Legislature:
Category:
Reset
Active:

Programm fuq stazzjon televiżiv Ingliz

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18269 u jgħid kemm hi l-ispiża totali tal-produzzjoni tal-programm li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li ntwera f’ħames partijiet waqt prime time (fil-ħin tal-ikel mit-Tnejn sal-Ġimgħa) fuq stazzjon televiżiv ġewwa r-Renju Unit? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu l-ispejjeż separatament fuq reklamar, ivjaġġar, akkomodazzjoni, editing tal-programm, l-ispiża tal-airtime ġewwa r-Renju Unit u anke l-fee tal-preżentatur fost oħrajn?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża totali għal din il-produzzjoni ta’ ħames programmi li ntwerew fuq l-istazzjon televiżiv fir-Renju Unit, ITV1 waqt prime time tammonta għal kważi €265,000. L-istatistika li għandha f’idejha l-MTA turi li kull episodju rawh madwar 670,000 persuna, bl-ikbar udjenza tkun fit-tieni episodju fejn rawh iżjed minn 700,000. It-total għall-episodji kollha fuq TV live jammonta għal 3.6 miljun spettatur, li ma jinkludux dawk li raw l-episodji fuq ITVX (Streaming) jew fuq ITV Catch up. Dawn il-programmi ingħataw ukoll promozzjoni qawwija fuq il-midja soċjali ta’ Ainsley Harriott, fejn fuq META għandu udjenza ta’ 172,000 u 129,000 segwaċi fuq Instagram. Il-preżentatur ipparteċipa u rreklama l-programmi Taste of Malta fuq Radio X b’udjenza ta’ 2.1 miljun utent fil-ġimgħa, u fuq il-Breakfast Show ta’ ITV – This Morning. Il-valur f’termini ta’ spiża li kieku l-MTA kellha tħallas għal din l-attività b’reklamar fuq televiżjoni u midja soċjali, hi stmata li tilħaq il-€5 miljuni. Għaldaqstant b’investiment ta’ €265,000, l-MTA rnexxielha takkwista valur ta’ midja promozzjonali ta’ kważi €5 miljuni.

Malta Biennale

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jiffurmaw il-management team, kif ukoll min huma l-kuraturi u membri oħra tat-team li ħadmu biex jiġi organizzat u kkoordinat il-Malta Biennale? Jista’ jipprovdi lista li tinkludi l-isem u l-kunjom ta' kull persuna, il-kariga li tokkupa mal-Malta Biennale u r-rimunerazzjoni li għandha kull persuna? Jista’ jsemmi wkoll meta daħlu fis-seħħ dawn l-arranġamenti u għal liema tul ta' żmien?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-lista komprensiva ta’ dawk kollha li kienu nvoluti fil-Malta Biennale tinsab fil-gwida uffiċċjali tal-Malta Biennale li diġà poġġejt kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra mal-mistoqsija parlamentari 18274. Il-ħatriet jintemmu kollha malli jintemm il-biennale u jingħalaq kollox. Ħadd mill-uffiċċjali tal-entitajiet governattivi m’għandu remunerazzjoni talli qed jieħdu sehem fl-organizazzjoni tal-biennale. Dawk li mhumiex uffiċċjali f’entitajiet qegħdin fuq kuntratt definit. Kull arranġament daħal fis-seħħ matul it-tħejjija skont il-ħtieġa.

Malta Biennale – Individwu

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li jrid jieħu deċiżjonijiet mal-bord skont il-liġi, issa huwa responsabbli għall-Malta Biennale u jieħu d-deċiżjonijiet waħdu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta ħadet id-deċiżjoni li din il-persuna tiġi inkarigata biex tmexxi l-Maltabiennale. Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellanta għall-gwida uffiċċjali tal- Maltabiennale li diġà poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra mal-mistoqsija parlamentari 18274 li fih tidher l-istruttura li qed tħaddem il-Maltabiennale.

Malta Biennale – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa’ l-launch night (is-serata fejn ġie varat il-ftuħ) tal-Malta Biennale u jagħti rendikont ta' kif intefqu l-ispejjeż?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-ħlasijiet għadhom ma sarux kollha u għalhekk il-mistoqsija parlamentari tiġi mwieġba meta jitlesta l-eżerċizzju.

Malta Biennale – Artisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ntgħażlu l-artisti għall-Malta Biennale? Jista’ l-Ministru jgħid min huma u minn liema pajjiżi ġejjin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li x-xogħolijiet ġew magħżula minn fost 2,500 applikazzjoni wara sejħa internazzjonali u ġew magħżula għal kollox mit-team kuratorjali skont kriterji artistiċi, il-portfolio tal-artist, il-wirjiet preċedenti tal-artist u r-relazzjoni tax-xogħol artistiku mat-tema tal-Biennale fost oħrajn. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-gwida uffiċċjali tal-Malta Biennale fejn hemm l-informazzjoni kollha mitluba.

