Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Lokali tal-Gżira – laqgħat tal-Kunsill live u on demand – Ksur tal-Liġi tal-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Kunsill Lokali tal-Gżira ilu ħafna xhur, sabiex ma ngħidx snin, ma’ jtella’ l-laqgħat tal-Kunsill live u on demand u dan bi ksur tal-Liġi tal-Kunsilli Lokali artikli 44 tal-Liġi li tirregola l-Gvernijiet Lokali? Jista’ jgħid kemm ilu jseħħ dan il-ksur tal-Liġi? Jista’ jgħid x'passi ttieħdu fil-konfront tal-Kunsill Lokali kkonċernat? Jista’ jagħti rimedju mmedjat għal dan in-nuqqas u jekk iva x'ser ikun dan ir-rimedju?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Gżira ma kienx qiegħed jagħmel laqgħat live streamed u on demand minkejja insistenza mid-Diviżjoni Gvern Lokali mad-Deputat Segretarju Eżekuttiv, fejn tal-aħħar kien informa lid-Diviżjoni li qed jinġabru l-istimi biex jingħata dan is-servizz. Hekk kif ġiet appuntata Aġent Segretarju Eżekuttiv ġdid, tqabbad fornitur biex jieħu ħsieb li jkun hemm live streaming u on-demand. Id-Diviżjoni ser tibqa’ ssegwi sakemm il-Kunsill jirregola ruħu.

Kunsill Lokali tal-Gżira – xiri ta’ apparat elettroniku

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-apparat elettroniku li nxtara mill-Kunsill Lokali tal-Gżira f'dawn l-aħħar 6 xhur? Il-lista għandha tinkludi fost l-oħrajn xiri ta’ computers, lap tops u mobile phones. Jista’ jipprovdi wkoll kopja tal-mozzjonijiet li approvaw dan l-infiq mill-Kunsill Lokali jew inkella estratt mill-Minuti fejn tali approvazzjoni ngħatat? Min mill-Kunsillieri pparteċipa f'kull vot u kif ġie r-riżultat? U dan skont kif jipprovdi artiklu 52 (2) (F) tal-Liġi tal-Gvern Lokali. Kemm intnefaq għal kull oġġett? Ħarġu kwotazzjonijiet, tenders jew inkella sempliċiment intgħażel xi supplier partikolari għal kull oġġett li nxtara?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellan li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gżira li l-appart li nxtara hu kif ġej: 1. Laptop għall-użu tal-Aġent Segretarju Eżekuttiv il-ġdid mixtri permezz ta’ sejħa għall-kwotazzjonijiet, liema pagament ġie approvat b’mod unanimu mill-Kunsilliera matul il-Laqgħa tal-Kunsill ta’ 23 ta’ Frar 2021, bħala parti mill-iskeda tal- pagamenti fl-ammont ta’ €1,228. 2. Telefon ċellulari għall-użu tal-Aġent Segretarju Eżekuttiv il-ġdid mixtri permezz ta’ sejħa għall-kwotazzjonijiet liema pagament ġie approvat b’mod unanimu mill-Kunsilliera matul il-Laqgħa tal-Kunsill ta’ 23 ta’ Frar 2021 bħala parti mill-iskeda tal-pagamenti fl-ammont ta’ €290. 3. Server ġdid li jinkludi ukoll UPS għalih permezz ta’ sejħa għall-kwotazzjonijiet. Dan is-server kellu jinxtara wara li s-server l-antik waqaf jiffunzjona wara 12-il sena. Dan kien xiri ta’ emerġenza minħabba l-fatt illi s-sistemi kollha tal-Kunsill (fosthom it-telefonija) jiddependu minn dan is-server u kellu jinxtara biex is-sistemi tal-Kunsill jiġu irkuprati u l-Kunsill jerġa jiffunzjona bl-inqas down time possibli. Inxtara biss il-hardware għax l-installazjonijiet tas- software ħa ħsiebhom impjegat tal-Kunsill u għaldaqstant ġew frankati ħafna flus. L’ammont huwa ta’ €4,830.

