Legislature:
Category:
Reset
Active:

MICAS - Għanijiet u objettivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-għanijiet, l-objettivi u l-kisbiet li l-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) biħsiebha tikseb matul is-sena d-dieħla, fid-dawl li l-fond għall-MICAS fl-Estimi Finanzjarji għas-sena d-dieħla żdied għal €2.5 miljun?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-Estimi Finanzjarji għas-sena kurrenti allokati lill-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) , li jammontaw għal madwar €2.5 miljun, se tara lill-MICAS topera b’mod sħiħ u sostenibbli bħala mużew nazzjonali tal-arti kontemporanja. Din l-allokazzjoni tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jinvesti b’mod serju u responsabbli fil-qasam kulturali, u li jiżgura li infrastruttura kulturali ta’ importanza nazzjonali bħall-MICAS ma tkunx biss bini miftuħ għall-pubbliku, iżda istituzzjoni ħajja, professjonali u effettiva fil-missjoni tagħha. Parti sostanzjali minn dawn il-fondi hija diretta lejn it-tisħiħ tar-riżorsi umani meħtieġa sabiex il-mużew jitħaddem b’mod xieraq, inkluż dak amministrattiv, kuratorjali, tekniku, ta’ servizzi lill-pubbliku, sigurtà u manutenzjoni. Dan huwa essenzjali sabiex il-MICAS ikun jista’ joffri programm ta’ kwalità, jilqa’ lill-pubbliku b’mod professjonali u jopera skont l-istandards internazzjonali mistennija minn istituzzjoni ta’ dan il-livell. Il-fondi jkopru wkoll spejjeż operattivi kontinwi, fosthom l-ispejjeż tal-utilitajiet, manutenzjoni tal-bini u tal-faċilitajiet, servizzi ta’ assigurazzjoni. Nixtieq nenfasizza li din iż-żieda mhijiex marbuta ma’ xogħlijiet kapitali jew spejjeż ta’ kostruzzjoni jew spejjez ghal programm artistiku.

Baġit 2026 - Estimi Finanzjarji tal- - Line item 5947 - Fondi allokati

Question

B’referenza għal Line item 5947 tal-Estimi Finanzjarji tal-Baġit 2026 - International Cultural Relations, li l-fondi allokati huma dawk ta’ €380,000, jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall x’inhuma u fejn intefqu jew ser jintefqu dawn il-fondi u f’liema pajjiżi?

Response (BONNICI, OWEN)

It-total ta’ fondi allokati fil-line item 5947 huwa ta’ €380,000 li se jintefqu fuq Progett Pilota ta’ Cultural Representative gewwa l-Ingilterra kif ukoll fuq l-Edinburgh Fringe Mentorship Programme & Showcase gewwa Scotland. Dawn il-fondi se jintuzaw ukoll fil-partecipazzjoni ta’ Malta fil-EUNIC u EITM u f’top-ups tal-ICE u IPS.

Malta Biennale - Audited accounts

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-audited accounts (mhux l-estimi) tal-aħħar Malta Biennale li sar f’pajjiżna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-audited accounts tal-MaltaBiennale 2024 jagħmlu parti minn l-audited accounts ta’ Heritage Malta, li ġew imqiegħda fuq il-mejda tal-kamra fl-2025.

Xagħra, Għawdex - Mitħna ta’ Kola - Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-mitħna ta’ Kola fix-Xagħra, Għawdex matul is-sena 2025? Jekk iva, jista’ jagħti rendikont tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni li saru?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fuq il-Mitħna ta’ Kola titwettaq manutenzjoni ordinarja b’perjodu massimu ta’ kull xahrejn. Matul dawn l-interventi tiġi eżaminata l-kundizzjoni tal-irdieden kif ukoll il-funzjonalità tal-mekkaniżmu estern, flimkien ma’ spezzjoni viżiva tal-kundizzjoni strutturali kemm minn barra kif ukoll minn ġewwa. L-irdieden jitħaddmu manwalment sabiex jiġi vverifikat li qed jiffunzjonaw b’mod korrett.

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali - Obbligi tal-patrimonju - Flus miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm inġabru flus f’obbligi tal-patrimonju ‘heritage obligations’ mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob l-Onor Interpellant tirreferi għar-risposta tal- PQ 33683.

