Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birkirkara: Fleur-de-Lys – Dawl fi Triq il-Madonna ta’ Pompej

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk saritx applikazzjoni biex jiżdied id-dawl fi Triq il-Madonna ta' Pompej (Triq ġdida fi Triq Brighella), Fleur-de-Lys, Birkirkara peress li l-bini l-ġdid jinsab fi dlam ċappa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta m’għandha ebda applikazzjoni pendenti għal Street Lighting mill-Kunsill Lokali ta’ B’Kara biex jiżdied id-dawl fi Triq il-Madonna ta’ Pompei.

Junior College — klassijiet preparatorji għall-O'Levels

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ser ikun qiegħed jgħallem il-klassijiet preparatorji fil-Junior College (bi preparazzjoni għall-O'Level) għal dawk l-istudenti li jidħlu fil-kulleġġ b'O'Levels neqsin minn fost il-Malti, il-Matematika u l-Ingliż - jekk hux il-letturi impjegati mill-Junior College jew jekk hux ser ikunu għalliema oħrajn?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-klassijiet preparatorji għal dawk l-istudenti li jkollhom xi SEC nieqes fil-Malti, fl-Ingliż jew fil-Matematika, fil-Junior College ser jiġu mgħallma minn għalliema każwali u mhux mill-letturi kurrentement impjegati mal-Kulleġġ.

Birkirkara — Servizz ta' trasport periferjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħjiel dwar meta ser jinbeda s-servizz tat-trasport periferjali f'Birkirkara, liema trasport kien parti mill-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista fl-2019?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara illi t-tender inħareġ sabiex jinxtraw l-imsemmija żewġ mini-buses. Kif dan il-proċess jiġi eżawrit kollu kemm hu skont il-liġi, il-Kunsill Lokali ikun f’pożizzjoni sabiex jibda jipprovdi is-servizz.

Kulleġġ St Thomas More — Skola Sekondarja taż-Żejtun - librerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser tkun lesta l-librerija tal-Iskola Sekondarja ż-Żejtun, parti mill-Kulleġġ San Tumas More?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) tinsab fl-istadju li tipprepara t-tenders neċessarji għal dan il-proġett.

Kulleġġ St Thomas More — Skola Sekondarja taż-Żejtun - għamara nieqsa fi blokka nru 5

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx għamara nieqsa fil-blokka numru 5 tal-amministrazzjoni fl-Iskola Sekondarja ż-Żejtun, parti mill-Kulleġġ San Tumas More?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-għamara se tibda titqassam wara li saret sejħa pubblika għall-offerti u ġie ffirmat il-kuntratt.

Kulleġġ St Thomas More — Skola Sekondarja taż-Żejtun - gym

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li l-Iskola Sekondarja ż-Żejtun, parti mill-Kulleġġ San Tumas More, ikollha gym?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti għall-estensjoni u r-rinnovar tal-gym fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun qegħdin fi stadju ta’ konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Kulleġġ St Thomas More — Skola Sekondarja taż-Żejtun - tlestija ta' sala

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser titlesta s-sala fl-Iskola Sekondarja ż-Żejtun, parti mill-Kulleġġ San Tumas More?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti għall-estensjoni u r-rinnovar tas-sala fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun qegħdin fi stadju ta’ konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Kulleġġ St Thomas More — Skola Sekondarja taż-Żejtun - Tneħħija ta' mobile classrooms

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitneħħew il-mobile classrooms mill-Iskola Sekondarja ż-Żejtun, parti mill-Kulleġġ San Tumas More?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ mobile classrooms fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun kienu meħtieġa sakemm kienet qiegħda ssir l-espansjoni neċessarja fl-iskola bil-għan li takkomoda popolazzjoni dejjem tikber ta’ studenti. Ix-xogħlijiet fejn ġew estiżi numru ta’ blokki bħala parti mill-proġett ta’ rinnovar u estensjoni tal-istess skola ħolqu spazju adegwat u aktar komdu għall-istudenti tal-lokalità grazzi għal investiment ta’ €5 miljun. Issa li x-xogħlijiet kollha qed joqorbu lejn tmiemhom, numru ta' mobile classrooms se jkunu qed jitneħħew.

