Legislature:
Category:
Reset
Active:

In-Naxxar - Triq l-Emigranti - Pjanijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet infrastrutturali għall-parti ta’ fuq ta’ Triq l-Emigranti fin-Naxxar u x’inhuma dawn il-pjanijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq l-Emigranti fin-Naxxar hija fost il-lista ta’ toroq li l-Kunsill Lokali ippropona lil Infrastructure Malta biex twettaq xogħlijiet fiha, liema xogħlijiet huma previsti li jibdew fil-futur qarib.

In-Naxxar - Triq il-Missjunarji - Pjanijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet infrastrutturali għal Triq il-Missjunarji fin-Naxxar u x’inhuma dawn il-pjanijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta ser twettaq spezzjonijiet sabiex issir evalwazzjoni tal-ħsarat u tkun tista’ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.

L-Iklin - Triq G. Abos (parti ta’ fuq), Triq in-Namur, Triq San Mikiel, Triq Locano u Triq il-Klin - Dawl fit-toroq

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi problema li minħabba fiha m’hemmx dawl fit-toroq fi Triq G. Abos (parti ta’ fuq); Triq in-Namur; Triq San Mikiel; Triq Locano u Triq il-Klin fl-Iklin? Tista’ wkoll tagħti ħjiel tax-xogħol li qed isir biex din is-sitwazzjoni tkun riżolta u meta tista’ tkun riżolta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-ħsara inkwistjoni kienet ikkawżata mill-maltempata ‘Harry’ u l-Enemalta diġà għamlet it-tiswijiet meħtieġa.

Ħal Balzan - Triq il-Kbira - Pjanijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet infrastrutturali fi Triq il-Kbira f’Ħal Balzan u x’inhuma dawn il-pjanijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fi Triq il-Kbira, f’Ħal Balzan, mistenni li jibda ladarba jitlesta x-xogħol li huwa ppjanat minn entitajiet oħra.

Proġett - Traffic impact assessment

Question

B’referenza għall-applikazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk isirx traffic impact assessment fl-inħawi f’każijiet bħal dawn, sabiex ikun stabbilit tali impatt fuq it-traffiku u r-residenti tal-madwar?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Birkirkara - Triq Giovanni Papaffy - Pjanijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet infrastrutturali għal Triq Giovanni Papaffy, f’Birkirkara u x’inhuma dawn il-pjanijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq Giovanni Papaffy, f’Birkirkara hija fost il-lista ta’ toroq li l-Kunsill Lokali ppropona lil Infrastructure Malta biex twettaq xogħlijiet fihom, liema xogħlijiet huma previsti li jibdew fil-futur qarib. Ix-xogħol jibda skont l-esiġenzi tat-toroq li l-Kunsill Lokali ppropona.

Birkirkara - Triq il-Fuħħarin - Pjanijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet infrastrutturali għal Triq il-Fuħħarin, f’Birkirkara u x’inhuma dawn il-pjanijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant għaddejjin taħditiet mal-Kunsilli Lokali sabiex ix-xogħol tat-toroq jiġi allokat skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalita’ rispettiva tagħhom.

Birkirkara - Triq il-Kbira - Pjanijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet infrastrutturali għal Triq il-Kbira, f’Birkirkara u x’inhuma dawn il-pjanijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Kbira, f’Birkirkara huma previsti li jibdew fil-futur qarib. Ix-xogħol jibda skont l-esiġenzi tat-toroq li l-Kunsill Lokali ppropona.

Birkirkara - Triq l-Imsida - Xogħlijiet fuq il-culvert

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex culvert fi Triq l-Imsida (il-parti li tagħti għal Triq Mannarino) ma kienx komplut u lest mill-Enemalta meta kienu qed isiru xogħlijiet mill-istess entità ftit tal-ġimgħat ilu fl-istess triq u b’konsegwenza ta’ hekk, kellu jitranġa mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet li saru mill-Enemalta biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni bit-tqegħid ta’ cables ġodda taħt l-art, bl-ebda mod ma affettwaw il-culvert fit-triq indikata. Il-culverts mhumiex responsabbiltà tal-Enemalta.

