Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3187, tista’ l-Ministru tgħid f'liema stadju jinsabu l-analiżijiet tekniċi u ekonomiċi li indikat li qed jitwettqu, liema entitajiet jew esperti qed iwettquhom, x'inhu l-ambitu tagħhom u meta huwa previst li jitlestew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 3549.
Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3187, jekk ma twettqitx valutazzjoni kumulattiva qabel l-adozzjoni tal-miżuri Ewropej imsemmija fl-istess mistoqsija, tista’ l-Ministru tgħid x'valutazzjonijiet ekonomiċi, settorjali jew oħrajn intużaw sabiex jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet ta' Malta fin-negozjati Ewropej u għaliex ma saritx valutazzjoni komprensiva tal-impatt fuq l-ekonomija Maltija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 3549.
Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3187, tista' l-Ministru tgħid jekk qabel l-adozzjoni tal-miżuri Ewropej imsemmija fl-istess mistoqsija, il-Gvern wettaqx jew ikkummissjonax valutazzjoni nazzjonali tal-impatt ekonomiku kumulattiv tagħhom fuq Malta bħala Stat Membru insulari u jekk iva, meta twettqet din il-valutazzjoni, minn min ġiet ikkummissjonata, liema entitajiet ipparteċipaw fiha, x'kienu l-konklużjonijiet tagħha u tqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif diġà ġie indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3187, l-Awtorità kompetenti flimkien ma’ entitajiet oħra qiegħda twettaq evalwazzjoni tal-effetti individwali u kumulattivi ta’ dawn il-mekkaniżmi fuq Malta.
Matul in-negozjati u l-adozzjoni tal-miżuri Ewropej rilevanti, il-Gvern Malti kkunsidra diversi analiżi, valutazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi, konsultazzjonijiet u informazzjoni disponibbli fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li konsistentement innegozja skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ Malta bħala Stat Membru insulari, b’mod partikolari fir-rigward tal-konnettività marittima u tal-ajru, id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet, il-kompetittività tan-negozji, il-piż amministrattiv fuq l-SMEs u l-impatti possibbli fuq il-konsumaturi. Dawn il-kunsiderazzjonijiet ġew riflessi fil-pożizzjonijiet li Malta ressqet matul id-diskussjonijiet Ewropej relatati ma’ dawn il-miżuri.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellanta li b’żieda mat-tweġibiet parlamentari l-oħra li ngħataw dwar il-materja, il-qafas Ewropew dwar il-klima qed ikompli jiġi implimentat u żviluppat permezz ta’ strumenti differenti li jidħlu fis-seħħ progressivament.
Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-effetti individwali u kumulattivi mhijiex eżerċizzju ta’ darba, iżda proċess kontinwu sew ta’ monitoraġġ, anke ġbir ta’ data, analiżi teknika u ekonomika, u konsultazzjoni mal-partijiet interessati.
Hekk kif tavvanza l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri u ssir disponibbli aktar evidenza dwar l-effetti tagħhom fil-prattika, il-Gvern ser ikompli jevalwa l-impatti fuq Malta sabiex ikompli jinforma l-pożizzjonijiet li Malta tieħu fil-livell Ewropew.
Kumitat tal-Wirt Dinji – Dossier tan-nomina ‘Il-Fortifikazzjonijiet Maltin tal-Kavallieri ta’ San Ġwann’
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dossier ippreżentat għall-evalwazzjoni mill-Kumitat tal-Wirt Dinji għan-nomina ‘Il-Fortifikazzjonijiet Maltin tal-Kavallieri ta’ San Ġwann’ biex jiġu kkunsidrati għal-Lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-dokument mitlub diġa’ tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fis-Seduta numru 2 tat-22 ta’ Ġunju 2026.
Il-Pjan ta’ Malta għall-Fond Soċjali tal-Klima - Sejħiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema sejħiet għall-applikazzjonijiet u/jew sejħiet għall-offerti huma mistennija li jinħarġu taħt il-Pjan ta’ Malta għall-Fond Soċjali tal-Klima li tnieda fis-6 ta’ Ottubru 2026? Jista’ wkoll, għal kull sejħa, jagħti d-data indikattiva tal-ħruġ tagħha, il-baġit allokat, il-benefiċjarji eliġibbli u l-entità responsabbli mill-implimentazzjoni?
Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, wara t-tnedija tal-Pjan ta’ Malta għall-Fond Soċjali għall-Klima fis-6 ta’ Ottubru 2026, il-Gvern qed jipproċedi bit-tħejjijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-investimenti previsti fil-Pjan.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjan biex jindirizza l-piż finanzjarju li jista’ jaqa’ fuq sid ta’ vettura elettrika meta din il-vettura tkun trid tiġi skrappjata, partikolarment minħabba l-ispejjeż marbuta mat-trattament u r-rimi tal-batterija? Fid-dawl ta’ rapporti ta’ każijiet fejn konsumaturi ntalbu jħallsu spejjeż li allegatament laħqu l-€10,000, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jiġu kkonsidrati sabiex dawn l-ispejjeż ma jaqgħux fuq il-konsumatur?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma illi-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tingħata f'ix seduta oħra.
Għotjiet finanzjarji għax-xiri ta’ vetturi elettriċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskema ta’ għotjiet finanzjarji għax-xiri ta’ vetturi elettriċi hijiex ser titkompla matul is-sena 2027? Jekk iva, jista’ jgħid jekk humiex ser jinżammu l-istess kundizzjonijiet u livelli ta’ għotjiet bħal dawk applikabbli fl-2026?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma illi-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tingħata f'ix seduta oħra.
Akkomodazzjonijiet Soċjali - Investiment taħt il-Pjan Soċjali għall-Klima
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-1,431 unit ta' akkomodazzjoni soċjali li mistennija jibbenefikaw mill-installazzjoni ta' heat pump water heaters u sistemi fotovoltajċi bil-batteriji taħt il-Pjan Soċjali għall-Klima, u jipprovdi lista tagħhom maqsuma skont il-lokalità u l-blokka? Jista' jgħid ukoll liema huma l-236 unità ta' akkomodazzjoni soċjali magħżula jew ikkunsidrati għal deep renovation, lokalità b'lokalità, u xi kriterji speċifiċi se jintużaw sabiex jiġu magħżula l-benefiċjarji?
Short Term Accomodation – informazzjoni dwar il-preżenza u l-impatt tal-proprjetajiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru jew id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali ġabrux informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali dwar il-preżenza u l-impatt ta’ proprjetajiet użati bħala akkomodazzjoni għal żmien qasir (short-term accommodation), inklużi dawk offruti permezz ta’ pjattaformi bħal Airbnb, fil-lokalitajiet rispettivi? Jekk iva, tista’ tipprovdi din l-informazzjoni maqsuma lokalità b’lokalità, inkluż kull tagħrif disponibbli dwar ilmenti jew rapporti relatati ma’ storbju, skart, indafa, u pressjoni fuq servizzi jew infrastruttura lokali?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tali informazzjoni ma tinġabarx mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, l-Awtorità tad-Djar jew xi entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu għandhiex data jew wettqux studji jew analiżi dwar l-impatt tal-proprjetajiet residenzjali użati bħala akkomodazzjoni għal żmien qasir (short-term accommodation), inklużi dawk offruti permezz ta’ pjattaformi bħal Airbnb, fuq il-provvista u l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni residenzjali? Jekk iva, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tali studji jew analiżi u jipprovdi d-data disponibbli maqsuma skont il-lokalità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta
li l-akkomodazzjoni għal żmien qasir għal skopijiet turistiċi f’Malta ma taqax taħt il-kompetenza regolatorja tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet. Il-ħidma mwettqa mill-Awtorità tad-Djar u mill-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli tiffoka primarjament fuq is-suq tal-proprjetà residenzjali, bil-għan li jkun hemm għarfien aħjar tal-ħtiġijiet fil-qasam tad-djar u tal-iżviluppi fis-suq. Din l-analiżi tgħin fit-tfassil u l-aġġornament ta’ skemi u inċentivi eżistenti, kif ukoll fl-identifikazzjoni ta’ mudelli alternattivi ta’ akkomodazzjoni li jirrispondu b’mod aktar effettiv għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tal-popolazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Ministeru kkummissjona wkoll studju dwar il-proprjetajiet vakanti f’Malta sabiex jiġu esplorati opportunitajiet għal użu aħjar mill-istokk eżistenti tad-djar. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju se jgħinu biex jittejjeb l-għarfien tagħna dwar il-provvista ta’ akkomodazzjoni disponibbli u l-fatturi li jinfluwenzaw id-disponibbiltà tagħha meta mqabbla mad-domanda.