Malta Biennale – Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu dawk il-persuni li ntgħażlu fuq il-bord tal-għażla tax-xogħlijiet artistiċi għal Malta Biennale u x'kienu l-kriterji biex intgħażlu? Jista’ jagħti l-ordni (ir-ranking) ta' klassifikazzjoni ta' dawk kollha li ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-għażla tax-xogħlijiet artistiċi saret minn team kuratorjali. Dawn huma: Sofia Baldi Pighi bħala direttur artistiku u magħha Elisa Carollo u Emma Mattei. Kien hemm id-deċiżjoni mit-tmexxija tal-Malta Biennale li għal din l-ewwel edizzjoni tal-Malta Biennale ma ssirx sejħa imma ssir tfittxija għal Direttur Artistiku. Dan sar wara li ġew avviċinati diversi persuni kemm lokali u kemm barranin.

Malta Biennale – Artisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-artisti li ħadu sehem jew qed jieħdu sehem fil-Malta Biennale kienu/huma Maltin u minn liema Ministeru, entità, jew awtorità ġejjin? Jista’ jgħid ukoll x’kien il-proġett tagħhom, kemm ġie jiswa u kemm fondi ħadu għall-proġett tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-artisti li qed jieħdu sehem fil-Malta Biennale m’humiex magħżula fuq bażi ta’ Ministeru. Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika iktar il-mistoqsija tagħha. Nirreferi għall-publikazzjoni li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra mal-mistoqsija parlamentari 18274.

Malta Biennale – Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ kemm ħadu fondi għal proġetti li ppreżentaw l-artisti kollha li pparteċipaw waqt il-Malta Biennale u jaqsam din l-informazzjoni artist, artist?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-kundizzjonijiet kollha inklużi finanzjarji għall-artisti nħarġu pubblikament f’sejħa internazzjonali fil-bidu tat-tħejjijiet għal Malta Biennale. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-kundizzjonijiet kif maħruġa u kif dehru fis-sejħa internazzjonali għax-xogħlijiet fis-sit elettroniku tal-Malta Biennale art.

Malta Biennale – Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġetti li ġew esebiti waqt il-Malta Biennale humiex ser jinżammu f’pajjiżna u jekk iva, fejn ser ikunu esebiti jew jekk humiex ser ikunu għal bejgħ? Jista’ jgħid ukoll liema huma u jagħti l-prezzijiet tagħhom separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda rabta li x-xogħolijiet esebiti jinżammu Malta. Iżda hemm il-possibiltà li jsir dan. Kemm il-darba dan iseħħ il-biċċa/bċejjeċ ta’ l-arti jidħlu fil-kollezzjoni Nazzjonali tal-Arti kontemporanja bħalma jsir dejjem meta l-Istat jakkwista bċejjeċ ta’ l-arti.

Malta Biennale u l-Art Explora Festival

Question

Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni valida għal kif għaddejjin il-Malta Biennale u l-Art Explora Festival fl-istess żmien?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Art Esplora Festival intemm fl-aħħar ta’ Marzu. Il-Malta Biennale għadu għaddej sal-aħħar ta’ Mejju li ġej. L-Art Explora Festival u l-Malta Biennale kkoperaw biex itellgħu attivitajiet flimkien, bil-parteċipazzjoni wkoll tal-padiljun nazzjonali Franciż/Ġermaniz. Il-ġeneru tal-wirja tal-Art Esplora Festival hija għal kollox differenti minn dik tal-Malta Biennale. Jekk xejn din hi prova oħra ta' kemm hu rikk il-kalendarju kulturali tagħna.

Birkirkara — Triq Monsinjur Emanuel Vella – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Monsinjur Emanuel Vella ġewwa Birkirkara hux ser isirilha xi xogħol, peress li hemm parti minn din it-triq li qed terġa’ tisfronda u ġaladarba nafu li t-triq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta tinsab f’taħditiet mal-iżviluppatur biex isewwi u jagħmel tajjeb għal formazzjoni tat-triq li ma saritx skont is-sengħa neċessarja. Fin-nuqqas ta’ dan ser jitteħdu passi legali fil-konfront tiegħu. Ladarba din tiġi indirizzata l-aġenzija tkun f’pożizzjoni li tibni t-triq

Programm fuq stazzjon televiżiv Ingliz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża totali tal-produzzjoni tal-programm li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li ntwera f’ħames partijiet waqt prime time (fil-ħin tal-ikel mit-Tnejn sal-Ġimgħa) fuq stazzjon televiżiv ġewwa r-Renju Unit? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu l-ispejjeż separatament fuq reklamar, ivjaġġar, akkomodazzjoni, editing tal-programm, l-ispiża tal-airtime ġewwa r-Renju Unit u anke l-fee tal-preżentatur fost oħrajn?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Ta’ Qali — Concert Area

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li d-daħla ta' wara tal-palk ġewwa l-concert area f’Ta Qali kellha tinbena mill-ġdid, peress li ma kienx possibbli li jmorru trakkijiet kbar b'tagħmir tqil qrib il-palk?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux minnu li d-daħla ta' wara tal-palk ġewwa l-Concert Area f’Ta’ Qali kellha tinbena mill-ġdid.