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali - Obbligi tal-patrimonju - Fatturi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm inħarġu fatturi mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex jinġabru l-obbligi tal-patrimonju ‘heritage obligations’ mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?  Jista’ jgħid ukoll kemm kien l-ammont kumulattiv ta’ dawn il-fatturi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Obbligi tal-Patrimonju mis-snin 2014-2019 ma kienitx tiġi mħaddma matul  f’dan il-perjodu. It-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni parti tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li tidher hawn taħt. Sena Numru ta’ fatturi l-Ammont Kumulattiv 2020 1 € 250,000 2021 23 € 201,850 2022 78 € 327,287.50 2023 72 € 324,142 2024 109 € 438,480.20 2025 100 € 520,142 2025 4 € 19,500

Malta Eurovision Song Contest 2026 - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-Malta Eurovision Song Contest 2026, inkluż is-servizzi kollha, titjiriet tal-ajru, lukandi, preżentaturi u mistednin kemm lokali kif ukoll barranin, u dawk kollha li kellhom irwol matul il-ġranet tal-festival? Jista’ jgħid ukoll kemm minn din l-ispiża totali tħallset minn entitajiet tal-Gvern u dawk privati u jelenka dawn iċ-ċifri separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li din l-informazzjoni hija waħda kummerċjalment sensittiva.

Baġit 2026 - Intangible Cultural Heritage Programme u Tangible Cultural Heritage Programme

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32607 u jagħti tagħrif dwar il-Line item 5263 ‘Intangible Cultural Heritage Programme’ u Line item 5264 ‘Tangible Cultural Heritage Programme’ imsemmija fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena 2026 u x’sar diġà? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-għanijiet u l-kisbiet li saru s’issa fuq dawn iż-żewġ programmi rispettivament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-line vote dwar il-wirt intanġibbli jintuża fuq inizjattivi biex ikunu mistħarrġa elementi ġodda li jitniżżlu fuq l-inventarju nazzjonali u applikazzjonijiet ġodda mal-UNESCO, inizjattivi biex l-elementi eżistenti jkunu salvagwardjati u jitkattar l-għarfien dwarhom lokalment u internazzjonalment, kif ukoll inizjattivi oħrajn marbutin mal-promozzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt ħaj ta’ pajjiżna. Fost oħrajn, l-organizzazzjoni tal-festa ta’ San Girgor, li saret ċelebrazzjoni tal-wirt ħaj Malti, il-kompetizzjoni u l-esibizzjoni annwali tal-presepji, taħdidiet fl-iskejjel, pubblikazzjonijiet għat-tfal, u r-rappreżentanza ta’ Malta f’fora internazzjonali b’rabta mal-wirt ħaj. Bl-istess mod, il-line vote dwar il-wirt tanġibbli jintuża għal skopijiet ta’ riċerka, fosthom biex kien imfassal il-Management Plan tal-Belt Valletta, isiru State of Conservation Reports, u tinżamm network ħajja ma’ entitajiet u organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ patrimonju; kif ukoll fuq inizjattivi li jkattru l-għarfien tal-pubbliku u jikkuntestwalizzaw il-patrimonju f’qafas aktar wiesgħa ta’ diskors dwar sfidi bħalma huma l-bidla fil-klima u l-iżvilupp soċjali u komunitarju.

Birkirkara - Kulleġġ Santa Tereża, Mrieħel - Servizz ta’ canteen

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32605 u jgħid għaliex matul din is-sena skolastika ma hemm l-ebda servizz ta’ canteen fil-Kulleġġ Santa Tereża, Mrieħel, f’Birkirkara u li bħalissa hemm biss magni tal-bejgħ awtomatiku li ma jipprovdux ikel sħun?  Jista’ jgħid ukoll jekk l-iskola hix se tikkunsidra soluzzjonijiet alternattivi, jew li jerġa’ jibda jopera l-canteen sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jixtru jew ikollhom aċċess għall-ikel matul il-breaks?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li bħalissa qed isir ristrutturar sħiħ tal-post minn fejn kien jipprovdi s-servizz, b’hekk b’mod temporanju, is-servizz kellu jieqaf.

Skejjel - Nuqqas ta’ skrivani

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31764 u 32144 u jgħid kemm hemm skejjel li għandhom nuqqas ta’ skrivani, u jindika minn liema sena ilu hemm dan in-nuqqas?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, għalkemm ma hemmx rekwiżit speċifikat li f’kull skola għandu jkun hemm skrivan, fil-prattika qed isir użu regolari mis-servizz ta’ skrivan.

Baġit 2026 - Malta Arts Fund

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-Line item 5527 ‘Malta Arts Fund’ imsemmi fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena 2026?  Jista’ jgħid ukoll fejn ser imorru l-€450,000 li huma allokati għalih?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Line Item 5527 Malta Arts Fund huwa wieħed mill-voti li jintuża mill-Kunsill Malti għall-Arti għall-portafoll ta' skemi ta' finanzjament tiegħu.

