Għawdex — Rabat - Triq Ċetta Mintoff u Triq Manuel Dimech
Question
Peress li r-residenti tat-toroq Ċetta Mintoff u triq Manuel Dimech fir-Rabat, Għawdex għandhom problema ta' għargħar meta tagħmel ix-xita b'dan li r-residenti qed ibagħtu minn inkonvenjent; peress li biex tissolva l-problema irid isir proġett għaż-żona kollha; tista' l-Ministru tgħid kif din il-problema ta' għargħar se tiġi indirizza peress li r-residenti ilhom is-snin iġibu din il-problema a kunjizzjoni tal-awtoritajiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet imsemmija se jsiru aktar 'il quddiem meta jkun possibbli.
Għawdex — Rabat - Triq Anton Tabone - xogħlijiet mill-kunsilli lokali
Question
Peress li r-residenti ta' Triq Anton Tabone fir-Rabat, Għawdex in partikolari dik il-parti tat-triq li tinsab qrib il-Knisja ta' Pompej fir-Rabat, Għawdex qed jilmentaw għaliex il-gradi li saru mill-kunsill lokali mhux biżżejjed biex jilqgħu l-ilma u għalhekk meta għamlet ixxita kien hemm kumulu ta' ilma f'dik il-parti tat-triq, u peress li jidher li dawn ix-xogħlijiet saru mill-kunsill lokali, jista' l-Prim Ministru jara li l-gandotti li hemm u l-gradi li hemm fuqhom ikunu biżżejjed biex jilqa l-ilma kollu li jkun hemm f'dik il-parti tat-triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-gradi li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ma sarux mill-Kunsill Lokali tar-Rabat. It-triq hi waħda arterjali/distributorja u allura ma taqax taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali.
Għawdex — Żebbuġ - Triq Sagħtrija - xogħlijiet fuq triq
Question
Peress li r-residenti ta’ triq Sagħtrija, fiż-Żebbuġ, Għawdex qed jilmentaw għaliex parti mit-triq qed iċċedi u fil-parti ta’ fuq tat-triq li tmiss ma' Triq Skapuċċina hemm ukoll ħofra fonda, jista' għalhekk il-Prim Ministru jara li din it-triq tingħata l-attenzjoni meħtieġa mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ li se ssir site visit mill-Perit tal-Kunsill fit-toroq li rreferiet għalihom l-Onorevoli Interpellant.
Peress li fl-Imġarr, Għawdex hemm problema minħabba rwejjaħ ta' drenaġġ ikkagunati minn blockage fis-sistema tad-drenaġġ għaliex instaddu l-mini; peress li meta sar ir-rapport lid-dipartiment konċernat, id-dipartiment qed jgħid li dan ix-xogħol ma jistax isir għaliex f'Għawdex m'hawn l-apparat ta' sigurtà meħtieġa u nel frattemp il-problema qed tippersisti u dan b'inkonvenjent kbir, jista' l-Ministru jara x'hemm bżonn isir biex din il-problema tiġi riżolta?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma bdiet ix-xogħol meħtieġ fuq il-mina, fejn ifforma blockage qawwi, x’aktarx ikkaġunat mill-maltempata qawwija tal-bidu ta’ Settembru. Dan huwa xogħol ta’ natura perikoluża u għalhekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-ilma tieħu miżuri għolja ta’ prekawzjoni għas-saħħa tal-ħaddiema tagħha. Dawn il-miżuri jinkludu li l-apparat tas-sigurta’, inkluż dak ta’ Għawdex, perjodikament jinħareġ mis-servizz għall-manutenzjoni u ċertifikazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-istatus of progress tal-applikazzjoni li d-dettalji taghha qed jintbagħtu separatament u dan għaliex kull meta l-applikanta qed titlob informazzjoni mhix tingħata ebda informazzjoni?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni in kwestjoni ġiet ipproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra għall-akkomodazzjoni alternattiva. L-applikazzjoni se tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija.
