Legislature:
Category:
Reset
Active:

Golden Bee Awards – lista ta’ mistednin barranin biex jagħtu awards

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika l-lista tal-mistednin barranin li kienu mistiedna għall-Golden Bee Awards b’mod speċifiku dawk li taw l-awards lir-rebbieħa preżenti? Jista’ jgħid kemm ġew imħallsa kif ukoll kemm ġew jiswew it-titjiriet tal-ajru ta’ kull wieħed minnhom u jgħid kemm ġew jiswew ukoll l-akkomodazzjonijiet tagħhom separatament?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Pjazza Tritoni — Avveniment

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permess li nħareġ għall-avveniment li sar fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, imtella’ mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tal-permess maħruġ mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.

Ħ’Attard — Triq ir-Ruzell/Triq il-Mosta - Fdalijiet storiċi

Question

Fid-dawl tal-fdalijiet li nstabu fi Triq ir-Ruzell/Triq il-Mosta, Ħ’Attard - PA 01361 24 DNO 523 24, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-features li nstabu s'issa?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ħ’Attard — Triq ir-Ruzell/Triq il-Mosta - Fdalijiet storiċi

Question

Fid-dawl tal-fdalijiet li nstabu fi Triq ir-Ruzell/Triq il-Mosta, Ħ’Attard - PA 01361 24 DNO 523 24, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-features li nstabu s'issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-sit imsemmi hu suġġett għal PA 1361/24, fejn waqt il-proċessar ta’ din l-applikazzjoni, Informat li s-Sovrintendenza talbet li ssir evalwazzjoni arkeoloġika. Din l-evalwazzjoni hija koperta b’DN 523/24. Informat ukoll li fis-sit hemm reservoir, kif ukoll xelter – li dan tal-aħħar kien diġà magħruf li jinstab fis-sit, kif filatt ġie kkomunikat fir-risposta tas-Sovrintendenza waqt l-ipproċessar ta’ PA 1361/24. Informat li s-Sovrintendenza tikkonferma li preżentement qed titneħħa il-ħamrija (bħala parti mill-evalwazzjoni arkeoloġika – li qed tiġi sorveljata minn rappre¿entanti tas-Sovrintendenza), u wara li dan il-proċess jitlesta, se tkun qed tintalab id-dokumentazzjoni neċessarja.

Każ ta’ individwu – Kriterji għall-kariga

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20175 u jgħid fuq liema kriterji jew b’liema mod intgħażel l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk inħarġitx notifika għal din il-kariga u jekk sarx proċess ta’ due diligence? Jista’ jgħid ukoll kemm hu s-salarju ta’ din il-persuna bħala CEO u jekk hux se jkollu pakkett finanzjarju inkluż benefiċċji oħrajn u jaqsam il-figuri/ċifri separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-persuna kkonċenerata, li kienet diġà tokkupa pożizzjoni ta’ Direttur f’entità oħra tal-Gvern, inħatret Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel abbażi tal-esperjenza vasta u l-kapaċitajiet tagħha li ntwerew b’mod eċċellenti fil-perjodu li fih kienet diġà tokkupa l-kariga ta’ Aġent Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel. Il-Pakkett Finanzjarju bħala Kap Eżekuttiv li jkopri perjodu ta’ 3 snin u jibda mis-17 ta' Ġunju 2024 hu l-istess bħal dak tal-Kap Ezekuttiv preċedenti bid-differenza li l-Kap Eżekuttiv il-ġdid se jaqla’ €4,700 Gross per annum inqas milli kien jaqla’ l-Kap Eżekuttiv preċedenti.

Malta Biennale — Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20100 u jgħid kemm intefqu flus s’issa fuq avvenimenti u reklamar għall-Malta Biennale? Jista’ jgħid jekk dawn kenux kollha sponsorjati mill-Bord tat-Turiżmu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sapport biex tiġi organizzata il-Malta Biennale kien is-segwenti bl-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi: · Ministeru - €100,000 · Awtorità Maltija għat-Turiżmu – sapport u promozzjoni ta’ €224,713

