Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament għal clip li sar għall-Mediterrane Film Festival ta’ din is-sena, 2024?
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir eżatt mit-Torri tal-Għassa f’Għajn Tuffieħa u għaliex ix-xogħol għadu lanqas biss beda wara iktar minn sena u nofs minn meta saret il-ħsara minħabba maltempata u jagħti indikazzjoni meta għandu jitlesta x-xogħol fuqu? Jista’ jgħid ukoll jekk l-iscaffolding li ċċirkondat miegħu huwiex sigur u jekk sarx b’mod professjonali?
Forti Ricasoli — Direttorat tar-Restawr - Dħul mill-kirjiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm pagamenti daħħal jew x’introjtu daħħal mill-kirjiet id-Direttorat tar-Restawr biex jintuża Forti Ricasoli għall-filming ta’ films f’pajjiżna? Jista’ wkoll jipprovdi lista tal-isem tal-films u kemm ħallsu kull produzzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid xi ftehim għandha l-Awtorità tal-Artijiet ma’ entitajiet Governattivi u oħrajn għall-użu ta’ Forti Ricasoli jew parti minnha?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Artijiet tinsab fi stadju avvanzat fil-proċess sabiex formalment tgħaddi l-propjeta msemmija b’kirja lill-Film Commission.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Obbligu tal-Patrimonju
Question
Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni ċara tal-kriterji adottati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex jistabbilixxu liema features jew strutturi li għandhom valur kulturali, jistgħu jitkissru jew jinħattu suġġett li jitħallas ‘obbligu tal-patrimonju’ (heritage obligation)?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-kriterji għal valur li jingħata lil patrimonju kulturali kemm dak mibni kif ukoll arkeoloġiku, joħorġu mill-Pjan ta’ Struttura (Structure Plan-1990) fejn il-bini jista’ jingħata tlett gradi differenti, u l-arkeoloġija ħames gradi. Dak il-patrimonju li jiġi meqjus li huwa ta’ valur baxx skond il-kriterji msemmija qabel, jista’ jiġi meqjus li jkun suġġett għal Heritage Obligation, skond Artiklu 59(3) tal-Att tal-Patrimonju Kulturali.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Obbligu tal-Patrimonju - Metodoloġija
Question
Jista’ l-Ministru jagħti l-metodoloġija adottata mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex jistabbilixxu l-ammont li jrid jitħallas bħala ‘obbligu tal-patimonju’ (heritage obligation)?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ammonti jiġu stabbiliti skont skeda interna tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-skeda interna.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Obbligu tal-Patrimonju - Persuni inkarigati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali inkarigati biex jistabbilixxu liema features jew strutturi li għandhom valur kulturali jistgħu jitkissru jew jinħattu suġġett li jitħallas ‘obbligu tal-patimonju’ (heritage obligation) u l-ammont li jrid jitħallas bħala ‘obbligu tal-patimonju’ (heritage obligation)?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li d-deċiżjoni finali tkun tas-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali.
L-Imsida — Junior College - Letturi full time - Kwalifiki
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mil-letturi full time li hemm fil-Junior College fl-Imsida għandhom kwalifiki fil-livell ta’:
i. Baċċellerat;
ii. Masters;
iii. Dottorat?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt;
i. Baċċellerat - 163
ii. Masters - 144
iii. Dottorat – 47
iv. MD – 1
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li mill-219-il impjegat bejn dawk full-timers u part-timers imsemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21612, hemm xi impjegati li għandhom iżjed minn kwalifika waħda.
L-Imsida — Junior College – Studenti li applikaw/għamlu l-eżamijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ studenti tal-Junior College fl-Imsida li (a) applikaw (b) attwalment għamlu l-eżamijiet tal-livell ta’ (a) Intermediate (b) Advanced fis-suġġetti kollha li jiġu offruti fis-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024? Jista’ jgħid ukoll x’kien in-numru ta’ studenti li kellhom A, B, C u D f’dawn l-eżamijiet?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt;
Sena
Reġistrazzjonijiet
2020
721
2021
1163
2022
1056
2023
870
2024
1122
Infurmat li informazzjoni addizzjonali ma tistax tiġi ppublikata.