Dipartiment tal-Gvern Lokali – persuni assenjati biex jaħdmu mal-kunsilli lokali — salarji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19717 u jikkonferma jekk id-Dipartiment tal-Gvern Lokali (DLG) hux qed iħallas salarji għall-persuni li jiġu assenjati biex jaħdmu mal-Kunsilli Lokali? Jista’ jindika liema kunsill lokali għandhom persuni assenjati u salarji mħallsa mid-DLG, kemm jammontaw dawn is-salarji, f’liema skala huma impjegati dawn il-persuni, xi rwol qed jingħataw mill-Kunsilli Lokali, kif ukoll kif intgħażlu l-kunsilli lokali li qed jingħataw dan il-benefiċċju mid-DLG? Jista' jikkonferma meta ddaħlet din il-proċedura, kif qed titħaddem u kemm salarji għall-persuni assenjati mal-Kunsilli Lokali għandu ħsieb li jiffinanzja d-Dipartiment tal-Gvern Lokali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor.Interpellant illi ninsab infurmat li sa mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali fl-1993, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali assista diversi Kunsilli Lokali billi assenja xi uffiċjali pubbliċi biex jagħtu s-servizz tagħhom f’xi Kunsilli Lokali fejn is-salarju jibqa’ jitħallas mid-Dipartiment. It-tabella t’hawn taħt turi li l-grad u l-iskala tal-uffiċjali kif ukoll is-salarju annwali. Ix-xogħlijiet mogħtija mill-Kunsilli Lokali huma skont kif meħtieġ mill-Kunsilli Lokali u sakemm dan ma jkunx fi grad differenti mill-grad sostantivi. Grad Skala Kunsill Salarju fis-Sena € Senior Operative IV 16 Kunsill Lokali Għarb 15,621.06 Senior Operative IV 17 Kunsill Lokali Għargħur 14,535.04 General Hand II 18 Kunsill Lokali Għaxaq 13,024.05 Health Assistant 14 Kunsill Lokali Marsa 18,262.01 Operative III 17 Kunsill Lokali Qala 14,779.05 General Hand II 18 Kunsill Lokali Qala 13,690.04 Senior Operative IV 16 Kunsill Lokali Rabat (G) 15,621.06 Manager II (Business Processes) 7 Kunsill Lokali Siġġiewi 28,311.79 Senior Clerk 14 Kunsill Lokali Xewkija 18,301.01 Social Assistant 18 Kunsill Lokali Xgħajra 19,540.04 Messenger / Driver 13 Kunsill Lokali Xgħajra 18,192.98 Motor Transport Driver III 17 Kunsill Lokali Żurrieq 14,779.05 Officer in Scale 7 7 Kunsill Reġjonali Għawdex 28,842.97 Manger II (Accounting and Finance) 6 Kunsill Lokali Qala 30,308.67 Fil-każ tal-Kunsill Lokali tal-Qala, l-assenjar tal-uffiċjal pubbliku kien permezz ta’ ħatra ta’ Aġent Segretarju Eżekuttiv liema ħatra hi waħda temporanja sakemm tirritorna s-Segretarju Eżekuttiv attwali, liema salarju tal-Aġent Segretarju Eżekuttiv jitħallas mid-Dipartiment u jiġi rifuż mill-istess Kunsill Lokali. L-assenjar ta’ dawn l-uffiċjali sar jew fuq talba tal-istess uffiċjal li eventwalment ġie rilaxxat mid-Dipartiment fejn kien jaħdem jew fuq talba tal-Kunsill għall-uffiċjal li eventwalment ukoll ġie rilaxxat mid-Dipartiment fejn kien jaħdem. Ta’ min iżid li stante li l-Kunsilli Lokali qed jingħataw assitenza permezz ta’ ħaddiema addizzjonali, bħalma huma tal-RSSL, tal-Community Workers Schemes (CWS) u l-Community Inclusive Employment Scheme (CIES), il-prassi li jiġu assenjati uffiċjali pubbliċi mal-Kunsilli Lokali qed tiġi mwaqqfa peress li tali assenjar taffetwa l-HR Plans tad-Diviżjoni.

