Legislature:
Category:
Reset
Active:

Belt Valletta – Display ta’ Dinosawri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. Kemm ġew jiswew id-displays tad-dinosawri li tpoġġew ġewwa l-Belt Valletta dan is-sajf 2022? b. X’kien l-għan tagħhom primarjament? c. Jekk l-għan intlaħaqx, u jagħti prova tanġibbli ta’ dan?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-display tad-dinosawru fil-Belt hi attrazzjoni fiha nnifisha, li ngħatat pubbliċità fil-midja internazzjonali, inkluż dik fl-Istati Uniti tal-Amerka, u kienet intiża biex tassimila l-film mal-postijiet li fih inħadem kif riflessi b’mod prominenti fl-istess blockbuster ta’ Hollywood. Id-deċiżjoni kienet parti minn kampanja pubbliċitarja importanti fl-eqqel tas-suċċess li qed jikseb il-film, l-ewwel blockbuster li jsemmi speċifikament lil pajjiżna f’uħud mill-isbaħ xeni tiegħu. Minbarra hekk, deċiżjonijiet simili huma pass ieħor ’il quddiem biex inkabbru n-niċċa turistika tal-iScreen Tourism f’pajjiżna, kif jixhdu wkoll għadd kbir ta’ ritratti li jittieħdu mal-istess display minn barranin li mbagħad itellgħu fuq il-ħafna mezzi ta’ komunikazzjoni u midja diġitali. Id-display li qiegħda ssir referenza għaliha ġiet tiswa €17,100.

Wirt għall-Patrimonju Kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tiġi ppubblikata l-istrateġija tal-Wirt għall-Patrimonju Kulturali peress li l-aħħar waħda li ġiet ippubblikata kien fl-2006?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif diġà kien tħabbar fl-10 ta' Novembru 2020 il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali kien nieda proċess li għandu jwassal għat-tfassil ta’ strateġija ħolistika nazzjonali dwar il-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna li tinkorpora diversi riformi meħtieġa. Din il-viżjoni għandha l-għan li pajjiżna jikkonsolida u jwettaq ir-riformi neċessarji f’dan il-qasam, u b’hekk għandu jwassal għal aktar protezzjoni u valorizzazzjoni għall-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna. Is-sur Joseph Magro Conti kien ġie appuntat f’dan l-irwol strateġiku importanti biex jixpruna t-tfassil ta’ din l-istrateġija u r-riformi sussegwenti b’kordinament u b’konsultazzjoni sħiħa mal-imsieħba kollha fis-settur. Dan ix-xogħol mistenni jitlesta matul din il-leġiżlatura.

Sptar Mater Dei — konsulenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm huwa n-numru ta’ konsulenti li hemm fl-Isptar Mater Dei u x’tip ta’ xogħol qed iwettqu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. interpellant illi n-numru ta’ konsulenti li hemm fl-Isptar Mater Dei u t-tip ta’ xogħol li qed iwettqu huwa kif jidher fit-tabella annessa hawn taht. Dipartiment Numru ta Konsulenti A& E 16 ITU & Anaesthesia 40 Cardiac Services 14 Medicine 41 Neurosciences 9 Obs & Gynae 10 Ophthalmology 9 Orthopaedics 13 Paediatrics 21 Surgery 36 Hyperbaric Unit 2 Infection control 1 Medical Imaging 21 Pathology 19 SAMOC 8 Dermatology 6 CMO/Cardiothorasic Surgery 1 Medical Director / Surgery 1 Medical Administrator 1 Clinical Performance Unit 1 Administrative and Team Management 1 Risk Management 1 272

Sptar Mater Dei – Social workers

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hemm social workers fl-Isptar Mater Dei u x’tip ta’ xogħol qed iwettqu dawn il-professjonisti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illli fl-Isptar Mater Dei hemm tim li jikkonsisti f’Service Area Leader, assistenta tagħha u disa’ social workers oħra li kollha jagħmlu dan it-tip ta' xogħol. Is-servizz huwa provdut kemm lill-pazjenti kif ukoll lill-qraba tagħhom bil-għan li jiġu pprovduti s-servizzi kollha meħtieġa biex jgħinu jiffaċilitaw il-proċess biex il-persuni rikoverati jiġu integrati lura fis-soċjetà u fl-ambjent tagħhom.

