Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-applikazzjoni li ħafna Għawdxin għamlu lill-Awtorità tad-Djar rigward il-units f'San Lawrenz, Għawdex?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed nitkellmu fuq sitt familji li applikaw għal units ġewwa San Larwenz. Dawn il-familji ġew infurmati bl-aħħar żviluppi. L-applikanti jiġu nfurmati meta jkun hemm żviluppi ġodda.
Pembroke — għeluq tar-resource centre tal-persuni b'diżabiltà
Question
Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni r-resource centre tal-persuni b'diżabiltà f'Pembroke ser jingħalaq? Jista' inoltre jgħid x'ser jiġri mill-klijenti u mill-istaff ta' dan iċ-ċentru?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li wara konsiderazzjoni tas-sitwazzjoni kontrattwali kif ukoll tal-faċilitajiet li joffri iċ-ċentru f’Pembroke - li mhumiex aktar addattati għall-bżonnijiet tal-klijenti kif mixtieq, ġie deċiż li dan iċ-ċentru jingħalaq. Ġie mfassal program ta’ kif il-klijenti u l-impjegati jiġu allokati f’ċentri oħra. Il-proċess ta’ transizzjoni diġà qed jiġi attwat.
Peress li saru ilmenti dwar il-preżenza ta' ġrieden fl-isptar mentali ta' Għawdex, tista' l-Ministru tara li dan l-inkonvenjent jiġi ndirizzat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata illi jsiru trattamenti regulari fl-Isptar mentali u f'diversi partijiet oħra fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex mill-ħaddiema fi ħdan il-Pest Control għall-kontroll u l-ħarsien kontra l-ġrieden.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9958, 9846, 9631 u 9385 li oriġinarjament saru lill-Ministru għal Għawdex u lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġew riferuti lilu u cioè: Peress li waqt li kienu qed isiru x-xogħlijiet fit-Triq 10 ta' Marzu 1885 f'Kerċem, Għawdex, ġiet mgħottija l-katusa tar-residenza li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li b'konsegwenza ta' dan inħoloq inkonvenjent kbir lil dawn ir-residenti minħabba l-isbokk ta' l-ilma u li minkejja li s-sidien ilhom jilmentaw ma' l-awtoritajiet konċernati dawn għadhom bil-problema, jista jara kif tista' tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi f’dawn l-aħħar jiem il-Ministeru ta’ Għawdex ħa ħsieb biex tissolva din il-problema.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10009 u 9869 u jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern sabiex jiġu aġġornati l-iskedi tal-avviż legali 92 tal-2002 dwar l-aġenti li jagħmlu ħsara lill-mara tqila, lit-tarbija fil-ġuf u lill-mara li treddgħa?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-Avviż Legali 92/2000 idaħħal fis-seħħ id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea 92/85. L-Annessi li hemm kemm fir-Regolamenti kif ukoll fid-Direttiva jinkludu: fil-każ ta’ Anness 1 - lista mhux kompluta ta’ Aġenti fiżiċi, kimiċi u bioloġiċi li dwarhom irid isir eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tar-riskju; fil-każ ta’ Anness 2 – lista ta’ aġenti, proċessi jew attivitajiet li għalihom mara tqila jew li tkun qed treddgħa ma tistax tkun esposta. Il-Kummissjoni Ewropea ippubblikat gwidi ta’ natura prattika ta’ kif għandu jsir l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tar-riskju, li jinkludu wkoll tagħrif ta’ kif għandu jiġi evalwat ir-riskju f’sitwazzjonijiet mhux imsemmija fl-Annessi. M’hemm l-ebda ħsieb, la fuq livell Ewropew, u l-anqas hawn Malta li jitbiddlu l-Annessi msemmija.
Ommijiet li jridu jreddgħu lit-trabi fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10008 u 9870 u jgħid kemm saru lmenti lill-Awtorità dwar is-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol in konnesjoni ma' problemi ta' ommijiet biex ikunu jistgħu jreddgħu lit-trabi tagħhom fuq il-post tax-xogħol?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li din il-materja ma taqax taħt l-Att dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol (Kap 424) jew taħt l-A.L 92 ta' l-2000, li fih provvedimenti biex jipproteġu trabi waqt il-perijodu ta' rdiegħ (eżempju minn sustanzi li jgħaddu permezz tal-ħalib).