Tista' l-Ministru tgħid min kienu l-applikanti kollha għall-post ta' senior manager fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala Għawdex? Tista' tgħid jekk kienx hemm applikanti Għawdxin u jekk fl-affermattiv tista' tispjega għaliex fil-proċess tal-għażla ġew skartati dawn l-applikanti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li, kif inhi l-prassi, il-proċess tal-għażla għall-post ta' senior manager fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi sar minn Bord tal-Għażla kif approvat mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Ir-riżultat rispettiv ġie ppubblikat.
Peress li fl-iskola tax-Xagħra matul dan is-sajf kellhom isiru xogħlijiet ta' manutenzjoni u tiswijiet iżda s'issa dawn għadhom ma sarux u peress li issa dalwaqt terġa' tibda l-iskola u allura kemm l-istudenti u kif ukoll l-istaff ta' din l-iskola se jsibu l-ambjenti tal-iskola għar milli ħallewhom qabel is-sajf, ma taħsibx il-Ministru li dan in-nuqqas għandu jiġi indirizzat minnufih?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li d-dipartiment konċernat ħareġ offerta għal xogħol ta' manutenzjoni f'din l-iskola partikolari. Però dan ix-xogħol għadu ma tlestiex peress li fuq ir-rakkomandazzjoni tal-perit inkarigat l-ewwel ser isiru xi xogħlijiet li ma setgħux ikunu previsti u wara jitkompla dan ix-xogħol. Iżda minkejja din is-sitwazzjoni l-ambjent tal-iskola ma huwiex dak illi ddeskriviet l-Onorevoli Interpellant.
Rabat Għawdex — Triq Tabib Anton Tabone - bus shelter
Question
Peress li r-residenti tal-parti tat-Triq Tabib Anton Tabone f'Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex qed jilmentaw li hemm bus shelter f'dik il-parti tat-triq ta' qabel jibda l-Qasam ta' Sannat, iżda li minkejja li hemm dan il-bus shelter m'hemm ebda servizz għar-residenti lejn iċ-ċentru tar-Rabat u allura dan qed ikun kaġun ta' ħafna inkonvenjent bla bżonn, jista' l-Ministru jispjega din is-sitwazzjoni u jara li dawn in-nies jiġi moqdija billi jkollhom is-servizz ta' trasport pubbliku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-bus shelter li tinsab fi Triq it-Tabib Anton Tabone tiġi wżata mir-rotta 305 li titlaq mir-Rabat, tgħaddi minn taċ-Ċawla, għal Sannat, Ta’ Ċenċ, il-Munxar u lura lejn ir-Rabat. Minn naħa l-oħra, ir-residenti ta’ taċ-Ċawla li jkunu jridu jmorru lejn iċ-ċentru tar-Rabat jistgħu jużaw żewġ rotot oħra li jieqfu fl-istess żona. Dawn huma r-rotot 302 u 323. Il-bus stop ta’ dawn ir-rotot tinsab fuq in-naħa opposta u ftit aktar 'il quddiem mill-bus shelter imsemmi hawn fuq.