Short Term Accomodation – proprjetajiet liċenzjati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn proprjetajiet liċenzjati bħala akkomodazzjoni għal żmien qasir (short-term accommodation), inklużi proprjetajiet offruti permezz ta’ pjattaformi diġitali bħal Airbnb? Jista’ jipprovdi din l-informazzjoni maqsuma lokalità b’lokalità, u għal kull lokalità jindika
(a) in-numru ta’ proprjetajiet liċenzjati;
(b) in-numru totali ta’ sodod liċenzjati; u
(ċ) il-kapaċità massima totali f’termini ta’ persuni?
Il-Marsa – Operaturi u siti industrijali – Noise monitoring
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm operaturi u siti industrijali fil-Marsa li huma regolati u/jew permessi mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u li l-operat tagħhom jista’ jiġġenera ħoss li jilħaq żoni residenzjali? Tista’ tgħid liema minn dawn l-operaturi huma obbligati li jagħmlu noise monitoring permezz tal-permess ambjentali tagħhom? Kemm-il spezzjoni u test relatat mal-ħoss sar fuq dawn l-operaturi matul l-aħħar sentejn, u jekk ġewx identifikati każijiet fejn il-livelli jew il-kundizzjonijiet tal-permess ma ġewx osservati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li hemm erba’ siti industrijali fil-Marsa li huma regolati permezz ta’ permess ambjentali maħruġ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u li l-operat tagħhom jista’ potenzjalment jiġġenera storbju li jilħaq żoni residenzjali.
Dawn il-faċilitajiet huma obbligati jwettqu monitoraġġ perjodiku tal-ħsejjes skont il-kundizzjonijiet tal-permessi ambjentali rispettivi tagħhom. Ir-riżultati preżentati lill-ERA minn dawn il-faċilitajiet ma jindikawx impatt sinifikanti fuq il-livelli tal-istorbju fl-ambjent tal-madwar.
ERA – Apparat tekniku u kompetenzi speċjalizzati għal sorsi ta’ ħsejjes persistenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandhiex apparat tekniku u l-kompetenzi speċjalizzati meħtieġa sabiex tinvestiga u tidentifika s-sors ta’ ħoss persistenti jew intermittenti li ma jkunx faċilment attribwibbli għal sors partikolari? Jekk le, tista’ tgħid jekk hux se jinġieb tagħmir speċjalizzat jew humiex se jiġu ingaġġati esperti esterni sabiex tiġi investigata l-kwistjoni tal-ħoss irrappurtat fil-Marsa, u tagħti time-frame għal meta dan se jsir?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 3189.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx monitoraġġ tekniku tal-ħoss irrappurtat mir-residenti tal-Marsa sabiex jiġi identifikat is-sors tiegħu? Tista’ tgħid x’tip ta’ apparat u metodoloġija ntużaw, għal kemm żmien sar il-monitoraġġ, f’liema postijiet u f’liema ħinijiet sar, u jekk kienx possibbli li jiġu stabbiliti l-livelli, il-frekwenzi u d-direzzjoni jew is-sors tal-ħoss? Jekk is-sors għadu ma ġiex identifikat, tista’ tgħid għaliex u x’passi ulterjuri se jittieħdu sabiex jiġi identifikat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 3189.