Djar Residenzjali tal-Anzjani – laqgħat bl-involviment tar-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat fid-Djar Residenzjali tal-Anzjani bl-involviment tar-residenti? Fejn saru dawn il-laqgħat u f’liema ġranet saru matul din is-sena?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-laqgħat li saru matul din is-sena fid-Djar Residenzjali tal-Anzjani bl-involviment tar-residenti fid-Djar Residenzjali tal-Gvern u Djar li l-Gvern għandu ftehim magħhom għal xiri ta’ sodod, ħa jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Marsaskala – Proġett tal-Vajrita

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ilu wieqaf is-servizz li kien mogħti fil-Vajrita, f’Marsaskala, u meta se jerġa’ jinbena mill-ġdid dan il-proġett biex ilaħħaq mad-domanda ta’ persuni b’diżabilità intellettwali li qegħdin fil-lista ta’ stennija?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport waqfet tagħti servizz mill-binja ta’ Vajrita f’Marsaskala 4 snin ilu. Il-persuni b’diżabilità li kienu jagħmlu użu minn dan is-servizz bdew jingħataw servizz residenzjali u/jew matul il-jum minn binjiet oħra u għalhekk ma kienx hemm waqfa fl-għoti tas-servizzi lil dawn il-persuni. Sadanittant tkompla l-proċess ta’ żvilupp ta’ dan is-sit. Il-fażi ta’ twaqqigħ tlestiet. L-approvazzjoni tal-permess tal-bini hija skedata għall-4 ta’ Ottubru 2022. L-abbozzar tat-Tender għal xogħlijiet strutturali jibda wara l-approvazzjoni uffiċjali tal-permess u l-periti inkarigati mill-proġett jistmaw li jitlesta fi żmien 3 snin.

Managers u Senior Managers – performance bonus

Question

Tista’ l-Ministru: a. tgħid għaliex is-Senior Managers u Managers li kienu jiffurmaw parti mill-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar għadhom ma tħallsux il-performance bonus dovut għax-xogħol li twettaq fis-sena 2021? b. tidentifika data raġonevoli sa meta l-performance bonus ta’ kull sena għandu jitħallas?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-performance bonuses li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellanta tħallsu. Dawn il-ħlasijiet isiru ladarba jitlesta l-proċess tal-appraisal u jsiru l-verifiki u l-komputazzjonijiet meħtieġa.

Senior Managers u Managers

Question

Tista’ l-Ministru tispjega għaliex is-Senior Managers u Managers ingħataw rata tal-pagament tal-performance bonus tas-sena 2020 inqas mir-rata li ġiet maqbula bejn l-impjegat u s-superjur tiegħu/tagħha fuq is-sistema tal-performance bonus, li suppost hija sistema trasparenti li tippremja lill-impjegat skont ix-xogħol li jkun wettaq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li r-rati tal-performance bonus huma dejjem suġġetti għal aġġustamenti finali li jassiguraw relattività fuq il-livell ta’ Direttorat, Dipartiment u/jew Ministeru.

Childcare Centres – rapport fuq il-progress tat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ġenituri tat-tfal li jattendu ċ-Childcare Centres kollha li hawn f’pajjiżna jingħatawx rapport iddettaljat dwar il-progress li t-tfal tagħhom ikunu għamlu tul iż-żmien li jkunu attendew fiċ-ċentri? Fiex jikkonsisti dan ir-rapport?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond Taqsima 2 (Il-Kwalita tat-tagħlim u l-ħarsien tat-Tfal) Standard 2.6, Indikatur 3 (paġna 28) kif elenkat fl-iStandards Nazzjonali għas-servizz tal-Edukazzjoni u l-Ħarsien tat-tfal fis-snin bikrin li qiegħed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-edukaturi tal-ECEC (Early Childhood Education and Care) għandhom jaqsmu u jiddiskutu b’mod regolari mal-ġenituri individwali l-progress tat-tagħlim u l-iżvilupp olistiku tat-tfal. Dan jiġi iċċekjat minn uffiċjali edukattivi waqt visti esterni li isiru fiċ-ċentri b’mod regolari. Ir-rapporti li jingħataw jikkonsistu ġeneralment fil-miri li għandhom x’jaqsmu mas-snin bikrin u kif iċ-ċentru qed iwassal biex jintlaħqu dawn il-miri. Fl-aħħar snin iċ-ċentri qed isegwu wkoll ‘Learning Outcomes for the Early Years’ biex jiġu żviluppati dawn ir-rapporti fuq il-progress tat-tfal.

