Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13638 u 13362 u ċioe: Peress li qed isiru ilmenti minn persuni b'diżabilità għaliex fiċ-Ċirkewwa hemm parking bay wieħed biss għall-persuni b'diżabilità li ovvjament mhuwiex biżżejjed, jista' l-Ministru jara li din il-problema tiġi indirizzata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jindika kemm-il elezzjoni nżammet mid-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali f'postijiet tax-xogħol li m'hemmx preżenza ta' unions kif huwa obbligat jagħmel skond il-Liġi tar-Relazzjonijiet Industrijali skond Kapitlu 452?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li skont il-liġi ndustrijali, hemm riferenza għal rappreżentanti tal-ħaddiema fi tliet ċirkostanzi: f’involviment fil-proċess ta’ informazzjoni u konsultazzjoni skont l-Avviz Legali 10 tal-2006, u f’involviment f’każi ta’ sensji kollettivi u ta’ trasferiment ta’ negozju. Jekk ikun hemm union rikonoxxuta mill-prinċipal għal xi kategorija ta’ ħaddiema, awtomatikament tkun din li tirraprezenta lil dawk il-ħaddiema.
Fi proċessi ta’ informazzjoni u konsultazzjoni, l-Avviż Legali 10 tal-2006 jagħmilha ċara li huwa l-obbligu ta' min iħaddem illi f’każ li jkun hemm xi kategoriji ta’ ħaddiema li ma jkunx hemm
union
rikonoxuta li tirrapreżenthom, jitlob lill-ħaddiema interessati biex jissotomettu ismijiet ta’ persuni li jkunu jixtiequ joħorgu għall-elezzjoni ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema. Jekk ikun hemm nomini, huwa il-prinċipal li jrid jagħmel il-preparazzjonijiet neċessarji biex jorganizza elezzjoni għal tali rappreżentanti. Jirriżulta illi f’2009 kiem hemm erba każi fejn saret elezzjoni għal ħatra ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema.
F’sitwazzjonijiet ta’ sensji kollettivi u ta’ trasferiment ta’ negozju, il-ħaddiema jiġu mgħarrfa, anka minn uffiċjali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg, dwar il-ħtieġa li jagħżlu rappreżentanti biex jiġi ffaċilitat il-proċess. F’każi bħal dawn, uffiċjali tad-Dipartment, barra li jagħtu pariri kif rikjesti mill-prinċipal, jagħmlu laqgħat apposta mal-ħaddiema involuti biex jispjegawlhom xi jkun qed jiġri, jisimgħu il-problemi u xi lmenti li jista jkollhom u jagħtuhom pariri fuq id-drittijiet tagħhom biex b’hekk jiffaċilitaw il-proċess ta’ konsultazzjoni bejn il-prinċipal u l-ħaddiema tiegħu. Fl-2009 kien hemm 6 kumpaniji li fihom ġew magħżula rappreżentanti tal-ħaddiema wara intervent tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg f’każi ta' sensji Kollettivi.
Jekk ma jkun hemm ħadd mill-ħaddiema li jkun lest joffri ruħu biex iservi ta’ rappreżentant tal-ħaddiema, min iħaddem ikun irid jinforma direttament lill-ħaddiema affettwati. Tul l-2009, dan ġara f'żewġ każi ta’ sensji kollettivi u fi tnejn ohra ta’ trasferiment ta’ negozju, fejn ma ntgħażel ħadd biex jirrapreżenta lil ħaddiema u l-konsultazzjonijiet neċessarji saru mal-ħaddiema b’mod individwali taħt l-iskrutinju tad-Dipartiment. F’żewg każi oħra ta' sensji kollettivi kien diġa jeżisti rappreżentant tal-ħaddiema, avolja ma kienx hemm presenza ta’ unions.
Spiżerija ta' l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex — ilmenti
Question
Peress li qed ikun hemm ħafna tgergir mill-pubbliku għaliex l-Ispiżerija ta' l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex qed tagħlaq u qed ikun għad baqa' in-nies jistennew, tista' l-Ministru tara li dan l-inkonvenjent jiġi indirizzat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li kienu saru arranġamenti biex it-twieqi ta' l-ispeżerija jibqgħu miftuħin sas-1.00p.m. mit-Tnejn sal-Ġimgħa u sal-11.30a.m. nhar ta' Sibt.