Dipartiment tal-Gvern Lokali – persuni assenjati biex jaħdmu mal-kunsilli lokali — salarji

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk id-Dipartiment tal-Gvern Lokali (DLG) hux qed iħallas salarji għall-persuni li jiġu assenjati biex jaħdmu mal-Kunsilli Lokali? Jista’ jindika liema kunsill lokali għandhom persuni assenjati u salarji mħallsa mid-DLG, kemm jammontaw dawn is-salarji, f’liema skala huma impjegati dawn il-persuni, xi rwol qed jingħataw mill-Kunsilli Lokali, kif ukoll kif intgħażlu l-kunsilli lokali li qed jingħataw dan il-benefiċċju mid-DLG? Jista' jikkonferma meta ddaħlet din il-proċedura, kif qed titħaddem u kemm salarji għall-persuni assenjati mal-Kunsilli Lokali għandu ħsieb li jiffinanzja d-Dipartiment tal-Gvern Lokali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Kunsill Lokali tal-Gżira — kontijiet pendenti mal-LESA

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Gżira għandux kontijiet pendenti mal-LESA? Jekk iva, kemm hu l-ammont? Kemm huma antiki dawn il-kontijiet? Jista' jgħid għaliex dawn il-kontijiet ma tħallsux u jekk dawn il-pendenzi kinux iddjarati bħala dejn fl-accounts tal-kunsill lokali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Aġenzija LESA li l-flus dovuti lilhom għal perjodu Mejju 2020 sa Jannar 2021 huma ta’ € 11,322.53.

Kunsill Lokali tal-Gżira — kontijiet pendenti mal-LESA

Question

Jista' l-ministru jgħid jekk il-LESA għaniex kontijiet pendenti li għadhom ma tħallsux mill-Kunsill Lokali tal-Gżira? Jekk iva, kemm hu l-ammont? Kemm huma antiki dawn il-kontijiet? Jikkonferma li l-LESA mhux qed tipprovdi Uffiċjali tal-Komunità sabeix tassisti waqt li jkunu qed isiru x-xogħlijiet f'tali lokalità minħabba dawn il-pendenzi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-LESA qed tipprovdi s-servizz fil-lokalità tal-Gżira. Hemm diskussjonijiet għaddejin bejn il-LESA u l-Kunsill Lokali dwar il-pendenzi li hemm.

Kunsilli Lokali – żebgħa għal marki tat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema reġjuni qed jipprovdu żebgħa għal marki tat-toroq lill-kunsilli lokali tar-reġjuni tagħhom? Kemm qed jingħata kwantità kull kunsill? Mingħand min qed tinxtara din iż-żebgħa? Kif intgħażel il-fornitur? Kemm hija l-ispiża li se jidħol jew daħal għaliha kull reġjun? Jista’ jagħti din l-ispiża fornitur b'fornitur dejjem jekk l-istess reġjun għandu iktar minn fornitur wieħed? B'liema mod inġabru l-prezzijiet? Intużat is-sistema tal-EPPS? Jekk le, x'sistema ntużat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Deċiżjoni ta’ skedi ta’ laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk jaqbilx mad-deċiżjoni tas-Sindku tas-Siġġiewi li fi skeda ta' laqgħat mar-residenti fil-binja tal-Kunsill Lokali, liema skeda (li qed tingħata separatament) is-Sindku ppubblikaha fuq is-social media (li qed tingħata separatament), inkluda biss kunsilliera tal-grupp politiku tiegħu waqt li b'intenzjoni partiġġjana, ħalla barra tliet kunsilliera (ta' fehma politika differenti minn tiegħu) minn din l-iskeda; u peress li s-Sindku vvotta wkoll kontra mozzjoni li talbet li tiġi rranġata l-iskeda u ppubblikata bl-ismijiet tal-kunsilliera kollha, sabiex ir-residenti jkollhom l-lista sħiħa ta' kunsilliera mxandra fuq il-mezzi ta' kommunikazzjoni tal-Kunsill Lokali, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tiegħu fuq dan il-każ bħal dan fejn Sindku wera b'mod ċar li qed juża riżorsi tal-Kunsill Lokali biex jaġevola interessi politiċi qabel dawk tal-lokalitá?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja hi waħda ta’ natura suġġettiva fi ħdan il-Gvern Lokali rispettiv u għaldaqstant kemm il-Ministeru kif ukoll id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali ma jarawx il-ħtieġa li jittieħdu xi passi jew azzjonijiet partrikolari rigward il-każ imsemmi.

