Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direct orders mogħtija lil kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatat żewġ direct orders li jammontaw għal kważi kwart ta' miljun euro u għaliex ma nħariġx tender għalihom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Skola Guardian Angel – Multi-Sensory Room

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8120 jista' l-Ministru jgħid kemm-il siegħa ntużat il-Multi-Sensory Room fl-Iskola Guardian Angel?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Multi-Sensory Room intużat madwar ħames mija u tmenin siegħa (580) matul is-sena skolastika.

Skola Guardian Angel – direttivi mill-MUT

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi direttivi min-naħa tal-Malta Union of Teachers (MUT) fir-rigward tal-Iskola Guardian Angel u jekk iva, liema huma, għaliex inħarġu u kemm ilhom fis-seħħ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm id-direttivi biex jidderieġu lill-edukaturi biex ma jiħdux ritratti, ma jiħdux sehem u lanqas jikkordinaw attivitajiet extra kurrikulari. Dawn daħlu fis-seħħ fil-bidu tax-xahar ta’ Mejju.

Skejjel – żjarat minn Membri Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Membri Parlamentari humiex jingħataw il-permess biex iżuru skejjel statali u jiltaqgħu mal-amministrazzjonijiet fuq talba tagħhom stess?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li talbiet ta’ dan it-tip għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti biex b’hekk inkomplu nżommu l-iskejjel tagħna separati mill-politika.

Birkirkara – Triq Olaf Gollcher u Triq Giovanni Papaffy

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isir studju jew jekk hemmx il-pjan biex Triq Olaf Gollcher u Triq Giovanni Papaffy, f'Birkirkara, isiru one-way kontra xulxin u jekk inhu hekk, ma' min qed tikkonsulta Transport Malta u min għamel tali talba għal studju jew għal din il-bidla?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta fi ħdan il-Ministeru rċeviet talba mill-kunsill lokali għal tibdil fil-flow tat-traffiku fi Triq Pappaffy. L'Awtorità għamlet ir-rakkomadzzjonijiet tagħha, meetings mal-kunsill lokali u kif aħna infurmati f'dan l-istadju, qed isiru iktar konsultazzjonijiet mar-residenti min-naħa tal-kunsill.

Swatar, Birkirkara – Triq it-Torri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isir studju jew jekk hemmx il-pjan biex Triq it-Torri, fis-Swatar Birkirkara, tiftaħ direttament għal Triq Dun Karm, f'Birkirkara, u jekk inhu hekk, ma' min qed tikkonsulta Transport Malta u min għamel tali talba għal studju jew għal din il-bidla?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta bħalissa mhux qed tagħmel studju fit-triq imsemmija.

Ġonna ta’ San Anton – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol qed isir fil-Ġonna ta' San Anton, kemm hemm fondi allokati għal dan, u meta ser ikunu lesti biex jitgawdew mill-pubbliku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni ghall-Gvern Lokali li l-imsemmi ġnien mhux fir-responsabbilità tal-Kunsill Lokali minhabba li hu eskluż speċifikatament permezz tar-Raba’ Skeda tal-Att dwar il-Gvern Lokali (Kap. 363).

Ħal Tarxien – Skola Medja – water fountain

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li waħda minn żewġ water fountains fl-Iskola Medja ta' Ħal Tarxien (dik li tinsab fl-ewwel sular) ilha ma taħdimx għal din is-sena skolastika kollha?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsara kienet waħda teknika u l-part damet biex tasal minħabba raġunijiet loġistiċi. Nfurmat li t-tiswija mistennija ssir fiż-żmien li ġej.

Skola ALP – rapport dwar ir-rifjut ta’ applikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jingħatax rapport bir-raġunijiet li għalihom tkun rifjutata applikazzjoni għall-iskola ALP lill-istudenti kkonċernati u lill-iskejjel rispettivi li minnhom ikunu ġejjin l-istudenti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Eżamijiet tal-Benchmark

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-eżamijiet tal-Benchmark hux se jkunu qed jitneħħew mis-sistema edukattiva mis-sena skolastika li jmiss?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà ġie mgħarraf li l-eżamijiet tal-benchmark mhux ser jibqgħu jsiru. Dan kollu qed isir skont in-National Curriculum Framework.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – ftehim dwar vannijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8525 u jgħid jekk hux minnu li l-vannijiet (8+1 seater) li għandhom ftehim mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni sa tmiem is-sena skolastika 2024/2025 (permezz ta' kuntratt iffirmat fl-2019 u mbagħad imġedded b'addendum) fejn qed jintalbu jwaqqfu l-operat tagħhom fi tmiem din is-sena skolastika 2022/2023? Jista’ jgħid jekk il-Gvern hux qed imur kontra l-ftehim li kien daħal għalih sas-sena 2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhu ser jitwaqqaf l-ebda kuntratt.