Ta’ Qali — Concert Area

Question

Jista’ l-Ministu jgħid x’inhu l-pjan ta’ health and safety f’każ ta’ ħruq fil-post għall-kunċerti ġewwa Ta’ Qali? Jista’ jikkonferma li jekk ikun hemm ħruq, minflok tmur 'il bogħod mill-palk l-udjenza ser ikollha tmur jew tersaq lejn il-palk, fejn nafu wisq tajjeb li l-palk huwa l-post primarju fejn jista' jaqbad in-nar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ingaġġa esperti fejn tidhol fire safety, u li l-istudji kollha neċessarji saru u ġew implementati. Il-proġett ser ikollu wkoll tlett emergency escape stairs addizzjonali, kif approvati fil-permess tal-Awtrorità tal-Ippjanar.

Ta’ Qali — Concert Area

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'konsultazzjoni saret minn persuni tekniċi responsabbli għall-armar, id-disinn tal-ħoss, id-dawl u oħrajn fil-concert area ġewwa Ta’ Qali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru l-konsultazzjonijiet neċessarji kollha fil-fażi tad-disinn taż-Żona tal-Kunċerti.

Ta’ Qali – Riċerka għat-tnaqqis tal-ħoss

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'riċerka saret għat-tnaqqis tal-ħoss (sound abatement) biex ikun żgurat li r-residenti fl-inħawi tal-madwar ma jkollhomx għalfejn jisimgħu mużika qawwija waqt xi kunċert li jkun għaddej fl-area tal-kunċerti ġewwa Ta’ Qali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta fiż-Żona tal-Kunċerti ser jittellgħu kunċerti, ser ikunu segwiti l-permessi u r-regolamenti kollha fis-seħħ, l-istess kif diġà jiġri fi spazji miftuħa oħra f'pajjiżna fejn fihom jittellgħu l-kunċerti.

Malta Eurovision Song Contest 2024 – Ħlas lis-Semi-Finalisti

Question

Peress li t-12-il finalist li pparteċipaw fil-finali ta' din is-sena nafu li (kif kien ukoll miktub fi-regolamenti), diġà ħadu l-€5,000 biex setgħu jaħdmu fuq il-video tal-kanzunetta tagħhom, u fid-dawl li fir-regolamenti li ħarġu għal-Malta Eurovision Song Contest 2024, jidher illi s-semi-finalisti kellhom jitħallsu s-somma ta' €300 kull wieħed, jista’ għaldaqstant il-Ministru jgħid meta dawn ser jieħdu din is-somma mwiegħda lilhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab informat mill-PBS li kull min forna d-dettalji relattivi u neċessarji sabiex isir il-pagament tħallas skont il-proċeduri normali. Naturalment jekk hemm xi uħud li ma fornewx id-dettalji relattivi allura dawn jitħallsu hekk kif ifornu d-dettalji relattivi.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16001, 16631 u 17328 u jgħid min kien/kienu d-Deputati tal-Gvern li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu/huma jagħmlu parti min xi kumitati, panels u bordijiet fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qiegħdin iservu, il-kariga li kienu/li qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ngaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, minn Ministru eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju/honoraria tagħhom? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol tagħhom, ta’ kemm-il darba attendew fil-kumitat/bord/panels u kemm tħallsu jekk jitħallsu per sitting u l-ammont li tħallsu annwali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab fit-tabella ta’ hawn taħt. Isem Bidu Tmiem Nomina Christopher Agius 12.07.2023 To date Chairperson

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16000, 16630 u 17327 u jgħid min kien/kienu d-Deputati tal-Gvern li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu/huma jagħmlu parti min xi kumitati, panels u bordijiet fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qiegħdin iservu, il-kariga li kienu/li qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ngaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, minn Ministru eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju/honoraria tagħhom? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol tagħhom, ta’ kemm-il darba attendew fil-kumitat/bord/panels u kemm tħallsu jekk jitħallsu per sitting u l-ammont li tħallsu annwali?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ deputati li servew fuq kumitati jew bordijiet fil-perjodu msemmi

Birgu – Mużew tal-Parroċċa ta’ San Lawrenz — Restawr

Question

Fid-dawl li l-mużew tal-Parroċċa ta’ San Lawrenz fl-oratorju ta’ San Ġużepp il-Birgu li fih ħafna rikkezzi ta’ storja, u li qiegħed fi stat ħażin, fejn anke hemm konsenturi li qegħdin pjuttost perikolużi, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan il-mużew jiġi megħjun sabiex jiġi rranġat u konservat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali rċieva talba għall-għajnuna rigwardanti r-restawr tal-faċċati tal-Oratorju ftit tal-ġimgħat ilu, liema talba qed tiġi analiżżata mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.