Kunsilli lokali - Kiri ta’ uffiċini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx istanzi fejn kunsilli lokali f’Malta qegħdin jikru l-uffiċini minn individwi (landlords) li jifformaw parti mill-istess kunsill lokali bħala kunsilliera, sindki jew viċi sindki u/jew jaħdmu fl-istess kunsill lokali f’xi kariga kwalunkwe? Jekk iva, jista’ jgħid liema huma dawn il-kunsilli lokali u xi rwol għandhom il-landlords fil-kunsilli rispettivi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan jikri l-uffiċċju li minnu jopera mingħand sid li hija Kunsilliera. Il-kuntratt tal-kirja ġie ffirmat fl-2015 għal perjodu ta’ ħmistax-il sena. F’dak iż-żmien, is-sid ma kinitx tifforma parti mill-Kunsill.

Kunsilli lokali - Kiri ta’ uffiċini

Question

Jista’ l-Ministru jelenka liema huma l-kunsilli lokali f’Malta li qegħdin jikru l-uffiċini minn fejn joperaw mingħand il-privat?  Jista’ wkoll jindika għal kull kunsill lokali l-ammont ta’ kera li qed jitħallas lill-privat fuq bażi ta’ kull xahar?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif inġabret mill-Kunsilli rispettivi.

Disponibbiltà tal-braille lil hinn mis-snin bikrin

Question

Fid-dawl tal-evidenza xjentifika qawwija li turi kemm il-braille huwa essenzjali għal-litteriżmu, l-indipendenza u l-opportunitajiet fil-ħajja ta’ persuni b’nuqqas ta’ vista jew għomja, jista’ l-Ministru jispjega għaliex it-tagħlim tal-braille m’għadux disponibbli lil hinn mis-snin bikrin tal-edukazzjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Il-FITA u l-għalliema tal-Visually Impaired jikkollaboraw flimkien sabiex jipprovdu sapport lill-istudenti b’nuqqas ta’ vista. Hemm madwar 100 tifel u tifla li għandhom nuqqas ta’ vista parzjali jew totali. Hemm xi studenti li jattendu skejjel tal-Gvern li talbu s-sapport u wrew interess fil-qasam tal-Braille filfatt dawn l-istudenti jieħdu l-korsijiet tal-Braille li jiġu offruti wara l-ħin tal-iskola. Il-Braille huwa introdott fl-ewwel snin bikrin tal-edukazzjoni minħabba l-fatt li dan huwa l-mezz primarju li minnu l-istudenti jibbenefikaw, filfatt fl-iskejjel tal-Istat l-istudenti li qegħdin fil-klassijiet bikrin jitgħallmu jiktbu u jaqraw bl-użu tal-Braille għax jgħinhom fl-iżvilupp tal-moħħ. Madankollu, ladarba l-istudenti jimxu ’l quddiem fis-sistema edukattiva, l-għażliet ta’ tagħlim jiġu adattati skont il-ħiliet u l-kapaċità, il-progress u l-metodi tagħhom l-aktar effettivi għalihom sabiex ikomplu mal-kurrikulu fil-klassi ma' sħabhom bl-użu bħal touch typing, l-użu ta’ software assistance, tactile resources, oġġetti konkreti, u teknoloġiji assistivi li jiġu rrakkomandati wara assessjar tekniku u edukattiv flimkien mal-FITA, il-Malta Trust Foundation u l-għalliema tal-Visual Impairment. Dawn il-metodi, f’ħafna każijiet, qed ikunu aktar effiċjenti għall-kontenut edukattiv speċjalment fl-iskejjel sekondarji.