Tneħħija ta’ sentenzi mill-website tal-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawk il-kawżi tal-Qorti kemm kriminali u kif ukoll ċivili li tneħħew mill-website tal-Qorti - ecourts - bid-dati tas-sentenzi, partijiet u ismijiet involuti, referenza tal-Qorti, raġuni għalfejn tneħħew, data ta’ meta ntalbu jitneħħew u isem min talab li jitneħħew?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2014 sal-lum kien hemm 316 (tlett mija u sittax) talba biex sentenzi jitnehhew mill-website tal-Qorti - ecourts. Meta jkun hemm talba biex sentenza ma tibqax tidher online, dan ma jfissirx li kawża titneħħa mis-sistema tal-Qorti. Infatti, il-professjoni legali xorta jibqa’ jkollha aċċess għas-sentenzi minn fuq il-Lecam. (Il-pubbliku għandu aċċess għas-servizzi mill-Arkivju). Saret talba waħda fit-2014. Kien hemm 21 (wieħed u għoxrin) talba fit-2017, 121 (mija u wieħed u għoxrin) talba fit-2018, 100 (mija) talba fit-2019 u 73 (tlieta u sebgħin) fit-2020. Mit -316 (tlett mija u sittax) talba li saret, 254 (mitejn, erbġħa u ħamsin) sentenza ġew anonimizzati jew qegħdin fi stadju li jiġu anonimizzati, jiġifieri jitneħħew id-dettalji personali tal-individwi, kien hemm 56 (sitta u ħamsin) talba fejn ġew miċħuda, 2 (żewġ) talbiet kienu invalidi 3, (tlieta) irtirati u talba qed tiġi ikkunsidrata. Fid-dawl tad-deċizjoni li ttieħdet mid-‘ Data Controllor’ biex dawn is-sentenzi ma jibqgħux jidhru online għall-pubbliku in ġenerali, wara li ġew meħudha nkonsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fid-dawl tad-Data Protection Act, tad-Data Protection Directive (95/46/EC) tal-1995 u aktar riċenti tad-Data Protection Regulation (EU 2016/679) b’mod partikolari Art. 17 tal-istess, ma jkunx opportun li dawn is-sentenzi jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra sabiex jigu rispettati l-prinċipji tar-Regolamenti u Direttivi appena ċitati. Illum hemm Kumitat adhoc kompost mill-Kap E¿ekuttiv tal-Aġenzija, Direttur Ġenerali tal-Qorti ta’ Għawdex, Reġistratur/Direttur - Qrati Ċivili, Reġistratur/Direttur – Qrati Kriminali u d-Direttur inkarigat mit-Taqsima dwar il-Protezzjoni tad-Data fi ħdan il-Ministeru għal-Ġustizzja, L-Ugwaljanza u l-Governanza, li jiddeċiedu t-talbiet li jsiru għat-tneħħija ta’ Data Personali.

Tneħħija ta’ sentenzi mill-website tal-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawk il-kawżi tal-Qorti kemm kriminali u kif ukoll ċivili li tneħħew mill-website tal-Qorti - ecourts - bid-dati tas-sentenzi, partijiet u ismijiet involuti, referenza tal-Qorti, raġuni għalfejn tneħħew, data ta’ meta ntalbu jitneħħew u isem min talab li jitneħħew?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kunsilli Lokali — telework

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni dwar teleworking vis-à-vis tal-Kunsilli lokali, kemm hemm staff li qed jaħdmu bit-teleworking u jekk dan hu possibbli jsir?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 17–il persuna impjegati mall-Kunsilli Lokali li jaħdmu bit-teleworking. Il-Kunsill Lokali jista’ fid-diskrezzjoni tiegħu jaddotta dawk il-mi¿uri neċessarji għall-impjegati tiegħu inkluż it-teleworking. It-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tati dettalji dwar liema Kunsilli jħaddnu t- teleworking għal konvenjenza tal-impjegati tagħhom.