Il-Marsa – Rapporti mir-residenti dwar ħoss persistenti/rikorrenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hijiex konxja minn rapporti u ilmenti li ilhom isiru għal aktar minn sena minn residenti tal-Marsa dwar ħoss persistenti u/jew rikorrenti li qed jinstema’ f’żoni residenzjali tal-lokalità? Tista’ tgħid meta l-ERA ġiet infurmata għall-ewwel darba b’din il-kwistjoni, kemm-il rapport jew ilment wasal għandha, liema investigazzjonijiet saru sal-lum, f’liema dati saru, u x’kien ir-riżultat ta’ kull investigazzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-remit regolatorju tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fir-rigward tal-istorbju huwa principarjament determinat mill-parametri stabbiliti taħt ir-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istorbju Ambjentali, li jittrattaw storbju ambjentali fit-tul. Dawn jinkludu storbju minn sorsi bħat-traffiku fit-toroq, l-avjazzjoni u ċerti siti industrijali, u mhux investigazzjonijiet ta’ każijiet individwali.
F’dan ir-rigward l-ERA għandha kompetenzi tekniċi relatati mal-kejl u l-analiżi tal-istorbju għall-finijiet tar-responsabbiltajiet regolatorji li jaqgħu taħt il-qafas tal-istorbju ambjentali. L-uffiċjali tal-Awtorità huma mħarrġa sabiex iwettqu u janalizzaw kejl relatat ma’ dan it-tip ta’ storbju.
Fejn tidħol l-identifikazzjoni definittiva tas-sors ta’ każ ta’ noise nuisance tista’ tirrikjedi investigazzjonijiet u kompetenzi li jmorru lil hinn mir-responsabbiltajiet regolatorji tal-ERA.
Sadattant, matul is-snin 2025 u 2026, l-ERA irċeviet total ta’ sitt ilmenti relatati ma’ ħsejjes fil-Marsa, tnejn matul l-2025 u erbgħa matul l-2026. Fir-rigward tal-ilmenti mressqa, l-ERA wettqet spezzjonijiet fuq il-post sabiex tivverifika s-sitwazzjoni. F’ċerti spezzjonijiet ma nstemgħux ħsejjes partikolari, filwaqt li f’oħrajn ġew osservati ħsejjes li dehru li kienu joriġinaw minn bastimenti fil-Port. F’dawn il-każijiet, il-persuni li ressqu l-ilmenti ġew infurmati li tali materja taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità regolatorja responsabbli mill-attivitajiet marittimi.
Spejjeż ta’ kull tunnellata ta’ merkanzija u fuq il-prezzijiet tal-konsumatur
Question
B’referenza għall-effett kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri, tista’ l-Ministru tipprovdi l-effett stmat fuq l-ispiża ta’ kull tunnellata ta’ merkanzija u fuq il-prezzijiet tal-konsumatur għas-snin 2024, 2025 u 2026, kif ukoll il-projezzjonijiet għall-perjodu 2027–2030? Tista’ tgħid x’rappreżentazzjonijiet għamel il-Gvern Malti quddiem l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi rikonoxxuta d-dipendenza strutturali ta’ Malta fuq it-trasport marittimu u tal-ajru u n-nuqqas ta’ alternattiva permezz ta’ toroq jew ferroviji? Tista’ tgħid jekk il-Gvern talabx jew hux se jitlob trattament speċifiku, miżuri kumpensatorji jew finanzjament għal Stati Membri insulari, u kemm mid-dħul miksub minn Malta mill-EU ETS intuża jew se jintuża sabiex jittaffa l-impatt ta’ dawn l-ispejjeż fuq il-familji, in-negozji u l-prezz tal-prodotti essenzjali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li is-sistema definittiva tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri daħlet fis-seħħ fl-2026 u, għalhekk, l-obbligi finanzjarji fuq l-importaturi bdew minn din is-sena.
L-effett stmat fuq l-ispiża ta’ kull tunnellata ta’ merkanzija jiddependi minn diversi fatturi, fosthom it-tip ta’ prodott, il-pajjiż tal-oriġini u l-mod kif l-importatur jiddikjara l-emissjonijiet relatati mal-merkanzija. L-importatur għandu l-għażla li jiddikjara bl-użu ta’ valuri predefiniti jew ta’ valuri attwali. Il-Gvern Malti saħaq li l-impatt tal-Mekkaniżmu għandu jkun proporzjonat u dejjem jinsisti biex il-ħtiġijiet tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar, speċjalment fi Stati Membri gżejjer żgħar, jiġu kkunsidrati.