Junior College — ftehim kollettiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-ftehim kollettiv tal-Junior College?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-diskussjonijiet mal-Union maġġoritarja fir-rigward tal-ftheim kollettiv tal-Junior College jinsabu fi stadju avvanzat.
Leg 14 PQ #743 Sitting 11 2022-05-30 Oral · Final From: JUSTIN SCHEMBRI (Partit Nazzjonalista)

Ħal Safi — skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li l-Iskola Primarja ta' Ħal Safi tilqa' fiha studenti mill-primarja ta' Ħal Għaxaq mis-sena skolastika li jmiss? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji dwar dan?

Response

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Birkirkara — Dar Residenzjali għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-pjanijiet biex tinbena Dar Residenzjali għall-Anzjani f'Birkirkara, liema Dar kienet imħabbra f'Mejju tal-2019?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 689.

Birkirkara — Triq il-Kbira - pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex issir mill-ġdid Triq il-Kbira f'Birkirkara?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li it-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiz. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, izda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjizna. Fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali oħra. Dan ifisser li għolliet il-medja tat-toroq residenzjali għal erba’ toroq fil-ġimgħa – triq aktar kull ġimgħa mis-sena 2020. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja. Fi tliet snin kemm ilha mwaqqfa, bejn toroq residenzjali u dawk rurali, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 triq. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess ¿mien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjizna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħazin, u t-triq indikata hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifrux fuq seba’ snin. Fl-istess waqt il-Kunsill Lokali għandhom ir-rizoris meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tisiwijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn zmien għal zmien.

Skejjel primarji – studenti bis-servizz ta’ LSE

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 230, jista' l-Ministru jgħid kemm mit-3,864 student bis-servizz ta' LSE huma fl-iskejjel primarji?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn 3,864 student bis-servizz ta’ LSE, 2,097 huma fl-iskejjel primarji.

Eżamijiet orali tal-MATSEC – studenti li kienu kwarantina minħabba l-COVID-19

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jkunu kkumpensati l-istudenti li kienu kwarantina minħabba l-COVID-19 waqt l-orali tal-MATSEC u li minħabba f'hekk ma għamlux l-oral u allura tilfu l-marki tal-oral?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżamijiet tal-orali f'numru ta' suġġetti bdew it-Tnejn 21 ta' Marzu u baqgħu għaddejin sal-Ħamis 28 ta' April. F'bosta suġġetti jkun hemm aktar min ġurnata waħda fejn kandidat jista jkun skedat għall-eżami tal-orali. Għaldaqstant ħafna mill-istudenti li nqabdu f'kwaratina mandatorja ngħataw appuntament għal ġurnata oħra. Kienu biss 14-il kandidat li ma setgħux jingħataw appuntament ieħor f' ġurnata oħra. Għal dawn il-kandidati l-MATSEC ser jieħu l-passi neċessarji biex jiżgura li dawn ma jiġux żvantaġġati.

Skejjel primarji – supply teachers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema supply fl-iskejjel primarji li ilhom jagħtu servizz lill-Gvern aktar minn ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor interpellant li għalliema supplementari li ilhom jagħtu servizz fl-iskejjel primarji tal-istat iktar minn ħames snin hemm 27 għalliem. Dan it-tagħrif jgħodd għall-ministeru u d-dipartimenti ta dan l-istess Ministeru.

Skejjel sekondarji – supply teachers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema supply fl-iskejjel sekondarji li ilhom jagħtu servizz lill-Gvern aktar minn ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor interpellant illi għalliema supplementari li ilhom jagħtu servizz fl-iskejjel sekondarja – inklużi dawk medja – tal-istat, iktar minn ħames snin, hemm 19 il-għalliem. Dan it-tagħrif jgħodd għall-Ministeru u d-dipartimenti tal-istess Ministeru.

Skejjel primarji — LSEs

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 230, jista' l-Ministru jgħid kemm mill-2,784 LSE, jagħtu servizz fl-iskejjel primarji?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn 2784 hemm 1952 LSE li qed jissaportjaw studenti fl-iskejjel primarji.