Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — impjieg ta' persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni b’diżabilità f’dawn l-aħħar sitt xhur mill-ministeru u mid-dipartimenti u enitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar sitt xhur fi ħdan dan il-Ministeru, id-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu ġew impjegati żewġ persuni b’diżabilità.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — impjieg ta' persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni b’diżabilità f’dawn l-aħħar sitt xhur mill-ministeru u mid-dipartimenti u enitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’dawn l-aħħar sitt xhur ġew ingaġġati 130 uffiċjal u ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma kien hemm l-ebda persuna li ddikjarat li hija reġistrata mal-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Dizabilità.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — impjieg ta' perusni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati persuni b’diżabilità f’dawn l-aħħar sitt xhur mill-ministeru u mid-dipartimenti u enitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ persuni b’diżabilita’ li ġew impjegati f’dawn l-aħħar sitt xhur mill-Ministeru, dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru huwa hekk: Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ 2 Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi 1 Università ta’ Malta 2
Leg 11 PQ #28419 Sitting 394 2011-10-18 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — impjieg ta' perusni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati persuni b’diżabilità f’dawn l-aħħar sitt xhur mill-ministeru u mid-dipartimenti u enitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma ġewx impjegati persuni b'diżabilità f'dawn l-aħħar sitt xhur mill-Ministeru għal Għawdex u d-direttorati li jaqgħu taħtu.

kwestjoni dwar linja diviżorja ta' proprjetà f'Għawdex

Question

B'referenza għall-kwestjoni bejn il-Kunsill Lokali ta' Sannat, id-Dipartiment tal-Artijiet u terzi, liema kwestjoni tirrigwarda linja diviżorja bejn żewġ proprjetajiet, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni dettaljata dwar il-każ u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-arbitru u kull dokument ieħor konness ma' din il-kwestjoni u l-art?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-fatti dwar il-kwistjoni li hemm bejn il-Kunsill Lokali ta’ Sannat, id-Dipartiment tal-Artijiet u terzi dwar il-linja diviżorja bejn żewġ proprjetajiet, kif ukoll, kopja tar-Rapport tal-Arbitru li fih id-dettalji kollha mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #28408 Sitting 393 2011-10-17 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti t'Għawdex — sewqan perikoluż

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu nies il-Qorti ta’ Għawdex fl-aħħar sentejn fir-rigward ta' sewqan perikoluż?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar tal-2010 u Settembru ta' din is-sena, il-Pulizija ressqet 78 persuna quddiem il-Qorti ta' Għawdex fuq akkużi ta' sewqan perikoluż.
Leg 11 PQ #28409 Sitting 393 2011-10-17 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorit ta' Għawdex — kawżi tat-tribunal industrijali

Question

Peress li fil-Qorti ta’ Għawdex ma jinstemgħux kawżi tat-tribunal industrijali u peress li hemm Għawdxin li għandhom kawżi ta’ din ix-xorta u allura jkollhom joqogħdu jitilgħu Malta, ma jaħsibx il-Ministru li tista' ssir seduta għall-Għawdxin fil-bini tal-Qorti ta’ Għawdex stess?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-Qorti t'Għawdex ikun hemm smigħ ta' kawżi tat-Tribunal Industrijali.

Qasam tal-Politika nazzjonali — saħħa sesswali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’sar fis-sena 2011 fil-qasam tal-politika nazzjonali dwar is-saħħa sesswali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-tfassil ta' strateġija msejjsa fuq il-Politika Nazzjonali dwar is-Saħħa Sesswali għall-Gżejjer Maltin li kienet varata fl-2010 qegħda fi stat avvanzat u huwa ppjanat li se tiġi ippublikata fil-ġimgħat li ġejjin Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi qegħda tiffinalizza x-xogħolijiet fil- GU Clinic ġewwa l-Isptar Mater Dei, klinika ġdida li ser tieħu post il- GU Clinic fl-Isptar Boffa . F’dan l-aħħar xahar ħareġ tender għat-tħejjija ta’ pakett ta’ informazzjoni għall-ġurnalisti u għat-twaqqif ta’ website dwar is-saħħa sesswali. Tkompla il-proġett HCube li huwa iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja dwar mard ta’ hepatitis B,C u HIV. Tkomplew wkoll sezzjonijiet ta’ informazzjoni dwar saħħa sesswali ma diversi gruppi. Dalwaqt toħroġ sejħa għal tobba biex jipparteċipaw fi proġetti ta’ informazzjoni dwar l-infezzjoni tal- chlamydia. Għalhekk diġa hemm għaddejjin numru ta’ inizjattivi, kollha fl-ambitu tal-istrateġija li ġiet imfassla.
Leg 11 PQ #28411 Sitting 393 2011-10-17 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — impjieg ta' persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni b’diżabilità f’dawn l-aħħar sitt xhur mill-ministeru u mid-dipartimenti u enitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li għall-perjodu msemmi l-Uffiċċju tal-Prim Ministru mpjega persuna waħda b’ diżabilta’.