Baġit 2026 - Arts and Culture Events

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-Line item 5484 ‘Arts and Culture Events’ imsemmi fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena 2026 u jsemmi xi wħud minnhom li għas-sena d-dieħla qed ikun allokat għalihom il-fond ta’ €1.7 miljun?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-lista tal-avvenimenti finanzjati minn LV 5484 hija kif ġej: Il-Karnival ta’ Malta Festghana Malta International Arts Festival Malta Jazz Festival Dance Festival Malta Il-Karnival tas-Sajf Valletta Guitar Festival

Baġit 2026 - Intangible Cultural Heritage Programme u Tangible Cultural Heritage Programme

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-Line item 5263 ‘Intangible Cultural Heritage Programme’ u Line item 5264 ‘Tangible Cultural Heritage Programme’ imsemmija fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena 2026 u x’sar diġà? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-għanijiet u l-kisbiet li saru s’issa fuq dawn iż-żewġ programmi rispettivament?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Baġit 2026 - Valletta Management Plan

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar Line item 5169 ‘Valletta Management Plan’ imsemmi fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena 2026 li ser ikunu allokati għalih €1.2 miljun? Jista’ jgħid ukoll min ser jitħallas biex jinkiteb dan il-pjan, jekk hux kumpanija jew individwu/i?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Kumitat jaħdem b’ mod indipendenti permezz ta individwi fuq bażi ex-ufficio, ċioe ma jitħallsux. Il-fondi allokati jiġu diretti biss lejn inizjattivi li jkun qed jieħu l-Kumitat għall-ġid tal-Belt Kapitali, fosthom li jiġu onorati MOUs jew kuntratti iffirmati diġa ma diversi entitajiet pubbliċi. L-ebda nefqa ma ssir jekk mhux bl-approvazzjoni tal-kumitat. Ninnota ukoll li matul l-2026 parti kbira mil-bilanċ allokat se jkunu qed jintuża għal żamma aktar nadifa tal-istess Belt Valletta, liema ħidma ta’ tindif qablu miegħu unanimament l-Kunsilliera kollha tal-Belt. L-ghanijiet tal-Kumitat joħorġu minn rekwiżit stipulati mill-UNESCO għal kull sit elenkat fil-Lista tal-Wirt Dinji.

Birkirkara - Kulleġġ Santa Tereża, Mrieħel – Servizz ta’ canteen

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex matul din is-sena skolastika ma hemm l-ebda servizz ta’ canteen fil-Kulleġġ Santa Tereża, Mrieħel, f’Birkirkara u li bħalissa hemm biss magni tal-bejgħ awtomatiku li ma jipprovdux ikel sħun?  Jista’ jgħid ukoll jekk l-iskola hix se tikkunsidra soluzzjonijiet alternativi, jew li jerġa’ jibda jopera l-canteen sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jixtru jew ikollhom aċċess għall-ikel matul il-breaks?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Skejjel tal-Gvern - Tfal li għandhom ‘Statement of Needs’

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31765 u jgħid kemm hemm tfal fl-iskejjel tal-Gvern, kemm fil-livell primarju kif ukoll f’dak sekondarju, li għandhom ‘Statement of Needs’ għal full-time, shared fl-istess klassi jew shared li għadhom mingħajr LSE? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-tfal għadhom id-dar?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-proċess hu wiħed kontinwu.

Skejjel - Nuqqas ta’ skrivani

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31764 u jgħid kemm hemm skejjel li għandhom nuqqas ta’ skrivani, u jindika minn liema sena ilu hemm dan in-nuqqas?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Skejjel tal-Gvern - Tfal li għandhom ‘Statement of Needs’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal fl-iskejjel tal-Gvern, kemm fil-livell primarju kif ukoll f’dak sekondarju, li għandhom ‘Statement of Needs’ għal full-time, shared fl-istess klassi jew shared li għadhom mingħajr LSE? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-tfal għadhom id-dar?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Għawdex - Batterija tal-Qbajjar - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31363, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi xogħlijiet fuq is-sit tal-Batterija tal-Qbajjar fiż-Żebbuġ, Għawdex, mill-bidu tas-sena 2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li dan hu sit proprjetà tal-poplu Malti u Għawdxi. Nifhem li hemm pressjonijiet sabiex dan jgħaddi għand terzi iżda nitlob lill-Onor Interpellanta tifhem ukoll li l-Awtorità tal-Artijiet għandha obbligu li f'kull stadju tqis l-interess pubbliku. Dan billi twieġeb id-domanda: x'inhu fl-aħjar interess pubbliku li dan jibqa' fil-pussess tal-Awtorità tal-Artijiet u kwalunkwe proċess sussegwenti jsir mill-Gvern stess jew inkella li dan is-sit jgħaddi f'idejn terzi partikolarment meta wieħed iqis il-potenzjal kbir li dan is-sit għandu? Nitlob l-Onor Interpellant tifhem li jien għandi dover li nieħu dak li nemmen li huma l-aħjar deċiżjonijiet fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Fl-istess waqt wieħed jifhem ukoll il-ħtieġa li dan is-sit jiġi restawrat. Biss tali restawr ikun nofs sajran jekk miegħu ma jkunx hemm ċar l-użu eventwali tal-istess sit. Dwar dan il-punt l-Awtorità tal-Artijiet qed tagħmel l-analiżi tagħha u se tkun qed tħabbar dak li se jsir fiż-żmien li ġej.