Rural Development Programme 2014 — 2020 - applikazzjonijiet għal Measure 4.4

Question

Jista' l-Ministru jippubblika d-data dwar l-applikazzjonijiet għal Rural Development Programme 2014-2020, Measure 4.4 - support for non productive investments?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-data tal-applikazzjonijiet kollha li jkunu approvati minn żmien għal żmien huma disponibbli u aċċessibbli pubblikament fuq il-websajt ta’ l-Awtorità ta’ Ġestjoni, fuq il-link hawn taħt. Din tinkludi s-Sotto Miżura 4.4 – ‘Investimenti mhux produttivi marbuta mal-ilħuq tal-objettivi agroambjentali u klimatiċi’. https://eufunds.gov.mt/en/EU%20Funds%20Programmes/European%20Agricultural%20Fund/Documents/Measures/Results/EAFRD%20PROJECTS%20ONLINE%20LIST%2012-08-2020.pdf Qed npoggi fuq il-Mejda tal-Kamra, id- data speċifikament marbuta ma Sotto Miżura 4.4 – ‘Investimenti mhux produttivi marbuta mal-ilħuq tal-objettivi agroambjentali u klimatiċi.

National Broadcasting Policy

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13195, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex tkun aġġornata n-National Broadcasting Policy?

Response (ABELA, CARMELO)

Ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13195.

Public Service Obligation

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13193, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet id-diskussjoni fuq il-Public Service Obligation, u ċjoè jistax issa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar kuntratt mal-Public Broadcasting Services Ltd?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjoni fuq il-Public Service Obligation waslet fl-aħħar fażi tagħha u għaldaqstant għadu primatur biex jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

PBS – Bord Editorjali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14162, jista’ l-Ministru jgħid minn min hu kompost il-Bord Editorjali l-ġdid tal-PBS u sakemm jestendi t-terminu tal-istess Bord?

Response (ABELA, CARMELO)

Ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14162.

PBS – Bord tad-Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-Bord tad-Diretturi tal-Public Broadcasting Services u sakemm jestendi t-terminu tal-istess Bord u minn meta kien maħtur?

Response (ABELA, CARMELO)

Ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14161.

San Pawl il-Baħar – Dawret in-Nawfraġju — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li jsir xogħol f'Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, u jekk iva x'tip ta' xogħol hemm ippjanat u meta hu ppjanat li jsir dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk hemmx ippjanat li jsir xogħol fi Triq il-Kaħli, San Pawl il-Baħar, u jekk iva x'tip ta' xogħol hemm ippjanat u meta hu ppjanat li jibda u jitlesta dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

It-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Is-sena li għaddiet Infrastructure Malta bniet mill-ġdid aktar minn 130 triq residenzjali f’għadd ta’ lokalitajiet differenti. Waqt li eluf ta’ familji li joqogħdu f’dawn il-130 triq diġà qegħdin igawdu minn ambjent aħjar barra minn djarhom, bħalissa għaddejin xogħlijiet f’ħafna toroq residenzjali oħra. Uħud minnhom dalwaqt ikunu lesti. Hemm ikkuntrattati wkoll il-bini mill-ġdid ta’ 150 triq oħra għax-xhur li ġejjin. Fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar diġà nbnew mill-ġdid dawn it-toroq residenzjali - Triq il-Luzzu, Triq Għawdex, Triq it-Turisti, Triq Port Ruman, Triq l-Istamnar, Triq Nicola Ardonio, Triq Ġu¿eppi Despot, waqt li bħalissa qed issir Triq Luigi Preziosi. Triq il-Kaħli hija fost diversi toroq oħrajn f’din il-lokalità li se jinbnew mill-ġdid fix-xhur li ġejjin li jinkludu Triq Ibħra, Triq il-Mistrieħ, Triq Tanti, Triq il-Ġifen, Triq Annetto Caruana, triq ġdid ma’ Triq Andrew Cunningham u Triq Paderborn. Infrastructure Malta kontinwament tagħmel ukoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni f’diversi toroq oħrajn madwar il-pajji¿ kollu. Qabel is-sajf tas-sena li għaddiet saru tiswijiet estensivi fi 17-il triq f’San Pawl il-Baħar sakemm dawn jinbnew mill-ġdid li kienu Triq Isouard, Triq Toni Bajada, Triq Ċensu Tanti, Triq iċ-Ċagħaq, Triq l-Ibħra, Triq il-Ġifen, Triq Sant’ Antnin, Triq il-Ħalel, Triq iċ-Ċern, Triq is-Sajjieda, Triq J. Quintinus, Triq Annetto Caruana, Triq il-Port Ruman, Triq il-Maskli, Triq l-Imħar, Dawret il-Gżejjer u Triq ir-Ramel. Dawret in-Nawfraġju hija triq mibnija fuq soqfa ta’ bini li hemm taħtha u l-istat tagħhom bħalissa qed jiġi studjat minn entità oħra biex jiġi stabbilit kif jista’ jsir ix-xogħol f’din it-triq b’mod sigur u sostenibbli.