F'Diċembru 2009 intela' l-post vakant ta' spiżjara u hekk issa għandna management ġdid, iżda xorta waħda, is-sitwazzjoni qed tkun evalwata sabiex inkomplu ntejbu s-servizz tal-ispiżerija.
B'referenza għall-konferenza stampa li saret fil-5 ta' Jannar 2010, tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għall-preservazzjoni ta' sit taċ-Ċirku tal-Ġebel f'Għawdex minħabba li huwa espost għall-elementi naturali u in vista ta' aktar skavi li hemm pjanati li jsiru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li għalkemm ir-responsabilità tas-sit imsemmi mill-Onor. Interpellant jaqa' taħt ir-responsabilità ta' Heritage Malta, il-Ministeru għal Għawdex qiegħed jagħmel il-parti tiegħu biex dan is-sit jiġi ppriservat kif jeħtieġ. Fil-fatt, il-Ministeru għal Għawdex issottometta applikazzjoni taħt il-fondi EAFRD biex tinbena tinda fuqu li filwaqt li toffri protezzjoni lis-sit tkun tista' sservi biex tiffaċilità l-aċċess għall-viżitaturi. Ir-responsabilità finali tal-priservazzjoni ta' dan is-sit hija responsabilità ta' Heritage Malta.
Tista' l-Ministru tgħid x'miżuri ser jieħu l-Ministeru biex isiru t-tiswijiet meħtieġa fiċ-Ċentru tal-Inkubazzjoni ta' Għajnsielem peress li mill-aħħar mistoqsija parlamentari li għamilt ftit li xejn sar xogħol?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi xogħolijiet ta' manutenzjoni fuq iċ-Ċentru jsiru fuq bażi regolari.
Ċentru ta' Inkubazzjoni — faċilitajiet ta' emerġenza kontra n-nirien u first aid
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-faċilitajiet ta' emerġenza ta' kontra n-nirien u first aid fiċ-Ċentru tal-Inkubazzjoni humiex mgħammra f'kull workshop fl-istess ċentru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull workshop fiċ-Ċentru tal-Inkubazzjoni huwa mgħammar b'fire extinguisher u sistema ta' fire alarm. Il-klijenti tal-ħwienet tax-xogħol (workshops) huma obligati li jagħmlu mezzi oħrajn ta' kontroll skond in-natura tax-xogħol tagħhom u li josservaw ir-regolamenti mposti fl-Att dwar is-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Għawdex — bord tal-għażla ta’ l-aħjar offerti ta' toroq
Question
Tista' l-Ministru tgħid minn min hu kompost il-bord tal-għażla ta’ l-aħjar offerti ta' toroq f'Għawdex u tgħid xi kwalifiki għandu kull membru tal-bord u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra curriculum vitae ta' kull membru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema offerti qed tirreferi peress li kull offerta jkollha bord tal-għażla għaliha.
Tista' l-Ministru tgħid liema entitatijiet u dipartimenti ġew ikkonsultati fuq l-għoti tal-kuntratti li ngħataw riċentement għat-toroq tax-Xlendi u ta' Pinu fost l-oħrajn?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-ebda entità jew dipartiment ma jiġi kkonsultat fuq l-għoti ta' kuntratti.