Id-dħul miksub minn Malta mill-EU ETS m’għandux x’jaqsam mal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri.
Sistema nazzjonali operattiva ta’ twissijiet pubbliċi ta’ emerġenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex sistema nazzjonali operattiva ta’ twissijiet pubbliċi ta’ emerġenza li permezz tagħha jintbagħtu twissijiet u struzzjonijiet direttament lill-apparati ċellulari kollha konnessi mal-istazzjonijiet bażi jew l-antenni tan-networks mobbli f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid jekk is-sistema Reverse 112, li dwarha l-Gvern ħabbar fi Frar 2026 li kellha tibda topera sal-aħħar tas-sena, hijiex diġà operattiva u, jekk le:
(a) f’liema stadju tinsab l-implimentazzjoni tagħha;
(b) liema xogħol tekniku, testijiet jew proċessi ta’ interoperabbiltà għad iridu jitlestew;
(c) x’inhi d-data preċiża meta mistennija tibda topera; u
(d) x’inhu l-valur tal-kuntratt, lil min ingħata u x’inhuma l-istadji ewlenin tal-implimentazzjoni tiegħu?
Jista’ jispeċifika jekk is-sistema hijiex se tuża Cell Broadcast, location based SMS jew iż-żewġ teknoloġiji, u jekk hijiex se:
(a) tilħaq awtomatikament kull apparat kompatibbli konness ma’ stazzjon bażi Malti fiż-żona affettwata, irrispettivament minn jekk is-SIM card hijiex Maltija jew barranija;
(b) tilħaq persuni li jkunu qed jużaw roaming, inklużi turisti u ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti jew preżenti f’Malta;
(c) taħdem mingħajr il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni minn qabel, mobile application, mobile data jew konnessjoni mal-internet;
(d) tilħaq kemm smartphones kif ukoll cellular phones aktar antiki li jistgħu jirċievu SMS iżda mhux neċessarjament Cell Broadcast;
(e) tibgħat twissijiet bil-Malti, bl-Ingliż u, fejn meħtieġ, b’lingwi oħra li jinftiehmu minn persuni barranin preżenti f’Malta; u
(f) tipprovdi konferma teknika dwar kemm apparati u networks ikunu rċevew it-twissija?
Kriterji kliniċi użati għall-imwiet bi sħana eċċessiva
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema definizzjoni, kriterji kliniċi, kriterji epidemioloġiċi u metodoloġija jintużaw mill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex mewta tiġi identifikata u kklassifikata bħala relatata mas-sħana eċċessiva?
Jista’ jispeċifika:
(a) liema kodiċijiet tal-ICD-10 jintużaw, inklużi X30 u T67 u s-sottokategoriji tagħhom;
(b) jekk jiġux eżaminati kemm il-kawża prinċipali kif ukoll il-kawżi sekondarji jew kontributorji fuq iċ-ċertifikat tal-mewt;
(c) jekk jitqisux ir-rekords mediċi u tal-isptar, iċ-ċirkostanzi tal-esponiment u d-data meteoroloġika;
(d) kif jiġu identifikati każijiet fejn is-sħana aggravat kundizzjoni kronika jew kundizzjoni eżistenti; u
(e) jekk il-metodoloġija hijiex konformi mal-linji gwida tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u mal-prattika Ewropea rikonoxxuta?
