Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet għall-abbozzi ta' ligi dwar it-tfal u l-guardianship tal-persuni b'diżabilità?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita ħejjiet abbozz fuq il-Liġi dwar il-Guardianship ta’ pesuni b’diżabilita'. Fil-preżent għaddejja diskussjoni bejn il-Ministeru għal Politika Soċjali, il-Kummissjoni u l-ufficju tal-Avukat Ġenerali biex ttieħed deċizjoni x’inhi l-aħjar triq anke fid-dawl tad-diskussjoni li għaddejja dwar il-Liġi ġdida dwar is-Saħħa Mentali u l-obbligi li Malta jkollha meta tirrattifika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilita'.
Tista` l-Ministru tgħid jekk l-iskejjel il-ġodda ġewx mibnija skond miżuri anti seismic?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Tradizzjonalment l-aspett siżmiku qatt ma kien ikkunsidrat bħala parti mid-disinn ta’ l- iskejjel. Dan ma jfissirx li l-iskejjel ġodda u eżistenti m’humiex reżistenti għal ċaqlieq siżmiku aktar u aktar għaliex il-bini ta’ l-iskejjel huwa baxx kif ukoll il-forma u d-daqs tal-bini u l-metodu solidu ta’ kostruzzjoni ta’ ħitan ikomplu jgħinu biex iżidu r-reżistenza tal-bini kontra xi ċaqlieq li jista’ jkun hemm. Il- pożizzjoni ġeografika u t-tip ta’ saffi ta’ blat tal-gżejjer Maltin ikomplu jnaqqsu l-vulnerabilita tal-bini f’każ ta’ ċaqlieq.
Għawdex — Rabat - parking space għall-persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm parking spaces għall-persuni b'diżabilità fir-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid fejn huma u meta ġew approvati mill-Awtorità dwar it-Trasport?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Għawdex — sheltering - vittmi ta' vjolenza domestika
Question
Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern għall-faċilitajiet ta' sheltering f'Għawdex għan-nisa u t-tfal li huma vittmi ta' vjolenza domestika?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata illi m'hemmx pjanijiet għall-faċilitajiet ta’ sheltering għan-nisa u t-tfal vittmi ta’ vjolenza domestika f’Għawdex peress li dan is-servizz diġa' jingħata mill-Knisja f’Għawdex.
Tista' l-Ministru tgħid x'servizzi jiġu offruti mill-Istat lill-pazjenti diabetiċi tfal?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena infurmata li t-tfal dijabetiċi f’Għawdex huma offruti s-servizzi dijanjostiċi u terapeutiċi kollha neċessarji mis-Sala tat-Tfal fl-Isptar Ġenerali ta’Għawdex u mid-Dipartiment tal-Outpatients. Huma jiddaħħlu l-isptar skond il-bżonn waqt l-ewwel episodju fejn tiġi stabiliżżata l-kundizzjoni medika tagħhom u tinbeda l-kura bl-insulina. Hawn titieħed l-okkażżjoni biex isir tgħalim intensiv dwar id-dijabete fit-tfal, kif għandhom jieklu, il-kura bl-insulina, kif isiru l-injezzjonijiet, kif jiċċekkjaw il-livell ta’ zokkor fid-demm u x’għandu jsir meta t-tfal ma jħossuhomx sewwa. Jekk ikunu iridu, il-familji jiġu mlaqqgħin ma’ oħrajn li wkoll għandhom tfal bid-dijabete u li huma lesti li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ dawk li qed jiffaċċjaw id-dijabete għall-ewwel darba. Ġaladarba joħorġu mill-isptar it-tfal dijabetiċi jinżammu taħt osservazzjoni mill-qrib. Fil-bidu dan isir billi jattendu fis-sala tat-tfal u wara xi żmien ikomplu jattendu l-outpatients. Il-kura tat-tfal bid-dijabete hija primarjament ikkordinata mill-pedjatri li jikkonsultaw ma’ speċjalisti tal-għajnejn, tal-ENT, dentisti, dieticians, speċjalisti tal-endokrinoloġija fit-tfal u nefroloġisti skond il-bżonn. L-Isptar joffri wkoll ċertu mediċini, siringi u monitoring strips b’xejn lil tfal li għandhom id-Dijabete.
Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-għalliema, facilitators, kindergarten assistants kollha li ġew trasferiti minn skola għall-oħra f'Għawdex stess u tindika l-iskejjel x'inhuma, kif ukoll ta' dawk l-għalliema, facilitators, kindergarten assistants li minn Malta ġew trasferiti Għawdex u f'liema skejjel?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li hawn ħafna każijiet ta' eczema li huma severi u kroniċi u dawn il-pazjenti għandhom bżonn ħafna kura, assistenza u mediċini li jridu jieħdu kuljum, u peress li l-eczema mhix inkluża fit-tieni parti tal-ħames skeda tal-Kap 318 tal-Liġijiet ta' Malta, jista' l-Ministru jara kif is-sitwazzjoni ta' dawn in-nies tista' tiġi għall-aħjar billi l-eczema tiżdied ma' din il-lista biex dawn il-pazjenti jkunu ntitolati għal għajnuna medika bla ħlas?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li hemm pjan li fil-ġejjieni qarib jiġi evalwat it-trattament mediċinali li l-Gvern qed joffri fis-servizz tas-saħħa b’mod ħolistiku bil-għan li l-Gvern ikun jista joffri servizz aktar aċċessibli, ekwu u sostenibbli li jirrifletti aħjar il-ħtigijiet moderni tas-soċjeta’ Maltija fil-preżent u għall-futur.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6396 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid: Peress li r-residenti ta' Triq Lunzjata fir-Rabat, Għawdex qed jilmentaw minħabba rwejjaħ ikkaġunati minn rimi ta' skart u ħmieġ ieħor f'Wied il-Lunzjata, tara li dan l-inkonvenjent jiġi ndirizzat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-Kunsill Lokali Rabat (Għawdex) qatt ma daħallu xi lment li qed jintefa skart fil-Wied tal-Lunzjata. Il-Kunsill kellu lment fl-2008 dwar ħruġ ta’ drenaġġ li kien qed jikkawża riħa. Dan l-ilment kien ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma fi Frar 2008. Madanakollu l-ilment imressaq mill-Onorevoli Membru ġie mgħoddi lill-Kunsill għall-attenzjoni tiegħu.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6893 li minkejja t-tweġiba mogħtija mill-Ministru Triq Ta' Sannat, fis-Sannat Għawdex xorta għadha fi stat ħażin ħafna, tista' l-Ministru tara verament x'hemm bżonn isir biex l-inkonvenjent kollu jiġu ndirizzat kif suppost?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena infurmata li t-triq imsemmija qiegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6892, peress li t-tweġiba mogħtija ma rrispondietx il-mistoqsija, tista' l-Ministru tgħid kemm ser jiswew it-tiswijiet fl-incubation centre f'Għajnsielem Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi l-Onoroveli Nterpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 6892 fejn għamiltha ċara li l-ispejjeż ser jagħmel tajjeb għalihom il-kuntrattur.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6620 u 6396 li oriġinarjament saru lill-Ministeru għall-Għawdex u issa ġew riferuti lilu u jgħid: Peress li r-residenti ta' Triq Lunzjata fir-Rabat, Għawdex qed jilmentaw minħabba rwejjaħ ikkaġunati minn rimi ta' skart u ħmieġ ieħor f'Wied il-Lunzjata, tara li dan l-inkonvenjent jiġi indirizzat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 6620.
Peress li r-residenti ta' Triq Qortin, Nadur, Għawdex qed jilmentaw minħabba l-kwantità ta' ilma li din it-triq qed iżżomm kif ukoll dwar l-istat ħażin tat-triq u dan b'inkonvenjent għall-istess residenti, jista` l-Prim Ministru jara li din il-problema tiġi ndirizzata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi din it-Triq għad m’għandhiex servizz ta’ drenaġġ. Il-Kunsill qiegħed f’taħditiet mal-awtoritajiet konċernati biex ir-residenti jingħataw is-servizz tad-drenaġġ. Sadanittant, il-Kunsill qed jagħmel manutenzjoni ta’ din it-Triq permezz ta’ patching. Il-Kunsill hu konxju li jrid isir xogħol ta’ wiċċ ġdid u qed jistenna illi jsir is-servizz tad-drenaġġ qabel ma jagħmel dawn ix-xogħlijiet.