Offerti għat-toroq ta' Pinu, tal-Imġarr u tax-Xlendi
Question
Tista' l-Ministru tgħid min ħa l-offerti għat-toroq ta' Pinu, Triq l-Imġarr u Triq tax-Xlendi u taħt liema termini u kundizzjonijiet? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti relattivi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Dwar il-parti tal-mistoqsija li titratta Triq l-Imġarr, nirreferi lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Dwar il-kumplament tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Evalwazzjoni rrakkomanda lill-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti biex it-tender għax-xogħolijiet fi Triq ta' Pinu jingħata lil Gaudos Joint Venture u rigward it-Triq tax-Xlendi din għadha fil-fażi ta' tendering. It-termini u l-kundizzjonijiet kemm tat-Triq Ta' Pinu kif ukoll dik tax-Xlendi qegħdin fit-tender dossier li jinsab fuq il-website tad-Dipartiment tal-Kuntratti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu arbitraġġi fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ f'dawn l-aħħar tliet snin skond is-suġġett? Kemm minnhom saru minn Għawdex jew Malta separatament?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' arbitraġġi li daħlu f'dawn l-aħħar tliet snin fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ huwa kif ġej:-
Sena Malta Għawdex
2007 422 31
2008 381 35
2009 388 23
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-każijiet skont is-suġġett.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13636 u 13428 u jagħti rendikont tal-ħidma ta' l-uffiċjal għar-ristabbiliment tal-persuni b'diżabilità skond l-Kap 210 f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-provedimenti ta Kap. 210 iridu jiġu inkwadrati fil-kuntest ta’ Kap. 413 u tax-xogħol fejjiedi li tagħmel il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita fil-ħidma tagħha biex telimina diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità.
Skond Kap. 210, li daħlet fis-seħħ fl’1969, uffiċjal għar-ristabbiliment tal-persuni b'diżabilità fid-Dipartiment tax-Xogħol għandu l-funzjoni li jissorvelja l-kundizzjonijiet ta’ l-impieg u 1-ambjent tax-xogħol li fih persuni b’diżabilità jkunu qegħdin jaħdmu. Però f’2000 daħal fis-seħħ l-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità), Kap. 413 li, fost oħrajn waqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità. Fost id-dmirijiet ta' din il-Kummissjoni Nazzjonali hemm li tagħmel dawk l-investigazzjonijiet neċessarji biex tara li Kap 413, li fih proveddimenti partikolari fuq l-impieg, qed ikunu mħarsa u li tinvestiga ilmenti riferuti lila dwar nuqqas ta’konformita mal-liġi.
Informat ukoll li llum m’hemm l-ebda persuna li għandha t-titlu ta’ uffiċjal għar-ristabbiliment tal-persuni b'diżabilità fi ħdan id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg. Meta twaqqfet il-Kummissjoni, ix-xogħol li dan l-uffiċjal kien qed jaqdi ġiet inkorporata fix-xogħol normali li jaqdu uffiċjali oħra tad-Dipartiment li xogħolhom hu li jimmonitorjaw il-kundizzjonijiet tal-impieg tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Ma ssirx distinzjoni f’ħidmet dawn l-uffiċjali bbażata fuq jekk ħaddiem ikollu jew ma jkollux diżabilità u għalhekk
issues
relatati ma' kundizzjonijiet tal-impieg fuq post tax-xogħol partikolari jiġu trattati bl-istess mod għall-ħaddiema kollha f’dik l-intrapriża.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13634, 13138 u 10806 u jgħid kemm saru riċevimenti f'dawn l-aħħar ħames xhur organizzati jew kordinati mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? X'kienet l-okkazjoni? Kemm kien hemm persuni mistiedna għal kull riċeviment? Kemm attendew? Kemm swiet l-okkażjoni?
Policy tal-Gvern dwar min hu intitolat għall-Herceptin
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13632, 13031, 12801 u 11884 u jgħid x'inhi l-policy tal-Gvern dwar min hu intitolat għall-Herceptin b'xejn mingħand il-Gvern?
Tista' l-Ministru tgħid fiex waslu l-istadji ta' restawr tal-antenni tal-mitħna ta' Kola fix-Xagħra, Għawdex peress li l-mitħna ilha mingħajr dawn l-antenni għal żmien twil u hemm l-iscaffolding tal-metall quddiem it-tromba tagħha? Tista' tgħid ukoll kemm iżuruha turisti u f'liema xhur l-aktar li jżuruha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju wasal il-proġett tat-tinda għat-Tempji tal-Ġgantija u ċ-Ċentru tal-Viżitaturi propost? Tista' tgħid il-Gvern meta beħsiebu jattwa l-proġett taċ-ċentru? Tista' tgħid kemm turisti żaru t-tempji xahar b'xahar f'dawn l-aħħar sentejn?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Executive Officer responsabbli mit-tgħalim tal-Malti
Question
Tista' l-Ministru tgħid min hu l-Executive Officer responsabbli mit-tagħlim tal-Malti fil-livell primarju? Tista' in oltre tgħid jekk hemmx xi arranġament jew ko-ordinament bejn dan l-uffiċjal u l-Università ta' Malta dwar kif il-Malti jiġi mgħallem lill-istudenti li qed isegwu l-kors ta' għalliema tal-primarja?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Uffiċjal Edukattiv li bħalissa huwa responsabbli mit-tagħlim tal-Malti fil-livell primarju huwa s-Sur David Agius Muscat, Uffiċjal Edukattiv tal-Malti.
