Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #20418 Sitting 266 2010-10-25 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — korsijiet in konnessjoni mat-tqala

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'korsijiet jingħataw fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex in konnessjoni mat-tqala u tagħti d-dettalji dwar kull kors u tgħid kemm isiru korsijiet fis-sena u kemm kienet il-konkorrenza għal dawn il-korsijiet kull kors separatament matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Equality Mark Certificate

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm applikanti għall-equality mark certificate? Kemm ġew ċertifikati u min huma dawn il-kumpaniji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sal-20 ta’ Ottobru 2010, l-NCPE ġiet avviċinata minn 39 organizazzjoni li wrew interess fiċ-ċertifikazzjoni. Minn dawn 12 ġew iffinalizzati u ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għall-Marka tal-Ugwaljanza. Dawn tressqu quddiem il-Kumitat tal-Marka tal-Ugwaljanza li s'issa ċċertifika 8 organizzazzjonijiet li huma: 1. Betsson Malta Ltd, 2. European School of English, 3. Foundation for Social & Welfare Services(FSWS), 4. HSBC Bank Malta, 5. Medavia Ltd, 6. Melita plc, 7. National Statistics Office (NSO) u 8. Vodafone Malta.

Għawdex — Sannat - Skola tal-Mużika - Għalliem tal-Vjolin

Question

Peress li l-istudenti tal-vjolin tal-iskola tal-mużika ta' Sannat, Għawdex qed jilmentaw għaliex l-għalliem li kellhom is-sena l-oħra li kien part-timer m'għadux f'din l-iskola u l-istudenti għadhom mingħajr għalliem, tista' l-Ministru tgħid għaliex dan l-għalliem m'għadux hemm u tara jekk dan l-għalliem jistax jerġa' jibda jgħallem lill-istudenti tal-vjolin bħalma kien is-sena l-oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Adult Educator li kien jgħallem fuq bażi part time sas-sena l-oħra fl-iSkola tal-Mużika fis-Sannat Għawdex, applika u ġie magħżul biex jgħallem suġġett ieħor fuq bażi full time. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja għadu kif ħareġ sejħa oħra għal aktar Adult Educators (Ċirkulari Nru. DLLL 10/10) fejn hemm inkluż sejħa għal Adult Educators biex jgħallmu Strings (li jinkludi l-vjolin) ġewwa Għawdex. Is-sejħa għal Adult Educators tagħlaq fit-22 ta’ Ottubru, 2010.

Dipartiment tal-VAT — Refunds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm refunds li għadhom irrid jitħallsu mid-Dipartiment tal-VAT kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT għad irid iħallas l-ammont ta’ €31,760,804.44 bħala refunds li ġew dovuti għall-ħlas u li fuqhom għad iridu jsiru l-verifiki neċessarji. Dawn l-ammonti huma maqsuma kif ġej: €30,814,102.08 għal persuni reġistrati li għandhom l-indirizz f’Malta €946,702.36 għal persuni reġistrati li għandhom l-indirzz f’Għawdex. Skont il-liġi dawn it-talbiet għal refund isiru dovuti wara ħames xhur mit-talba. Id-Dipartiment tal-VAT jagħmel ukoll il-kontrolli neċessarji sabiex jivverifika li dawn l-ammonti huma dovuti.

Għawdex — Skola Agius de Soldanis - għalliema tal-ispanjol

Question

Peress li l-istudenti tal-Form 4 tal-iskola Agius de Soldanis t'Għawdex, għadhom mingħajr għalliema tal-Ispanjol u din is-sitwazzjoni ilha tippersisti għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat, tista' l-Ministru tara li din il-problema tiġi indirizzata minnufih?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għadu kif ġie ingaġġat għalliem Supply tal-Ispanjol li bih se tkun solvuta l-problema tal-Ispanjol fl-iskejjel Għawdxin.

Iskola Sir Mikelang Refalo — studenti bla teacher tal-biology

Question

Peress li l-istudenti tal-Iskola Sir Mikelang Refalo tat-tieni sena qegħdin mingħajr teacher tal-Biology, tista' l-Ministru tara li din il-problema tiġi indirizzata minnufih?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema fil-Biologija fl-iskola Sir Mikelang Refalo ġiet riżolta din ġimgħa għax daħlu żewġ għalliema tal-Biologija li ntbagħtu f’din l-iskola.
Leg 11 PQ #19899 Sitting 264 2010-10-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

surġenti vakanti fil-Korp tal-Pulizija t'Għawdex

Question

Peress li wara li saru tibdiliet fix-shiftijiet fil-korp tal-pulizija f'Għawdex allura nħolqu vakanzi għal surġenti, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex maħsub li jiġu trasferiti surġenti lejn Għawdex biex appuntu jimlew dan il-vojt?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bħalissa m'hemmx postijiet ta' Surġenti vakanti fid-distrett t'Għawdex.
Leg 11 PQ #20067 Sitting 264 2010-10-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Triq ta' Pinu — Manutenzjoni