Spazju Kreattiv — Kariga ta’ Chairperson

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20103 u jgħid fuq liema kriterji jew b’liema mod iċ-Chairman ta’ Spazju Kreattiv ingħata wkoll il-kariga ta’ Executive Chairperson tal-istess entità? Jista’ jgħid jekk ħarġitx notifika għal din il-kariga u jekk sarx proċess ta’ due diligence? Jista’ jgħid ukoll kemm hu s-salarju taċ-Chairman u jekk issa hux se jkollu salarju ieħor jew inkella pakkett finanzjarju separat għall-kariga l-ġdida u jipprovdi l-figuri relattivi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Chairperson ta’ Spazju Kreattiv ngħata wkoll il-kariga tat-tmexxija eżekuttiva tal-istess entità abbażi tal-esperjenza vasta u l-kapaċitajiet tiegħu f’dan il-qasam li weriehom b’mod ampju matul is-snin li ilu jservi bħala Chairperson ta’ Spazju Kreattiv. Il-pakkett finanzjarju għal pożizzjoni ta’ Chairman li jkopri l-perjodu mit-13 ta' Ġunju 2022 sat-12 ta Ġunju 2025 huwa identitiku għal dak li kellu. Il-pakkett finanzjarju referibbli għat-tmexxija eżekuttiva tal-entità, li jkopri perjodu ta’ tliet snin u jibda mis-17 ta' Ġunju 2024, hu identiku għal dak li kellu l-persuna li kellha t-tmexxija eżekuttiva tal-entità.

Bini ta’ Arkivju Nazzjonali ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-proġett biex jinbena l-Arkivju Nazzjonali l-ġdid għadu ma sarx? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-pjanijiet dwar dan il-proġett u jekk għadx hemm il-ħsieb li jsir fuq l-istess art li kienet ingħatat għal hekk jew hemmx il-pjan li tingħata art oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab informat li d-deċiżjoni marbuta mas-sit ta’ Ta’ Qali kienet ittieħdet lura f’Novembru 2021, liema deċiżjoni kienet ittieħdet fuq konsiderazzjonijiet ambjentali u operazzjonali tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali. Dan ma jneħħi xejn mill-bżonn li jinbena Arkivju Nazzjonali ġdid. Il-Gvern bħalissa qed jevalwa diversi siti li potenzjalment jistgħu jkun idoneji , kull wieħed bl-opportunitajiet u l-isfidi uniċi tiegħu. L-għan huwa li jiġi identifikat sit li mhux biss jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-akkomodazzjoni wirt u d-dokumentazzjoni, imprezzabbli ta’ pajjiżna, iżda wkoll li jitejjeb l-aċċess tal-pubbliku u jixpruna l-interess lejn dan il-proġett u x-xogħol tal-Arkivju Nazzjonali. Id-diskussjonijiet interni jinsabu għaddejjin b’ritmu tajjeb. Huwa kruċjali li nersqu lejn dan b’impenn li jittieħdu deċiżjonijiet li jservu għall-ġenerazzjonijiet futuri b’mod effettiv.

Malta Biennale — Nefqa fuq ġurnalisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ġurnalist ġie mistieden f’pajjiżna għall-Malta Biennale u kemm minnhom aċċettaw li jiġu? Jista’ jgħid min huma? Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-ispejjeż tat-titjiriet tal-ajru, tal-akkomodazzjoni u tal-ikliet, fost affarijiet oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li il-ġurnalisti li ġew mistiedna mill-MaltaBiennale huma dawn li jidhru hawn taħt. Ma ġenbhom għandek issib l-ispiza għal kull ġurnalisti u xi tkopri l-ispiża kif mitlub. · Angelica Christina Villa – Titjiriet – Spiza tat-titjiriet lejn Malta u lura - €748 · Emily Watlington – Titjira minn Malta lura għad-destinazzjoni tat-tluq - €928 · Anna Uclea – Akkommodazzjoni - €1503 · Ġurnalisti oħra li attendew għall-MaltaBiennale ġew mistiedna minn awtorità kompetenti oħra u jew ġew għas-spejjez tal-ġurnali jew revisit li bagħtuhom.