Għawdex — Xagħra - Triq Marsalforn - rranġar ta' triq minħabba l-ilma tax-xita
Question
Peress li r-residenti ta' Triq Marsalfron fix-Xagħra Għawdex qed jilmentaw mill-istat ħażin tat-triq kif ukoll minħabba l-kumulu t'ilma li jkun hemm kull meta tagħmel ix-xita tant li r-residenti jkunu kostretti jibqgħu fi djarhom għaliex inkella jinġarru mill-wied tal-ilma kif ukoll ikun hemm ħsarat fil-proprjetajiet appuntu minħabba l-influss qawwi t'ilma, peress li l-Gvern ilu żmien wiegħed li din it-triq se tingħata l-attenzjoni meħtieġa iżda dan qatt ma seħħ, jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet meħtieġa f'din it-triq kemm għal benefiċċju tar-residenti kif ukoll għal dawk kollu li jagħmlu użu minn din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Għawdex — Fontana - Triq San Martin - rranġar ta' triq
Question
Peress li r-residenti ta' Triq San Martin, Fontana, Għawdex qed jilmentaw għaliex it-trejqa li tinsab biswit din it-triq qiegħda fi stat ħażin ħafna speċjalment issa wara li għadda dak l-ilma kollu tax-xita li kellna u peress li l-kunsill lokali tefa' xi żrar iżda dan bl-ilma spiċċa akkumula quddiem il-proprjetajiet li hemm f'din it-trejqa u anke ostakola l-aċċess, jista' l-Prim Ministru jara li dan l-inkonvenjent jiġi riżolt billi jingħata wiċċ permanenti u mhux biss jintefa ż-żrar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li Triq San Martin taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali tal-Fontana. Minkejja dan wara l-għargħar ta’ 3 ta’ Settembru 2012 bdiet titieħed azzjoni mill-Ministeru għal Għawdex biex jitneħħa materjal li nġarr mit-trejqa biswit Triq San Martin għal ġo l-għelieqi u diġa ttieħdu prekawzjonijiet biex kemm jista’ jkun ma terġax issir ħsara meta tkun xita qawwija.
Peress li saru lmenti li l-mini li hemm fil-Wied ta' Marsalforn ma ġewx imnaddfa u allura inħolqu problemi ta' għargħar, tista' l-Ministru tara li jsir ix-xogħol ta' tindif opportun?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax li kien hemm problemi ta' għargħar fil-Wied ta' Marsalforn, anzi peress li l-ġibjuni matul dan il-wied u matul widien li jagħtu għal ġo fih ġew imnaddfa fl-aħħar snin, dan għen ħafna biex ma jinħolqux dawn il-problemi.
Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — allowances mħallsa lill-Impjegati
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32872 u jgħid kemm tħallsu subsistence allowances, overseas service allowance, multiple allowances, allowance for wear and tear of clothing, qualification allowances u shift allowances f'din l-aħħar sena lill-impjegati fil-Ministeru jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-dekasteru tiegħu?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32872.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Staff klerikali li għandhom degree mill-Università
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm staff klerikali li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom degree mill-Università? Jista' jgħid x'inhi d-degree u f'liema dipartimenti qegħdin? Jista' jgħid jekk humiex nisa jew irġiel?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imqabbda kuntratturi sabiex jagħmlu xogħlijiet għall-Gozo Channel f'dawn l-aħħar xahrejn? X'kien it-tip ta' xogħol? Ħarġet tender jew direct order? Min tefa' l-offerti u min ħa x-xogħol? Kemm sewa dan ix-xogħol?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35817.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35328 u cioè: Peress li ħafna mill-bus shelters li għandna fil-lokalitajiet f'Għawdex u Malta mhux addatati biex joffru kenn mix-xemx peress li huma trasparenti, u peress li issa bidet is-sħana u allura x-xemx tkun taħraq ukoll dawn is-shelters mux idoneji għal din it-tip ta' klima, jista' l-Ministru jara li din il-problema tiġi indirizzata?
Response (GATT, AUSTIN)
L-osservazzjonijiet tal-Onor. Interpellant huma materja t'opinjoni għalkemm m'hemmx dubju li s-sħana fis-sajf tinħass fis-shelters. Il-fatti huma li l-ispeċifikazzjonijiet tal-manifattur tas-shelters jgħidu li l-materjal użat jimblokka 99% tar-raġġi UV, joffru 42% dell mix-xemx u jnaqqsu s-sħana b'36%. M'hemmx pjani fil-preżent li jiżdiedu dawn l-ispeċifikazzjonijiet.
Peress li għadhom jippersistu l-ilmenti dwar l-istat ħażin ta' Triq Sannat, fis-Sannat li minkejja diversi tweġibiet li ngħataw f dan il-Parlament għadha ma sarithiliex il-manutenzjoni li tinħtieġ, tista' l-Ministru tara li Triq Sannat isirilha x-xogħol meħtieġ biex tiġi fi stat suret in-nies?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li din it-triq qed issirilha manutenzjoni kif ikun meħtieġ.