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 19468 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa qed tiġi riferuta lilha u tgħid kemm qed tiswa l-manutenzjoni tat-Triq ta' Pinu in patikolari biex jimtlew ix-xquq li diġà hemm fl-istess triq? Tista' tgħid ukoll x'passi qed jieħu l-gvern kontra min għamel ix-xogħol peress li dawn il-ħsarat tfaċċaw daqshekk malajr wara li sar ix-xogħol?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentament fi Triq ta' Pinu, li għadha qed issir, m'hemmx ħtieġa ta' manutenzjoni.
Leg 11 PQ #20068 Sitting 264 2010-10-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Kisja finali ta' tarmak fil-parti tat-triq mis-siġra ta' Pinu sas-Santwarju ta' Pinu

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 19467 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa qed tiġi riferuta lilha u jgħid għaliex il-kisja finali tat-tarmak tal-parti tat-triq mis-siġra ta' Pinu sas-Santwarju ta' Pinu għadha ma ngħatatx?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħolijiet f'din it-triq se jkunu lesti fi żmien stipulat.
Leg 11 PQ #20069 Sitting 264 2010-10-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Spejjeż fuq partijiet mit-toroq t'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru twieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 19466 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa qed tiġi riferuta lilha u tagħti breakdown tal-ispejjeż kollha li saru fiit-triq li mis-siġra ta' Pinu twassal sas-Santwarju ta' Pinu u tgħid kemm tħallas kull kuntrattur jew sub-kuntrattur separatament għal kull biċċa xogħol?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s'issa tħallsu €1,001,018.10 (vat inkluż) lil Gaudos JV ta' xogħlijiet ta' rikostruzzjoni tat-Triq ta' Pinu. Tħallsu wkoll €56,337.92 (vat inkluż) lil S&A Quality Assurance Surveyors Ltd. ta' servizzi ta' project management li jinkludi kemm servizzi fuq it-Triq ta' Pinu kif ukoll fuq dik tax-Xlendi.
Leg 11 PQ #20070 Sitting 264 2010-10-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Qorti t'Għawdex — fattiga

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19473 li saret diversi drabi u ilha tingħata l-istess risposta għal snin twal, tista' l-Ministru tgħid x'passi konkreti saru biex tiġi fattiga oħra fil-Qorti t'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

M'għandix x'inżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 19473.
Leg 11 PQ #20071 Sitting 264 2010-10-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Estensjoni tal-maternity leave

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19460 rigward l-estensjoni tal-maternity leave, jista' l-Prim Ministru jgħid xi studji jew stħarriġ qed jagħmel il-gvern fir-rigward ta' din il-proposta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li saret analiżi preliminari tal-impatt finanzjarju tal-proposta tal-Kummisjoni tal-Unjoni Ewropeja rigward emendi għad-direttiva tal-maternità. Kif diġà kelli l-okkażżjoni ngħid, il-proposta għadha fi stadju ta’ diskussjoni u għaldaqstant l-impatt potenzjali se jvarja skont l-kontenut preċiż tal-proposta finali.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — Talbiet għal career breaks

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal career breaks fl-aħħar sentejn f'kull dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn nisa, kemm saru minn irgiel u għal liema raġuni? Jista' jgħid kull talba li ġiet milqugħa kemm damet biex tiġi proċessata u fil-każ ta' dawk miċħuda, jekk kien il-każ, x'kienet ir-raġuni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ftehim bejn il-Malta Industrial Park u l-kumpanija Bryvarc

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19465, jista' l-Ministru jgħid x'pakkett ġie miftiehem bejn il-gvern tramite l-Malta Industrial Park jew direttament mal-kumpanija Bryvarc ta' Għawdex u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull ftehim jew understanding li ntlaħaq? Jista' jgħid jekk din il-kumpanija ingħatatx flus jew xi tip ta' grant in vista tal-investiment li din il-kumpanija kienet wegħdet li se tagħmel? Jista' in oltre jgħid x'passi qed jieħu l-gvern kontra din il-kumpanija li naqset milli tonora l-ftehim tant li dawn telqu mill-pajjiż?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent, hemm pendenti proċeduri ġudizzjarji kontra l-Bryvarc Limited filwaqt li għadhom għaddejjin diskussjonijiet mad-diriġenti. Hemm żewġ kuntratti in vigore mal-Bryvarc Limited, wieħed mal-Malta Industrial Parks Limited u l- ieħor mal-Malta Enterprise. Dawn il-kuntratti jirregolaw l-assistenza li ngħatat lil Bryvarc Limited. Il-kuntratt bejn il-Bryvarc Limited u l-Malta Enterprise huwa kuntratt pubbliku u kopja tiegħu qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Kif kellna opportunità nelaboraw f'mistoqsijiet parlamentari oħra, l-informazzjoni dwar n-negozjati bejn investituri u l-Malta Enterprise huma privileġġati skont l-Artikolu 33 tal-Att dwar il-Promozzjoni ta' Negozji, u informazzjoni ta' dan it-tip għaldaqstant ma tistax tingħata.