Filwaqt li hemm kollaborazzjoni bejn id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni u l-Università ta’ Malta, bħal ngħidu aħna, fl-2009 uffiċjali mill-Università kienu f’żewġ bordijiet tal-għazliet ta’ kotba tal-Malti għall-primarja, iż-żewġ entitajiet huma indipendenti minn xulxin.
Tista' l-Ministru tgħid jekk is-supply teachers li hemm fl-iskejjel primarji u li qed jgħallmu lil year 1 hux qed jingħataw li gwida dwar it-tagħlim tal-Malti u mingħand min? Hemm xi programm online biex l-għalliema jkunu jistgħu jagħmlu riferenza għalih?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Dipartiment/Direttorat jara li jsiru aġġornamenti professjonali tal-Malti għall-għalliema kollha. Isiru ukoll żjarat ta’ rutina mill-Uffiċjali Edukattivi tal-Primarja.
Hemm is-sit tal-Malti b’riżorsi għall-għalliema tal-Malti li qegħdin fil-Primarja http://malti.skola.edu.mt/. Fis-sit hemm riżorsi varji li wieħed jista’ juża waqt it-tagħlim tal-Malti fl-iskejjel Primarji. Hemm ukoll is-sit tad-Dipartiment tal-Kurrikulu u l-eLearning www.curriculum.gov.mt u fih hemm ammont ta’ riżorsi oħra bħalma huma karti tal-eżamijiet, pjani ta’ lezzjonijiet, u letteratura oħra li l-għalliema jistgħu jiġu bżonnha meta jgħallmu fl-iskejjel primarji.
Hemm ippjanat li jibda kors għal Supply Teachers fi Frar 2010.
Każijiet tal-Inġustizzji tal-Kumitat magħżul tal-Kamra
Question
Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid fejn wasal ix-xogħol fuq il-każijiet tal-Inġustizzji tal-Kumitat magħżul tal-Kamra li twaqqaf is-sena l-oħra b’termini li tissaħaħ id-demokrazija f’Malta? Kemm ilu ma jiltaqa’ dan il-Kumitat u għaliex? Billi ir-rapport fuq l-inġustizzji kellu jkun lest sa l-aħħar ta’ Ottubru tas-sena 2008, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif fejn wasal il-Kumitat fuq dan ix-xogħol sal-lum, iktar minn sena wara?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m'hemmx Kumitat tat-tip imsemmi fil-mistoqsija parlamentari. Saru xi taħdidiet, barra mill-kuntest tal-Kumitat Magħżul, dwar dan is-suġġett.
Tista' l-Ministru tgħid x'arranġamenti saru jew qed isiru għat-tilqim tal-vaċċin tal-H1N1?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li t-tilqim għall-vaċċin tal-H1N1 ġewwa Għawdex qed jingħata skond il-kriterji stabbiliti maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Il-vaċċin qed jingħata lill-ħaddiema kollha li għandhom kuntatt mal-pazjenti, nisa tqal u lil dawk kollha vulnerabbli li jbatu b'mard kroniku. Qed jintużaw erba' kliniċi ġewwa l-Isptar Ġenerali sabiex issir din it-tilqima.
Dawk il-pazjenti li ma jistgħux joħorġu minn darhom jistgħu jċemplu lill-MMDNA biex ilaqqmuhom ġewwa darhom stess.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — tenders tal-operating theatres
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'ġara u tagħti rendikont rigward it-tenders tal-operating theatres fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-offerti li ġew sottomessi għat-tender tal-operating theatre ma ssodisfawx il-kriterji stipulati fit-tender dossier u għalhekk ġew ikkanċellati mid-Dipartiment tal-Kuntratti.