Jista’ l-Ministru jgħid liema sistema ntużat sabiex il-pubbliku jiġi mwissi qabel u matul il-Maltempata Harry ta’ Jannar 2026? Jista’ jgħid għaliex ma ntbagħtitx twissija diretta lill-apparati ċellulari kollha konnessi man-networks mobbli Maltin? Kif ġew indirizzati persuni li ma jsegwux il-mezzi tax-xandir jew il-paġni tal-Gvern fuq il-media soċjali, b’mod partikolari turisti, ħaddiema u residenti barranin? Jista’ jgħid ukoll jekk l-implimentazzjoni preżenti tissodisfax l-obbligi dwar it-twissijiet pubbliċi stabbiliti fl-Artikolu 110 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, li kellhom jiġu implimentati sal-21 ta’ Ġunju 2022, u jekk Malta kinitx meqjusa konformi ma’ dawn l-obbligi bejn dik id-data u l-introduzzjoni tas-sistema Reverse 112? Jekk iva, jista’ jidentifika s-sistema alternattiva li kienet fis-seħħ u jipprovdi l-valutazzjoni li turi li din kienet daqstant effettiva?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel u matul il-Maltempata Harry ta’ Jannar 2026, il-messaġġi u t-twissijiet lill-pubbliku ngħataw permezz tal-media soċjali u direttament lill-mezzi tax-xandir.
Fir-rigward ta’ twissijiet diretti fuq apparati ċellulari, is-sistema nazzjonali Public Warning (Reverse 112), ibbażata fuq it-teknoloġija Cell Broadcast, ma kinitx operattiva fiż-żmien tal-Maltempata Harry u għalhekk ma setgħetx tintuża sabiex tintbagħat twissija diretta lill-apparati ċellulari kollha konnessi man-networks mobbli Maltin.
Fir-rigward tal-Artikolu 110 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, għandu jiġi nnutat li l-qafas Ewropew jipprevedi t-trażmissjoni ta’ twissijiet pubbliċi permezz ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli, filwaqt li jippermetti wkoll, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, mezzi alternattivi li jkollhom effettività f’termini ta’ kopertura u kapaċità li jilħqu lill-utenti finali, inklużi persuni preżenti temporanjament fiż-żona affettwata.
Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern wettaqx impact assessment dwar l-effett kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri, tal-inklużjoni tat-trasport marittimu fl-Iskema tal-Unjoni Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, tal-FuelEU Maritime u tal-obbligi relatati mal-avjazzjoni? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull impact assessment, economic model, studju jew konsultazzjoni li saret dwar l-effett ta’ dawn il-miżuri fuq:
(a) l-ispiża tat-trasport marittimu u bl-ajru lejn Malta;
(b) l-importazzjoni ta’ ikel, mediċini u prodotti essenzjali;
(c) l-ispejjeż tal-fertilizzanti, l-imballaġġ, ir-refriġerazzjoni, il-ħażna u d-distribuzzjoni;
(d) l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja;
(e) il-kompetittività tal-importaturi u n-negozji Maltin u Għawdxin; u
(f) ir-riskju li dawn l-ispejjeż jiġu mgħoddija lill-konsumatur?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-Gvern Malti dejjem ħadem b’reqqa fin-negozjati fil-livell tal-Unjoni Ewropea sabiex jitħarsu l-interessi u ċ-ċirkostanzi partikolari ta’ Malta bħala Stat Membru insulari, b’mod partikolari fir-rigward tal-konnettività marittima u tal-ajru, id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet, il-kompetittività tan-negozji, il-piż amministrattiv fuq l-SMEs u l-impatti possibbli fuq il-konsumaturi.
Dawn il-kunsiderazzjonijiet ġew riflessi fil-pożizzjonijiet li Malta ressqet matul id-diskussjonijiet dwar il-Carbon Border Adjustment Mechanism (CBAM), l-EU Emissions Trading System, inkluż l-estensjoni tiegħu għat-trasport marittimu, il-FuelEU Maritime u strumenti Ewropej oħra relatati mat-tranżizzjoni klimatika.
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-miżuri msemmija fil-mistoqsija ġew adottati fil-livell Ewropew permezz tal-proċess leġiżlattiv bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew. L-Awtorità kompetenti flimkien ma’ entitatjiet oħra, qiegħda twettaq ħidma sabiex jiġu evalwati l-effetti individwali u kumulattivi ta’ dawn il-mekkaniżmi fuq Malta. Bħala parti minn din il-ħidma, qegħdin isiru analiżijiet tekniċi u ekonomiċi, ġbir ta’ data, konsultazzjonijiet mas-setturi milquta, sessjonijiet ta’ informazzjoni u seminars.