Spejjeż fuq partijiet mit-toroq t'Għawdex

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19464, jista' l-Ministru jgħid x'taħditiet kellu l-Ministeru u anke l-Ministru personalment rigward il-fabbrika tal-cards Bryvarc? Issa li l-operaturi jidher li ħarbu minn dawn il-gżejjer, x'miżuri qed jieħu l-Ministeru biex jipproteġi l-interessi tal-ħaddiema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpelant illi t-taħdidiet mal-kumpanija Bryvarc għadhom għaddejjin u mhux opportun li jiġi żvelat il-kontentut tad-diskussjonijet f'dan l-istadju anki peress li hemm kawżi pendent quddiem il-Qorti ta' Għawdex. Ninforma lill-Onor. Interpellant li jiena, bħala Ministru ma kellix diskuzzjonijiet mad-diriġenti tal-Bryvarc. Dwar mistoqsijiet li għandjom x'jaqsmu mal-kundizzjonijet tax-xogħol nitlob l-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tad-Djar — akkwist ta' plots

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19278, jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni ghadhom ma sarux il-kuntratti tal-akkwist opportun ma' dawk kollha li ħadu l-plots fil-housing estates tal-Ħali fin-Nadur, Għawdex u f'Ta' Dun Anton ix-Xagħra, Għawdex u dan minkejja li l-konvenji ilhom snin li saru u ċ-ċnus tħallsu? Peress li din is-sitwazzjoni qed toħloq problemi kbar u anomaliji legali li jeħtieġu li jiġu indirizzati immedjatament, tista' tgħid meta se jiġu ffirmati l-kuntratti opportuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19278, li għadha valida. Għalhekk nitlob l-Onor. Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Bowser tal-fuel

Question

Peress li kien hemm ilmenti għaliex fit-28 ta' Settembru 2010 fuq il-vapur tat-8.05p.m miċ-Ċirkewwa kien hemm bowzers tal-fuel jivvjaġġjaw mal-passiġġieri, jista' l-Ministru jispjega x'kienu ċ-ċirkostanzi u jgħid għalfejn ma sarx vjaġġ għalihom bħalma jsir normalment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-bowser imsemmi li ġie trasportat nhar it-Tlieta 28 ta’ Settembru li telaq miċ-Ċirkewwa fit-8.05 ta’ filgħaxija seta’ jivvjagga fuq dak il-vjaġġ partikolari u dana skont kif stipulat mill-IMDG (International Maritime Dangerous Goods) Code.

enforcements u ordnijiet ta' żgumbrament

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm enforcements u ordnijiet ta' żgumbrament fir-rigward tal-proprjetajiet tal-gvern f'kull lokalità ta' Malta u Għawdex separatament f'dawn l-aħħar sentejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ ordnijiet ta’ żgumbrament f’dawn l-aħħar sentejn jammontaw għal 172 (sena 2009) u 150 (sa Settembru 2010). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ skedi li juru l-ordnijiet ta’ żgumbrament skont il-lokalità li saru kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex fl-2009 u sa’ Settembru 2010.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Talbiet għal career breaks

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal career breaks fl-aħħar sentejn f'kull dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn nisa, kemm saru minn irgiel u għal liema raġuni? Jista' jgħid kull talba li ġiet milqugħa kemm damet biex tiġi proċessata u fil-każ ta' dawk miċħuda, jekk kien il-każ, x'kienet ir-raġuni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fid-dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tiegħi fl-aħħar sentejn kien hemm żewġ talbiet għal career breaks minn żewġ impjegati nisa fis-Segretarjat Permanenti. Fiż-żewġ każijiet ir-raġuni kienet li riedu jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom. Dawn it-talbiet ġew milqugħa u ġew proċessati fi żmien jumejn.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Talbiet għal career breaks

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal career breaks fl-aħħar sentejn f'kull dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn nisa, kemm saru minn irgiel u għal liema raġuni? Jista' jgħid kull talba li ġiet milqugħa kemm damet biex tiġi proċessata u fil-każ ta' dawk miċħuda, jekk kien il-każ, x'kienet ir-raġuni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.