Policy dwar timed parking

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif jekk il-policy dwar timed parking ġietx konkluża? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din il-policy? Jekk le, meta hu mistenni li tiġi konkluża din il-policy? Kemm u fejn hemm talbiet pendenti għall-introduzzjoni ta' timed parking zones?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minkejja li r-Regolamenti dwar Skemi ta’ Pparkjar Kontrollat (Residenzjali u Kummerċjali) – L.S. 363.80 jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali, l-awtorità regolatorja sabiex isir timed parking hi l-Awtorità tat-Trasport f’Malta. Għaldaqstant, l-Onorevoli Interpellant ġentilment mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Is-Siġġiewi — restawr tal-kanċell taċ-Ċimiterju ta' San Teodoru

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jippjana restawr tal-kanċell taċ-Ċimiterju ta' San Teodoru (magħruf bħala Ta' San Dawdar) fis-Siġġiewi? Jista' jindika x'inhuma x-xogħlijiet pjanati f'dan is-sit u meta hu pjanat li jitlestew?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-kanċell in kwistjoni inqala’ minn postu u qiegħed fil-proċess li jkun iggalvanizzat u miżbugħ. Qabel jerġa’ jitqiegħed lura f’postu ser isir xogħol ta’ restawr fuq il-pilastri tal-ġebel li jżommu dan il-kanċell. Huwa maħsub li dan ix-xogħol jitlesta sal-aħħar ta’ Awwissu li ġej.

Salib tal-Għolja – restawr taż-żona

Question

Jista' l-Ministru jindika x'tip ta' ttestjar sar reċentement fiż-żona tas-Salib tal-Għolja? Jista’ jindika xi pjani hemm biex isir restawr ta' din iż-żona?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mid-Dipartiment tar-Restawr li minn nofs April ‘l hawn inbdiet l-ewwel fażi ta’ investigazzjonijiet ġeoloġiċi biswit il-Kappella tal-Lunzjata. L-investigazzjonijiet li qed isiru għandhom l-għan li jiġu mifhuma aħjar il-movimenti ġeoloġiċi li qed iseħħu tul l-għolja u li maż-żmien ikkawżaw ħsarat kbar fl-istruttura tal-Kappella tal-Lunzjata. Sal-ġurnata tal-lum saru kemm testijiet fuq is-sit (eż.: downhole test ) kif ukoll ġew imħaffra boreholes ta’ madwar 30 metru fond u ttieħdu minnhom l-kampjuni tal-blat/ tafal eċċ. biex jiġu ttestjati fil-laboratorju. Ġew installati wkoll fuq is-sit sistemi ta’ moniteraġġ (eż.: inclinometers ) biex jiġu studjati varjazzjonijiet u movimenti ġeoloġiċi fuq medda ta’ żmien. Ir-riżultati tal-fażi investigattiva, li hi mistennija li tiġi estiża fuq sena, ser jgħinu biex: jinħadem mudell numeriku diġitali li jgħin biex wieħed jifhem aħjar x’qed jiġri fil-preżent u jissimola x’jista’ jiġri fil-futur; jiġi mfassal pjan għall-konsolidazzjoni ġeoteknika tas-sit u eventwalment jiġi mfassal ukoll pjan għar-restawr tal-Kappella tal-Lunzjata.