Irċevejt ilmenti mingħand persuni b'diżabilita' li għandhom reserved parking u li qed jilmentaw minħabba l-fatt li llum il-ġurnata dan ir-reserved parking m'għadux ikun bin-numru tal-vettura ta' min ikun applika, u allura kulmin għandu l-blue sticker jista' jipparkja f'dan il-parkeġġ, u b'dan allura min ikun applika u ottjena l-parkeġġ riservat ma jkollux fejn jipparkja għaliex ikun okkupat minn vettura oħra bil-blue sticker. Peress li din is-sitwazzjoni qed toħloq inkonvenjent kbir lil dawk il-persuni b'diżabilità li wara tant taħbit ikunu ottjenew dan il-parkeġġ, jista' l-Ministru jara jekk dan l-inkonvenjent jistax jiġi ndirizzat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6529 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u issa ġiet riferuta lilu u cioè: Peress li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jinħass il-bżonn ta' uffiċċju u servizz ta' probation officers f'Għawdex, jekk taqbilx li wasal iż-żmien li f'Għawdex ikollna dan it-tip ta' servizz u jekk il-Gvern għandux pjanijiet sabiex fil-futur qrib ikollna appuntu dan is-servizz?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizz ta’ probation f’ Għawdex diġa` jeżisti peress li l-Uffiċċju tal-Probation ikopri kemm il-Qorti ta’ Malta kif ukoll dak ta’ Għawdex. L-Uffiċċju tal-Probation jirċievi minn Għawdex każijiet kemm mill-Qorti Minorenni, kif ukoll mill-Qorti tal-Maġistrati u tal-Appell.
Ninsab infurmat illi fil-preżent, il-każijiet li ġejjin minn Għawdex jitqassmu fost numru ta’ uffiċjali tal-Probation. Għalhekk, il-Qrati f’ Għawdex għandhom kull possibbilita` li jutilizzaw, kif fil-fatt qed jagħmlu, kull servizz offrut minn dan l-uffiċċju.
Madankollu, in vista tal-fatt illi n-numru ta' każijiet maħruġa mill-Qorti ta' Għawdex qiegħed jiżdied, jista’ jkun li fil-futur is-sistema tas-servizz tal-Probation Officers f'Għawdex tiġi riveduta.
Istallar ta' antenni u appart ta' telekomunikazzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6582 u jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-ħruġ ta' permessi u DNOs fir-rigward istallar ta' antenni u apparat ieħor ta' telekomunikazzjoni kemm fiss kif ukoll ċellulari f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minnhom ġew aċċettati, kemm ġew rifjutati u kemm ġew iritirati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 6582.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6583 u jelenka kemm hemm istallati antenni ta' telekomunikazzjoni f'Malta u f'Għawdex separatament u jindika fejn qegħdin u jekk huwa possbli jingħata l-indirizz ta' fejn jinsabu?
Istallar ta' antenni u appart ta' telekomunikazzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-ħruġ ta' permessi u DNOs fir-rigward ta' istallar ta' antenni u apparat ieħor ta' telekomunikazzjoni kemm fiss kif ukoll ċellulari f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minnhom ġew aċċettati, kemm ġew rifjutati u kemm ġew iritirati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità rċeviet mija tnejn u tletin applikazzjoni (132) u disgħa u erbgħin (49) DNO għal installar t'antenni u apparat ieħor ta' telekominikazzjoni mis-sena 2004 sal-lum.
Mill-mija tnejn u tletin applikazzjoni ("full development"), mija u erbgħa (104) ġew aċċettati u ħamsa (5) rifjutati jew miċħuda waqt li tlettax (13) għadhom pendenti u għaxra (10) ġew irtirati.
Mid-disgħa u erbgħin (49) DNO, sitta u erbgħin (46) ġew aċċettati, tnejn (2) rifjutati u waħda (1) ġiet irtirata.
Ta' min jinnota li mis-seħħ ta' Avviż Legali numru 115/07, li daħal fis-seħħ fl-24 ta' April 2007, dan it-tip ta' żvilupp m'għandux bżonn l-ebda notifika jekk mhux qiegħed f'żona skedata.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta l-kliem "antenna", "antennae", "antenni", "telekomunikazzjoni", "telecommunication", "satellite", "satellita" u "satelliti".