Informat ukoll li ma tinżammx statistika dwar kemm ġew mogħddija tali lmenti lil dan id-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-kaġun tal-inkonvenjent tar-riħa kbira ta' drenaġġ li qed ibatu minnha r-residenti ta' Mġarr Road Għajnsielem, liema riħa ġejja mill-inħawi tal-heliport f'Għawdex? X'qed isir biex tiġi rimedjata din il-problema peress li ormai dawn ir-residenti ilhom diversi ġimgħat għaddejjin b'dan l-inkonvenjent?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-riħa ta’ drenaġġ mill-inħawi tal-Heliport f’Għawdex huwa kaġun ta’ sadd tal-mina tad-drenaġġ riżultat ta’ ħsara li żviluppat f’din il-mina.
Temporanjament tpoġġew żewġ pompi biex issir devjazzjoni tad-drenaġġ.
B’mod permanenti l-Korporazzjoni qed tipprepara pjanijiet biex dan is-sadd li qiegħed fil-mina (100 pied taħt l-art) jinfetaħ kemm jista’ jkun malajr.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern rigward it-tnedija ta' sexual health policy?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-abbozz tas-Sexual Health policy huwa issa komplet u jrid jiġi discuss fil-Kabinett wara li l-fondi meħtieġa għall implimentazzjoni tiegħu jiġu assigurati.
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet saru s'issa fil-kumpless Downtown in konnessjoni ma' rilokazzjoni tar-Reġistru Pubbliku u tan-Nutar tal-Gvern?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħlijiet li saru s'issa fil-kumpless Downtown in konnessjoni mar-rilokazzjoni tar-Reġistru Pubbliku u tan-Nutar tal-Gvern jinkludu xogħlijiet ta' tqassim adegwat t'uffiċini, xkaffar, istallazzjoni ta' parti tas-sistema ta' l-elettriku, u istallazzjoni tat-telefon u tal-Local Area Network.
Tista' l-Ministru tgħid kemm tħallset kera tal-premises fid-Dowtown għar-Reġistru Pubbliku u arkivji notarili minn meta ġie ffirmat il-kuntratt ta' kera?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s'issa għadha ma tħallset l-ebda kera lid-Downtown Ltd.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex qed jinżamm it-transfer ta' impjegat li jaħdem il-Qorti ta' Għawdex li jrid imur jaħdem l-uffiċċju tal-liċenzji f'Għawdex u dan meta l-istess uffiċċju huwa under staff u mhux qed ilaħħaq mad-domanda tal-pubbliku?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata illi l-impjegata li qed issir referenza għaliha ġiet trasferita għall-uffiċċju tal-liċenzji kif kien meħtieġ, skond l-esiġenzi tas-servizz.
Tista' l-Ministru tara li fix-short stay fl-isptar mentali ta' l-Ibraġġ, f'Għawdex jiżdiedu l-cleaners peress li m'hemmx biżżejjed u hemm problema ta' ndafa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-cleaners fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex jitqassmu fuq xogħol skond il-ħteġijiet tad-diversi sezzjonijiet li hemm fl-isptar, inkluż allura ix-short stay.
Għawdex- Sptar mentali — tiswija fuq magna tal-ħasil
Question
Tista' l-Ministru tara li l-magna tal-ħasil li tintuża fix-short stay ward fl-isptar mentali t'Għawdex tiġi rrangata peress li ilha diversi ġimgħat ma taħdimx?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-magna tal-ħasil fix-short stay ward tinsab taħdem.
Għawdex- Sptar mentali — tiswija ta' toilets u air conditions
Question
Tista' l-Ministru tara li t-toilets u l-aircondition unit li hemm fix-short stay ward ta' fl-isptar mentali ta' Għawdex jiġu rranġati peress li t-toilets ilhom ħafna mkissrin u l-air conditioner ma jaħdimx sew?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fis-sala short stay m'hemmx toilets imkissrin u l-airconditioning qed jaħdem sew.