Primary Healthcare – Manager Patient Support Services

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid: a. Fuq liema kompetenza ġiet magħżula l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bħala Manager Patient Support Services in Primary Healthcare? b. X’rekwiżiti ntalbu fis-sejħa għall-istess kariga? ċ. Minn min kien kompost il-bord tal-għażla meta ġiet magħżula għal din l-istess kariga? d. Kemm applikaw kandidati għal din l-istess kariga? e. Xi kwalifiki għandha din il-persuna li jorbtu ma’ din il-kariga? f. Fuq liema skala qiegħda l-persuna indikata? g. X’kienu x-xogħlijiet preċedenti tal-kandidat magħżul? h. Minn meta beda t-terminu ta’ din il-persuna bħala Manager Patient Support Services fil-Primary Healthcare?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi għal dan l-rwol intagħalbu minimu ta’ sitt (6) snin esperjenza ta’ xogħol fil-Koordinazzjoni tal-Appoġġ tal-Pazjent jew qasam relatat fis-Settur tas-Saħħa, li minnhom erba’ (4) snin iridu jkunu f’Ċentru tas-Saħħa. Jew esperjenza ta' xogħol fi rwol b'superviżjoni minima u esperjenza fit-tmexxija u l-ġestjoni tan-nies titqies bħala vantaġġ. Il-Membri tal-Bord kienu s-Sinjura Stephania Dimec bħala Chairperson, is-Sur Carlos Caruana bħala Membru u s-Sinjura Pamela Ruscio Debattista bħala Membru u Segretarju tal-Bord. Persuna waħda biss applikat għall din il-pużiżżjoni. It-terminu beda minn 30 ta Mejju 2022

Ambaxxatur tal-Kultura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. X’inhu l-irwol tal-ambaxxatur tal-kultura? b. Min qed jokkupa din il- kariga u l-kwalifiċi tiegħu? ċ. Kif intgħażel? d. Għandu xi benefiċċji renumeratorji u jekk iva, kemm? e. Qiegħed igawdi minn immunitày diplomatika u jekk iva, għalfejn? f. Kemm hu twil it terminu tiegħu? ġ. Jista’ jagħti rapport dettaljat tal-ħidma tiegħu mid- data tal-ħatra tiegħu sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inressaq l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Użu tad-Design Cluster

Question

a. Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji, kooperattivi, partnerships, NGOs li qed jużaw id-Design Cluster? b. Liema huma dawn il-kumpaniji; ċ. X’tip ta’ kumpaniji hemm fi ħdan id-Design Cluster; d. Kemm hemm studios li għadhom vakanti; u e. Kemm hemm membri li qed jużaw il-co-working spaces?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant kif ġej: a. Kumpaniji, kooperattivi, partnerships, NGOs li qed jużaw id-Design Cluster Regular membership: 42 Studio membership: 2 Apparti dawn, il-VDC jintuża regolarment ukoll minn diversi individwi, entitajiet privati u pubbliċi , għaqdiet komunitarji Beltin, għal skop ta’ konferenzi, laqgħat, workshops eċċ… b. Liema huma dawn il-kumpaniji; Studio membership: Fondazzjoni ‘Magna Zmien’ u NGO ‘Koperazzjoni Internazzjonali - Malta (Kopin)’ Regular membership: blitzvalletta vismednet ninjamoba Project Aegle Foundation Rise Malta Fem Community Active Ageing Unit Spark 15 YMCA Valletta Gabebags Giovanni Mule Somom Ltd The Teduka International Academy Malta School of Art Sourdough hub Iplus A 2mozarts Justine Lillie Helena Bartolo People and Company Ltd debonogroup FSWS - directorate for alternative care (SAV) Malta Photographic Society Wicked Comics Catering hub Il-Horza Vogue Xchange migrant women malta Fondazzjoni Suret il-Bniedem Halfaroutreach HFO Cheek to Cheek Ghanja tal-poplu Replant Malta Samba ltd SeyTravel Ltd Malta Intelligent Energy Mangmt Agency FSWS St Albert the Great College, Valletta Octagon Communications LTD - summer science school ZARARTI MALTA - creatives/theatre Foundation for Ukrainian Community in Malta University of Malta The Secretariat for Catholic Education c. X’tip ta’ kumpaniji hemm fi ħdan id-Design Cluster; Studio membership: 1 Fondazzjoni + 1 NGO Regular membership: · Organizzazzjonijiet Pubbliċi u Privati: 22 · Operaturi ekonomiċi (inklu¿i intrapri¿i ¿għar) - 10 · Persuni li jaħdmu għal rashom: 11 d. Kemm hemm studios li għadhom vakanti Hemm numru żgħir ta’ studios vakanti, madanakollu hemm process biex dawn jintlew. e. Kemm hemm membri li qed jużaw il-co-working spaces? Il-membri kollha ju¿aw l-ispazji komuni skont in-neċessità li jkollhom.

Malta Film Awards – breakdown tal-ispejjeż

Question

Fid-dawl li l-Malta Film Awards ġie jiswa madwar €1.3 miljun, jista’ l-Ministru jgħid b’mod separat: a. kemm kienet l-ispiża fuq il-billboards li twaħħlu f’diversu postijiet madwar pajjiżna; b. l-armar tal-palk; ċ. kemm ġie jiswa l-audio/sound; d. kemm ġew jiswew il-projectors; e. kemm ġie jiswa d-dawl; f. kemm ġiet tiswa s-sala minn meta ried jitlesta l-armar sa wara l-avveniment; g. ir-reklamar kollu għal din l-attività; h. kemm ġew jiswew il-ħlasijiet tan-nies li ppreżentaw l-awards jekk ġew imħallsa apparti l-preżentatur?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ikkwotat fil-mistoqsija huwa n-nefqa totali għal Malta Film Week – li fiha kien hemm inkluż 22 attività u s-serata finali tal-Malta Film Awards: · Travel - € 81,328.07 · Marketing - € 69,483.83 · Creative - € 478,520.14 · Logistics - € 708,011

