutenzjoni ta’ proġetti infrastrutturali maġġuri

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi l-informazzjoni fuq kemm applikaw kunsilli għall-Fond għaż-Żamma u l-Manutenzjoni ta' Proġetti Infrastrutturali maġġuri li ġew imwettqa mill-Gvern, liema fond inħareġ fl-2019? Jista' jikkonferma wkoll: 1. kemm talab għajnuna kull kunsill lokali applikant minn dan l-fond; 2. kemm ingħata fondi kull kunsill lokali li se jibbenefika mill-fond; u 3. liema proġett/manutenzjoni se jsiru f'kull lokalità magħżula biex tibbenefika mill-fond?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) – sentence bargaining minn trainee lawyer fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk trainee lawyer fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandux il-libertà u l-awtonomija assoluta li waħdu, mingħajr ma jitlob l-awtorizzazzjoni tal-Avukat Ġenerali (jew jinformah imqar), huwa jagħmel sentence bargaining mad-difiża fi smigħ ta' appell quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri)? Jekk iva, jistax jgħid liema huma l-każijiet jew istanzi li l-Avukat Ġenerali ta tali permess/awtorizzazzjoni għal sentence bargaining minn trainee lawyer tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali quddiem tali Qorti tal-Appell Kriminali Inferjuri fl-2017, 2018, 2019 u 2010 sal-lum?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Fl-ewwel lok nixtieq nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għad-domanda 14705 fejn ġie rilevat dan li ġej: “Il-patteġġjament huwa permess mill-Kodiċi Kriminali fl-Artikoli 392A (5) sa (8) dwar reati li ma jkunux soġġetti għal- piena ta’ aktar minn tnax il-sena ħabs, fl-Artikolu 392B(5) in kwantu għal-reati soġġetti għal-piena ta’ iżjed minn tnax il-sena ħabs meta jkun hemm ammissjoni bikrija u fl-Artikolu 453A in kwantu għal proċessi quddiem il-Qorti Kriminali. Dak kontemplat fl-imsemmija artikoli huwa l-uniku forma ta’ patteġġjament applikabbli f’ kawżi kriminali fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali jew tal-Qorti Kriminali.” Il-patteġġjamenti (li jirrappreżentaw qbil formali bejn l-Avukat Ġenerali u l-akku¿at skont il-liġi) isiru b’ nota li tiġi sottomessa lill-Qorti u jkunu iffirmati mill-Avukat Ġenerali personalment. Għalhekk dak illi l-Interpellant qiegħed jirreferi għalih bħala ‘sentence bargaining’ ma huwa ‘sentence bargaining’ xejn iżda huwa biss pożizzjoni illi Avukat prosekutur ikun ha fis-sottomissjonijiet tiegħu lill-Qorti waqt it-trattazzjoni ta’ kawża. Dawk is-sottomissjonijiet jirrappreżentaw il-fehma tal-prosekutur u bl-ebda mod ma jorbtu lill-qorti dwar is-sentenza. Mill-banda l-oħra meta ssir nota ta’ patteġġjament il-qorti tkun preżentata b’ piena speċifika miftehma bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża u hija tista biss jew taċċettaha jew tirrifjutaha kif tkun. Il-politika nterna tal-prosekuzzjoni dwar is-sottomissjonijiet tal-Avukati prosekuturi fil-kawżi m’hix materja li tippresta ruħha għad- diskussjoni pubblika u dan għall-protezzjoni tal-integrita tas-sistema tal-ġustizzja kriminali. Kif stqarrejt ukoll fir-risposta għad-domanda 14705 “ninsab infurmat illi ma sar ebda patteġġjament quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) minn Lulju 2017 sa’ llum.

Ċimiterju tal-Addolorata – kuntratti ta’ oqbra

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fejn wasal il-proċess tal-konvenji ta’ diversi oqbra fiċ-ċimiterju tal-Addolorata u jekk hemmx xi idea ta’ żmien ta’ meta ser isiru l-kuntratti ta’ dawn l-istess oqbra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s’issa ġew iffirmati total ta’ elf ħames mija u għoxin (1520) konvenju dwar xiri t’oqbra fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata. Ix-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-estenzjoni taċ-ċimiterju qiegħed fi stadju avvanzat u dalwaqt jibdew isiru l-ewwel kuntratti.

San Ġiljan – Triq Fuq il-Ġonna – xogħlijiet taħt l-art

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14597, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi xogħlijiet għaddejjin taħt l-art fil-viċinanzi ta' The Gardens fi Triq Fuq il-Ġonna u madwar San Ġiljan? Jekk fl-affermattiv, jista' jispjega x'inhuma dawn ix-xogħlijiet u kemm ser idumu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’hemm l-ebda xogħol għaddej fi Triq Fuq il-Ġonna u madwar San Ġiljan.

San Ġiljan – Balluta – simenta mal-baħar taħt il-Knisja tal-Karmnu — pjanijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti spjega dwar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq is-simenta mal-baħar eżatt taħt il-Knisja tal-Karmnu fil-Balluta (San Ġiljan) u jista’ wkoll jgħid jekk hemmx xi pjanijiet li jsir xi forma ta’ żvilupp fl-istess post?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 14689 f’Seduta 332, intenni li dan il-moll li jintuża mill-għawwiema kien f’kundizzjoni ħażina ħafna taħt il-livell tal-ilma u għaldaqstant qed jinbena mill-ġdid. Dan qed isir għall-gwadann u l-użu tal-pubbliku Malti u t-turisti li jgħumu f’din iż-żona. Il-moll se jibqa’ għall-istess użu bħalma kien qabel, bid-differenza li se jkollu struttura aktar b’saħħitha biex ma jibqgħux il-perikli għall-għawwiema u ssevi aktar fit-tul. Nikkonferma li ma hemm l-ebda pjan għal żvilupp ulterjuri fuq l-istess moll.