Peress li rċevejt ilmenti mingħand persuni b'diżabilità li għandhom reserved parking u li qed jilmentaw għaliex minħabba l-fatt li llum il-ġurnata dan ir-reserved parking m'għadux ikun bin-numru tal-vettura ta' min ikun applika u allura kull min għandu l-blue sticker jista' jipparkja f'dan il-parkeġġ u b'dan allura min ikun applika u ottjena l-parkeġġ riservat ma jkollux fejn jipparkja għaliex ikun okkupat minn vettura oħra bil-blue sticker; peress li din is-sitwazzjoni qed toħloq inkonvenjent kbir lil dawk il-persuni b'diżabiltà li wara tant taħbit ikunu ottjenew dan il-parkeġġ, jista' l-Ministru jara jekk dan l-inkonvenjent jistax jigi indirizzat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-politika eżistenti dwar din il-materja hi maqbula mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità. Ninforma lill-Onor Interpellant li għaddejt l-osservazzjoni tagħha lill-ADT.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — impjegati li gradwaw jew ħadu kors l-Università
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-dekasteru tiegħu li huma gradwati mill-Università għaliex segwew kors sponsorjat mill-Gvern? Jista' jgħid meta ggradwaw u liema kors għamlu? Kemm sewa l-kors? Kemm għadhom jaħdmu mal-Gvern, f'liema grad u f'liema dipartiment? Kemm irriżenjaw? Kemm ħadu sponsorship iktar minn darba u f'liema kors u meta? Kemm weħlu mill-eżamijiet tal-kors u allura ma komplewx? Jekk intalbux jirrifondu xi ammonti mħallsa mill-Gvern in konnessjoni ma' l-istudji tagħhom? Kemm kien l-ammont, jekk kien il-każ? Jekk kienx hemm xi impjegat li minkejja li m'għaddiex reġa' beda l-kors sponsorjat għal darb'oħra mill-Gvern? X'kien il-kors relattiv u meta kienet l-intake year u l-grad ta' tali impjegat?
Response (FENECH, TONIO)
Ma narax il-ħtieġa li nuża r-riżorsi umani limitati li għandna sabiex niġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant peress li din trid ammont kbir ta’ ħin sabiex tinġabar.
Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — impjegati li gradwaw jew ħadu kors l-Università
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fid-dekasteru tagħha li huma gradwati mill-Università għaliex segwew kors sponsorjat mill-Gvern? Tista' tgħid meta ggradwaw u liema kors għamlu? Kemm sewa l-kors? Kemm għadhom jaħdmu mal-Gvern, f'liema grad u f'liema dipartiment? Kemm irriżenjaw? Kemm ħadu sponsorship iktar minn darba u f'liema kors u meta? Kemm weħlu mill-eżamijiet tal-kors u allura ma komplewx? Jekk intalbux jirrifondu xi ammonti mħallsa mill-Gvern in konnessjoni ma' l-istudji tagħhom? Kemm kien l-ammont, jekk kien il-każ? Jekk kienx hemm xi impjegat li minkejja li m'għaddiex reġa' beda l-kors sponsorjat għal darb'oħra mill-Gvern? X'kien il-kors relattiv u meta kienet l-intake year u l-grad ta' tali impjegat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ma narax il-ħtieġa li nuża r-riżorsi umani limitati li għandna sabiex niġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant peress li din trid ammont kbir ta’ ħin sabiex tinġabar.
Ministeru għal Għawdex — impjegati li gradwaw jew ħadu kors l-Università
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fid-dekasteru tagħha li huma gradwati mill-Università għaliex segwew kors sponsorjat mill-Gvern? Tista' tgħid meta ggradwaw u liema kors għamlu? Kemm sewa l-kors? Kemm għadhom jaħdmu mal-Gvern, f'liema grad u f'liema dipartiment? Kemm irriżenjaw? Kemm ħadu sponsorship iktar minn darba, f'liema kors u meta? Kemm weħlu mill-eżamijiet tal-kors u allura ma komplewx? Jekk intalbux jirrifondu xi ammonti mħallsa mill-Gvern in konnessjoni ma' l-istudji tagħhom? Kemm kien l-ammont, jekk kien il-każ? Jekk kienx hemm xi impjegat li minkejja li m'għaddiex reġa' beda l-kors sponsorjat għal darb'oħra mill-Gvern? X'kien il-kors relattiv u meta kienet l-intake year u l-grad ta' tali impjegat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ma narax il-ħtieġa li nuża r-riżorsi umani limitati li għandna sabiex niġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant peress li din trid ammont kbir ta' ħin sabiex tinġabar.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex kien qed isir tħaffir f'dawn l-aħħar ġranet miċ-ċentru għal matul il-jum ta' Santa Marta liema tħaffir baqa' ħiereġ għal triq ir-Repubblika u baqa' sejjer sa l-Arkadia, ir-Rabat Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li t-tħaffir viċin iċ-ċentru għal matul il-Jum ta' Santa Marta qed isir biex titkabbar l-istallazzjoni tad-dawl għal dan iċ-ċentru. Dan ix-xogħol qed isir mill-Korporazzjoni Enemalta.
Tista' l-Ministru tgħid għal liema raġuni hemm ħlasijiet differenti li jsiru mir-residenti ta' Sant'Anna għal kull jum li jagħmlu hemm?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ħlas tar-residenti jiġi kkalkulat individwalment skond id-dħul rispettiv tagħhom u skond kif stabilit fuq bażi nazzjonali.