Ministeru tal-affarijiet Barranin — impjieg ta' persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm ġew impjegati persuni b’diżabilità f’dawn l-aħħar sitt xhur mill-Ministeru u mid-dipartimenti u enitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma ġiet impjegata l-ebda persuna b'diżabilità mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, Dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħt dan il-Ministeru, matul dawn l-aħħar sitt (6) xhur.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — impjieg ta' persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni b’diżabilità f’dawn l-aħħar sitt xhur mill-Ministeru u mid-dipartimenti u enitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #25814 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ġnien Irmik — Xagħra Għawdex - ilmenti fuq toroq fl-inħawi

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25658 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa saret lilu u ċioe: Peress li r-residenti fl-inħawi ta' Ġnien Irmik qed jilmentaw minħabba dewmien fix-xogħlijiet f'din it-triq, jista' l-Prim Ministru jara li dan l-inkonvenjent jiġi ndirizzat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra f’Għawdex illi t-triq in kwistjoni tlestiet.
Leg 11 PQ #25833 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qala — Ta' Muxi - Illegalitajiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'azzjoni qed tittieħed in kwantu l-illegalitajiet kollha li qed isiru fuq Ta' Muxi, Qala mill-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separament? Jista' jgħid jekk hux miżmum ix-xogħol kollu inkluż tal-barrieri? Jekk le, għaliex? Peress li dan il-kuntrattur għandu diversi stop notices, jista' jgħid għaliex kull darba qiegħed jiġi mġedded il-permess tal-barriera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi l-informazzjoni provduta fir-risposta għall-interpellanza 23990 għadha valida u ċioe li l-azzjoni li ttieħdet permezz ta' ECF 574/10 tibqa' operattiva bl-awtorità ssegwi l-proċess kemm tal-avviż maħruġ fuq din l-art u kemm tal-applikazzjoni sanatorja PA 5350/10 li ġiet sottomessa fit-terminu tal-liġi. Din l-art (Ta' Muxi), fejn l-irdim ilu xhur li waqaf, hija distinta mill-operazzjonijet li qed isiru fil-barriera Numru 12 u għaldaqstant l-avviż imsemmi, u avviżi oħrajn simili fl-inħawi, legalment ma jistgħux iwaqqfu xogħol fil-barriera peress li m'hemm l-ebda stop notice operattiv fuq il-barriera. Mill-banda l-oħra s-sitwazzjoni globali tal-art proprjetà tal-operaturi fl-inħawi qed tiġi kkunsidrata fl-ipproċessar ta' talba għal permess ambjentali għall-operazzjonijiet komprensivi tal-barriera.
Leg 11 PQ #25834 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Xogħlijiet ta' manutenzjoni ta' toroq f'Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid u jelenka x-xogħlijiet ta' manutenzjoni ta' toroq li saru fil-kunsilli lokali t'Għawdex mill-istess kunsilli f'dawn l-aħħar sentejn? Min kien il-kuntrattur? Kemm sewa x-xogħol u jekk kienx b'tender jew direct order?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif miġbura mingħand il-kunsillI lokali f’Għawdex.
Leg 11 PQ #26177 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sindki u kunsilliera — allowance

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu allowances ta' sindki u kunsilliera fl-aħħar sentejn minn kull kunsill lokali f'Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

liġi dwar id-drittijiet tat-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid f’liema stajdu wasal il-proċess biex il-liġi tagħna tiġi konformi mal-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal u x’liġijiet u amendi biħsiebu jressaq il-gvern sal-aħħar ta’ din is-sena biex jiġu indirizzati l-akuni legali li għandna fil-liġi tagħna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Minstru kkonċernat.

konferenzi dwar il-familja, tfal u d-diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’parteċipazzjoni kien hemm ta’ delegazzjonijiet minn pajjiżna għall-konferenza barra minn Malta in konnessjoni mal-familja, tfal u diżabilità? Tista' tgħid x’kienu dawn il-konferenzi u fejn saru? Min attenda u tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti relattivi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

politika u strateġija nazzjonali għat-tfal taħt ħarsien

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont dwar l-implimentazzjoni u proġress li sar fir-rigward il-politika u strateġija nazzjonali għat-tfal taħt ħarsien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra numru ta’ inizjattivi li ttieħdu dwar il-politika u l-istrateġija tal-ħarsien tat-tfal.

placements u care orders ta’ tfal taħt ħarsien

Question

Tista' l-Minsitru tgħid kemm saru placements ta’ tfal taħt ħarsien f’dawn l-aħħar sitt xhur u tgħid kemm inħarġu care orders f’dan l-istess żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’dawn l-aħħar sitt xhur saru 69 placements ġodda għal-minuri. F’dan il-perjodu ħarġu 22 Ordni ta’ Ħarsien.

Aġenzija Appoġġ — talbiet għall-aċċess supervizzjonat

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm talbiet għall-aċċess supervizzjonat lill-Aġenzija Appoġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn Jannar sat-28 ta’ Settembru 2011 kien hemm 172 talba għall-aċċess supervizzjonat.