Spazju Kreattiv — Kariga ta’ Chairperson

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji jew b’liema mod iċ-Chairman ta’ Spazju Kreattiv ingħata wkoll il-kariga ta’ Executive Chairperson tal-istess entità? Jista’ jgħid jekk ħarġitx notifika għal din il-kariga u jekk sarx proċess ta’ due diligence? Jista’ jgħid ukoll kemm hu s-salarju taċ-Chairman u jekk issa hux se jkollu salarju ieħor jew inkella pakkett finanzjarju separat għall-kariga l-ġdida u jipprovdi l-figuri relattivi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellanta li risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Każ ta’ individwu – Kriterji għall-kariga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji jew b’liema mod intgħażel l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk inħarġitx notifika għal din il-kariga u jekk sarx proċess ta’ due diligence? Jista’ jgħid ukoll kemm hu s-salarju ta’ din il-persuna bħala CEO u jekk hux se jkollu pakkett finanzjarju inkluż benefiċċji oħrajn u jaqsam il-figuri/ċifri separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Il-Qrendi – Community clinic — Binja

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 18899 u 19165, jista’ l-Ministru jgħid x’ser ikun l-użu tal-binja ġaladarba din mhix ser tintuża bħala community clinic fil-lokalità tal-Qrendi?

Response (BONNICI, OWEN)

Informat mill-istess Kunsill li l-materja in kwistjoni qed terġa’ tiġi diskussa.

Il-Qrendi — Community clinic

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18899, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se tinfetaħ community clinic fil-lokalità tal-Qrendi? Jekk fl-affermattiv, fejn se ssir din il-community clinic u meta hu ppjanat li tibda' tagħti servizz lir-residenti tal-Qrendi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18899.

Il-Qrendi – Community clinic

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tkun lesta l-community clinic ġewwa l-Qrendi sabiex tibda topera u tagħti s-servizzi meħtieġa kollha lir-residenti ta' din l-istess lokalità?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħala pjan tal-Primary HealthCare rigward kliniċi tal-komunità, is-servizz ħolistiku jinkorpora team multidixxiplinarju sabiex jaqdi żona ta’ irħula fil-viċin. B’hekk servizzi mediċi joħorġu miċ-Ċentri tas-Saħħa u jersqu aktar qrib il-poplu. Il-Qrendi jgħamel parti min ċirku tar-rħula li jinkludu, l-Imqabba, iż-Żurrieq u Ħal Safi. Il-klinika tal-komunità li taqdi dawn l-irħula hija ċentrallizzata’ fiż-Żurrieq. Hawnhekk jingħataw servizzi b’appuntament ta’ tabib, infermiera, podjatrija, patoloġija tal-lingwa u diskors, psikoloġija u fiżjoterapija. Iċ-Ċentru tas-Saħħa ewlieni f’din iż-żona jinsab ġewwa Ħal-Kirkop fejn hemm ukoll faċilita’ ta’ servizzi mediċi b’appuntamnet kif ukoll servizz ta’ tabib u treatment room bħala walk-in.