San Ġiljan — The Gardens - xogħlijliet taħt l-art

Question

Jista l-Ministru jgħid jekk hemm xi xogħlijiet għaddejjin taħt l-art fil-viċinanzi ta' The Gardens, San Ġiljan? Jekk fl-affermattiv, jista' jispjega x'inhuma dawn ix-xogħlijiet u kemm ser idumu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal-liema triq qed jirreferi.

PBS – Bord tad-Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta l-aħħar inħatar il-Bord tad-Diretturi tal-PBS, minn min hu magħmul u sakemm jestendi t-terminu preżenti tal-istess Bord?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-membri attwali tal-Bord offrew ir-riżenja tagħhom u ninsabu fil-proċess li jinħatar Bord ġdid.

PBS – Bord Editorjali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta l-aħħar inħatar il-Bord Editorjali tal-PBS, minn min hu magħmul u sakemm jestendi t-terminu preżenti tal-istess Bord?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-membri attwali tal-Bord offrew ir-riżenja tagħhom u ninsabu fil-proċess li jinħatar Bord ġdid.

Creative European – Media Programm — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’applikazzjonijiet saru minn Malta, matul l-aħħar seba’ snin taħt il-Creative Europe – Media programme? Jista’ jgħid ukoll x’kien ir-riżultat għal kull applikazzjoni li saret, kemm akkwista fondi l-pajjiż favur produzzjonijiet Maltin taħt dan il-programm u x’applikazzjonijiet, jekk hemm, li għadhom pendenti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Arts Council Malta (ACM) illi matul dawn l-aħħar seba’ snin kien hemm tlettax-il applikazzjoni taħt il-Creative Europe – Media programme minn Malta. L-ebda applikazzjoni ma rnexxielha ġġib il-punti neċessarji biex tkun tista tassigura dawn il-fondi. Dan ma jfissirx li ma kienux eliġibbli, imma mhux b’saħħithom biżżejjed skond il-kriterji ppreżentati.

Creative Europe Desk

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’arranġamenti saru minn Malta matul l-aħħar seba’ snin biex pajjiżna jkollu l-‘Creative Europe Desk’ tiegħu a tenur tal-artiklu 16 tal-Creative Europe Programme (2014 – 2020)?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Il-Gvern Malti permezz tad-Direttorat tal-Kultura s’April 2018, u wara permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, ħaddan il-‘Creative Europe Desk’ u offra ri¿orsi strutturali u umani sabiex ikun jista’ jopera d-Desk fl-oqsma kulturali u kreattivi f’Malta. Sa mill-bidu tiegħu, id-Desk beda jopera b’Head u b’persuna oħra fuq Contract for Service. Madanakollu, d-Desk waqaf jopera minn Jannar 2019 sa Mejju 2019 minħabba li l-Contract for Service ma reġax ġie mġedded u l-Head temm l-impjieg tiegħu wkoll. F’Meju 2019 ġie mpjegat il-Head tal-Kultura u hemm ippjanat ukoll li d-Desk jimpjega Head tal-Media u wkoll Administrator sabiex jieħu ħsieb l-amministrazzjoni klerikali u xi xogħlijiet addizjonali. Id-Desk jopera b’50 fil-mija ta-baġit minn fondi Ewropej u l-kumplament permezz tar-Recurrent Line Item 5800 – Creative Europe Desk

Public Broadcasting Services — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar kuntratt tal-Public Broadcasting Services Ltd għat-twettiq mill-istess soċjetà tal-‘public service obligations’ tagħha?

Response (ABELA, CARMELO)

Il-kuntratt marbut mal-Public Service Obligation qiegħed f’fazi ta’diskussjoni u għaldaqstant ma jistax jiġi prezentat.

Stazzjonijiet tax-xandir f’Malta – fondi offruti

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’fondi offra matul l-2018 u l-2019 lil stazzjonijiet differenti tax-xandir f’Malta sabiex dawn iwettqu l-‘public service obligations’ tagħhom, u jekk għal dan l-iskop daħalx fi ftehim mal-istazzjonijiet, f’liema kas, jista’ iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull ftehim milħuq għal dan l-iskop?

Response (ABELA, CARMELO)

Infurmat li l-fondi għat-twettiq tal-Public Service Obligations huma vvutati lil PBS u għal daqstant ma sar l-ebda ftehim ma stazzjonijiet oħra rigward dan.

National Broadcasting Policy

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-National Broadcasting Policy kurrenti li qed isegwi l-Gvern? Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux għaddej xi proċess biex tkun aġġornata din l-istess Policy, u jekk fl-affermattiv, f’liema stadju wasal dan il-proċess?

Response (ABELA, CARMELO)

Bħalissa qegħdin fi proċess ta’ stħarriġ sabiex tiġi studjata l-policy kurrenti. Dan il-proċess wasal fl-aħħar parti tiegħu u hekk kif jingħalaq ikollna stampa aktar ċara ta’ kif se nipproċedu.

Direttiva EU 2018/808

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’konsultazzjonijiet qed isiru u fiex wasal il-proċess biex issir it-transpożizzjoni tad-Direttiva EU 2018/808 tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew għar-rigward tas-Servizzi Awdjo-Viżivi a tenur tal-Artiklu 2 tal-istess Direttiva?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjoni ser issir fiż-żmien li ġej.