Malta Libraries – Chief Operations Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. X’rekwiżiti ntalbu fis-sejħa għal Chief Operations Officer fl-Aġenzija Malta Libraries; b. Minn min kien kompost il-bord tal-għażla, u fuq liema kompetenza; ċ. Kemm applikaw kandidati; u d. Xi kwalifiki għandu jew għandha fix-Xjenzi tal-Libreriji u Arkivji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn xi nżid mar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 749.

Air Malta — ħaddiema li ġew trasferiti mal-RSSL

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. Kemm-il ħaddiem ġie trasferit mill-Air Malta għal mal-RSSL; b. Kemm-il ħaddiem fi skala u grad ta’ Assistant Officer mal-Air Malta b’pagi ’l fuq minn €30,000 basic pay ingħataw xogħol bħala messaġġiera u stackers; c. jekk ħaddiema oħra klerikali u bl-istess grad imsemmi hawn fuq li kienu trasferiti qabel ma suppost twaqqfet u kellha tibda topera l-Air Malta Aviation Services ingħatawx pakkett b’paga inferjuri minn dawk li ġew trasferiti issa u li ngħataw impjieg bi skali u gradi klerikali u ’l fuq, waqt li dawn li ġew trasferiti issa bħala messaġġiera u stackers b’responsabbiltà ferm anqas qed jingħataw u jitħallsu pagi ferm ferm ogħla?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ impjegati tal-Air Malta jew sussidjarji tagħha li applikaw taħt l-iskema tal-Voluntary Transfer Employment Scheme kien ta’ 577. In numru ta’ impjegati li sa issa ġew trasferiti lil-RSSL huwa 88 kif jidher fit-tabelli Phase 1 u Phase 2, li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. L-Air Malta m’għandhiex informazzjoni tat-tip u kondizzjonijiet ta’ xogħol li ngħata lill-ħaddiema li ġew trasferiti mal-RSSL.

Customer Care – każijiet ta’ ilmenti

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1443, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm daħlu każijiet ta’ lmenti matul is-sena l-oħra dwar: a) is-servizzi mogħtija mill-konsulenti; b) is-servizzi mogħtija mill-infermiera; ċ) is-servizzi mogħtija mis-social workers; u d) is-servizzi mogħtija fil-qasam tas-saħħa mentali? Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk ittiħdux passi dwar dawn l-ilmenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tispeċifika għal- liema entità qed tirreferi.

Servizzi ta’ Saħħa Mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’għamel il-Gvern sabiex matul din is-sena jkompli jespandi s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern · Beda tim multidixxiplinarju ġdid 'Crisis Resolution and Home Treatment Team' biex jagħti kura u appoġġ lil nies għaddejjin minn fażi akuta ta' saħħithom, kemm biex jgħin lill-persuni biex jilqħu difffikultajiet minn kmieni u ma jiddeterjorawx, kif ukoll biex inaqqas bżonn ta' dħul l-isptar · Beda servizz ġdid għal persuni bi problemi ta' sustanzi, flimkien mal-Caritas · Estenda s-servizz tal-Community Mental Health Teams għal nies bi problemi ta' saħħa mentali, biex jagħtu servizz aħjar · Estenda s-servizz tal-Community Outreach Teams għal nies bi problemi serji fit-tul ta' saħħa mentali, biex jagħti servizz aħjar · Estenda s-servizz ta' Perinatal Mental Health Care għal nisa tqal u wara t-twelid, biex wieħed jidentifika aħjar problemi f'relazzjonijiet bejn ommijiet u trabi u jilqa' minn kmieni Ipprovda taħriġ f'diversi oqsma ta' kura ta' saħħa mentali inkluż fuq prevenzjoni ta' suwiċidju lill-ħaddiema kollha fil-komunità.

Film Jurassic World Dominion – ftuħ uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika breakdown taċ-ċifra ta’ kemm ġie jiswa l-ftuħ uffiċjali tal-film Jurassic World Dominion f’Malta?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Fond għall-produzzjonijiet ta’ films Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux fil-ħsieb li jorganizzaw jew jinċentivaw il-ftuħ ta’ films Maltin bħalma għamel għall-produzzjoni Amerikana Jurassic World Dominion? Jikkonsidra li jkun hemm fond għall-produzzjonijiet Maltin?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni għal Films dejjem lesta biex tgħin u tippromwovi l-industrija lokali tal-films, kif dejjem sar f’dawn l-aħħar snin.