Malta Philharmonic Orchestra — Sejħiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx call fuq il-gazzetta tal-Gvern biex jintgħażel it-team artistiku l-ġdid u anke dak tal-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta' pajjiżna? Jista’ jgħid id-data u kemm damet għall-attenzjoni tal-pubbliku? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-pakkett finanzjarju tal-kap eżekuttiv il-ġdid u anke tat-team artistiku separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-ħatra tas-CEO il-ġdid għall-Orkestra Nazzjonali u tat-team artistiku ingħata każ: (a) Tal-iżviluppi passati fl-orkestra u l-bżonn ta’ tisħiħ u żvilupp fl-orkestra fil-futur qrib; (b) Il-ħtieġa ta’ tisħiħ u riforma fl-istruttura amministrattiva u artistika tal-orkestra; (ċ) Tal-kapaċitajiet u t-talenti li huma disponibbli b’mod immedjat sabiex titkompla l-ħidma sfieqa b’risq l-Orkestra tagħna. Is-CEO inħatret skont metodi u prassi stabbiliti, li ilhom jintużaw fis-settur pubbliku għal ħatriet simili. Il-persuna magħzula għandha l-kwalifiċi, ħiliet u l-esperjenza maniġerjali meħtiega biex taqdi dmirijietha fil-kariga tagħha. Iż-żewg persuni Maltin li nħatru fit-team artistiku ilhom jagħtu l-kontribut tagħhom kemm lill-MPO stess jew entitajiet mużikali oħra pubbliċi u privati għal-numru ta’ snin. Il-Ministeru ħass li fiċ-ċirkostanzi preżenti tal-Orkestra, jagħmel sens illi dawn ikomplu jagħtu sehemhom billi jinħatru fit-team artistiku tal-Malta Philharmonic Orchestra (MPO). Il-persuna barranija hija awtorita’ fil-qasam mużikali klassiku b’esperjenza vasta f’karigi simili ma’ entitajiet u orkestri prestiġjuzi. Il-persuni magħzula għandhom il-ħiliet, l-esperjenza mużikali u merti artistiċi tajbin u jirrapreżentaw perjodi u xejriet differenti fil-qasam tal-mużika klassika u dik kontemporanja u l-mużika Maltija li ghandhom jappellaw għall-firxa wiesa’ u nklussiva tal-udjenzi tal-MPO. Dawn, flimkien mal-conductors tal-MPO, il-Prinċipal tal-MPO u oħrajn, għandhom ikunu f’pożizzjoni li joħolqu viżjoni u strateġija għall-iżvilupp artistiku u ta’ kwalita’ tal-Orkestra Nazzjonali ghat-tlett snin li gejjin. Il-ħsieb hu li nagħtu l-opportunitajiet sabiex min għandu talent u l-ħiliet meħtieġa u ta’ kwalita, jingħata l-opportunità li jikkontribwixxi lejn il-qasam mużikali b’mod inklussiv. Għall-quddiem, il-persuni fit-team artistiku se jibdew jintagħzlu b’mod kompetittiv, wara sejħa pubblika. Informat li l-pakkett finanzjarju tal-Kap Eżekuttiv il-ġdida hu l-istess pakkett finanzjarju li kellu l-aħħar Kap Eżekuttiv. Fir-rigward tat-tim artistiku dan se jitħallas kif ġej: Mro Paul Abela u Dott. Mario Frendo: 15,000 ewro fis-sena Umberto Nicoletti Altimari: 17,400 ewro fis-sena

Malta Philharmonic Orchestra u European Foundation for Support of Culture — Ftehim

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tas-somma totali ta' flus li bbenefikat minnha l-Malta Philharmonic Orchestra, sena b'sena, minn meta kien iffirmat il-ftehim bejnha u bejn il-European Foundation for Support of Culture?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Malta Philharmonic Orchestra — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn intefqu l-flus kollha li l-Malta Philharmonic Orchestra ħadet mingħand il-European Foundation for Support of Culture minn meta sar il-ftehim bejniethom?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lil-Onor Interpellanta għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18929.

European Capital City of Culture

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont u aġġornament dwar il-kandidatura ta' pajjiżna għall-European Capital City of Culture li jmiss?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li lura f’Novembru tal-2020, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (responsabbli skond LN427/2018 sabiex ‘tikkoordina l-proċess ta’ offerti għat-titolu li jmiss ta’ Belt Kapitali tal-Kultura għall-gżejjer Maltin’) organizzat avveniment dwar il-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031, li għalih ġew mistiedna r-Reġjuni u l-Kunsilli Lokali kollha. Wara dan l-avveniment, f’Jannar tal-2021, l-Aġenzija ippublikat Espressjoni ta’ Interess Preliminari li permezz tagħha r-Reġjuni (rappreżentati minn belt) setgħu jirreġistraw l-interess tagħhom sabiex jikkompetu għat-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031. Din is-sejħa għalqet fl-aħhar ta’ Marzu 2021 u għaliha daħlu żewġ applikazzjonijiet; waħda mir-Reġjun Port (rappreżentat mill-Birgu) u oħra mir-Reġjun ta’ Għawdex (rappreżentat mir-Rabat Għawdex). Aktar tard dik is-sena, f’Settembru tal-2021, l-Aġenzija organizzat ukoll seminar ta’ informazzjoni lir-Reġjuni li wrew interess, li għalih ġew ukoll mistidnin esperti minn barra minn Malta li kienu involuti fil-Kapitali Ewropea tal-Kultura tul is-snin. Għaldaqstant, il-kandidatura ta' pajjiżna għall-Kapitali Ewropea tal-Kultura li jmiss tinsab fi stadju ta’ progress.