Lezzjonijiet tal-braille barra l-ħinijiet tal-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Foundation for Information Technology Accessibility (FITA) jew xi entità oħra, tipprovdix lezzjonijiet tal-braille barra l-ħinijiet tal-iskola, biex tiġi żgurata inklużjoni vera u sabiex l-istudenti b’nuqqas ta’ vista jew għomja ma jkollhomx jitilfu lezzjonijiet oħra, sitwazzjoni li tista’ titqies bħala diskriminazzjoni indiretta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-FITA tassisti u tgħin fejn ikun hemm bżonn. Infurmat li tippromwovi inklussività fejn jidħlu nies b’diżabilità u individwi ta’ eta avvanzata sabiex jiġu mgħejjuna jtejbu l-istil ta’ ħajja tagħhom. Infurmat ukoll li l-FITA bdew jipprintjaw kotba tal-braille bil-Malti.

CDEDU u MFHEA – Rappreżentanta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hijiex preżentement rappreżentanta ta’ Malta fuq l-iSteering Committee for Education (CDEDU) fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid ukoll jekk hijiex rappreżentanta f’isem l-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) u jekk hemmx remunerazzjoni finanzjarja marbuta ma’ tali pożizzjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) innotifikat lill-iSteering Committee for Education (CDEDU) fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa li kien hemm bidla fit-tmexxija u għaldaqstant fir-rappreżentanza tal-Awtorità.

MCAST – Ingaġġ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-kariga li qed tokkupa fi ħdan l-MCAST il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, meta ġiet ingaġġata, x’salarju ser ikollha l-kariga u kif ġiet magħżula din il-persuna sabiex tokkupa tali kariga?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija mhijiex ingaġġata mal-MCAST.

Numru ta’ għalliema speċjalizzati

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex ftit snin ilu kien hemm erba’ Teachers of the Visually Impaired li kienu jappoġġjaw studenti madwar il-pajjiż, meta illum hemm waħda biss responsabbli għall-cohort nazzjonali kollu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li  bħalissa hemm sejħa miftuħa għall-għalliema, sabiex bil-kollaborazzjoni u sapport effettiv tas-Senior Leadership Teams, l-għalliema u l-LSEs ikunu jistgħu jużaw sistema fejn tħarreġ lill-edukaturi fl-iskejjel u jkunu jistgħu joffru sapport iktar dirett u effettiv lill-istudenti fil-kuntest skolastiku tagħhom. Għaddeja wkoll kollaborazzjoni b’mod attiv mal-FITA u mal-Malta Trust Foundation sabiex jiġi żgurat li dawn l-istudenti jirċievu l-aħjar sapport possibbli, kemm f’termini ta’ riżorsi kif ukoll ta’ taħriġ. Il-Ministeru, permezz tad-Direttorat għal-Servizzi Edukattivi, qed jara kif jista’ jsaħħaħ dan is-sapport permezz ta’ taħriġ ulterjuri u opportunitajiet ta’ speċjalizzazzjoni, biex jiġi żgurat li dawn l-istudenti jibqgħu jirċievu l-għajnuna meħtieġa b’mod effettiv u inklussiv. Fir-rigward tan-numru li qed jistaqsi dwaru l-interpellant, ninfurmah illi dan in-numru jvarja minħabba diversi ċirkustanzi personali u professjonali.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Call ta’ ‘Post of Systems Administrator in the information Management’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għall-Call ta’ ‘Post of Systems Administrator in the information Management’ fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni? Kemm kien hemm applikanti li kellhom il-kwalifiki mitluba u ssejħu għal interview? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm applikanti oħrajn li ma kellhomx il-kwalifiki mitluba u jekk ġewx innotifikati b’dan?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess għadu għaddej.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni - Calls for application irtirati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il call for application inħarġet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ġiet irtirata qabel inbeda l-proċess tal-interviews, u għal kull call li ġiet irtirata jgħid x’kienet ir-raġuni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 2 sejħiet li ġew irtirati.