Il-Belt, Valletta — Dar il-Mediterran għall-Konferenzi - Slaves Hall
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa b’kollox ir-restawr tal-iSlaves Hall ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta u jagħti rendikont ta’ kollox separatament? Jista’ jgħid kemm fondi Ewropej intużaw għal dan il-proġett? Jista’ jgħid ukoll jekk hux qed jerġa' jsir xi xogħol ieħor f'din is-sala u jsemmi għalxiex u kemm hi n-nefqa?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment li sar fl-iSlaves Hall ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi sewa €1,014,058 li minnhom €537,882 ġew ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ dan l-investiment, spazju mitluq u bla użu, ġie konvertit f’lok prestiġġjuż ideali għall-konferenzi, laqgħat u esibizzjonijiet.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa mhu jsir l-ebda xogħol ieħor f’dan is-sit.
Dar tal-Mediterran għall-Konferenzi — Ballu tal-Karnival ‘Carnevale’ - Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali tal-Ballu tal-Karnival, bl-isem ta’ ‘Carnevale’ li sar ġewwa d-Dar tal-Mediterran għall-Konferenzi tas-snin 2022 u 2023?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal diversi snin, it-tmexxija tal-MCC ikkunsidrat il-possibilita’ li tittella’ attivita’ ta’ kwalita’ f’dawn ix-xhur imsejħin “shoulder months”. Fl-2023 tnieda l-ballu tal-karnival imsejjaħ Ballo in Maschera. L-intenzjoni wara din l-għażla kienet illi jiġi provdut spettakklu li jappella kemm għal Maltin kif ukoll għat-turisti li jżuruna f’dawn il-żminijiet tas-sena. Dan l-avveniment offra wkoll spazju adekwat lil diversi artisti lokali minn dixxiplini diversi biex jesponu t-talenti tagħhom. Dan l-avveniment kompla jikkonsolida lil Malta u ċ-Ċentru tal-Konferenzi fin-niċċa kulturali imsejsa fuq realtajiet storiċi. In-nefqa kienet ta’ €101,212.
Ħal Qormi — Xelters quddiem ir-rampa tal-Knisja l-kbira ta’ San Bastjan
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet u x’instab s’issa mis-site inspection tax-xelters li qed isir mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li jinsabu f’Ħal Qormi, quddiem ir-rampa tal-Knisja l-kbira ta’ San Bastjan? Jista’ jgħid ukoll jekk dan ix-xelter hux ser jibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku jew jekk hemmx xi pjanijiet oħrajn?
Mapping the Sector: Towards the Formation of the Academy of the Performing and Visual Arts — Fondi allokati
Question
Wara s-seminar bl-isem “Mapping the Sector: Towards the Formation of the Academy of the Performing and Visual Arts”, jista’ l-Ministru jgħid x'fondi hemm allokati għal din l-akkademja?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Mapping the Sector: Towards the Formation of the Academy of the Performing and Visual Arts — Fondi allokati
Question
Wara s-seminar bl-isem “Mapping the Sector: Towards the Formation of the Academy of the Performing and Visual Arts”, jista’ l-Ministru jgħid x'fondi hemm allokati għal din l-akkademja?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li l-Ministeru talab li jiġu allokati l-fondi, liema talba għadha qed tiġi analizzata.
Il-Marsa — Art and Culture Hub - Spazji għall-provi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jispjega kif ser jintużaw l-ispazji għall-provi kemm dawk għaż-żfin kif ukoll għal dawk il-bands jew mużiċisti ġewwa l-Art and Culture Hub ġewwa l-Marsa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ispazji għall-provi se jkunu jistgħu jiġu bbukjati minn żeffiena, bands jew mużiċisti skont skeda li tinħadem meta l-proġett jiġi ffinalizzat biex jingħata spazju kemm jista' jkun lil kulħadd filwaqt li jsir użu massimu mill-ispazji kollha.
Il-Marsa — Art and Culture Hub - Spazju provdut lill-Festivals Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan ta’ kif se jintuża l-ispazju pprovdut lill-Festivals Malta fl-Art and Culture Hub ġewwa l-Marsa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li huwa ppjanat li l-ispazji jintużaw kif gej:
• Mħażen fejn ikunu manifatturati l-karrijiet tal-karnival
• Spazju għall-provi taż-żfin
• Studios għall-provi ta’ bands / mużiċisti
• Spazju fuq barra għall-provi taż-żfin tal-karnival
• Spazju li ħa jintuza bħala forn għaċ-ċeramika
• Spazju li jintuza bħala Teatru għal mużika
• Uffiċini ġodda għall-Festivals Malta
• Mħazen għall-makkinarju tal-karnival
• Workshops għal haddiema tekniċi ta’ FM
• Lecture rooms għal programmi tal-ERASMUS
• Mużew tal-Karnival
• Reception area
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ispazji kollha ġewwa l-Art and Culture Hub fil-Marsa, inklużi t-teatru miftuħ fost oħrajn, humiex se jiġu utilizzati wkoll minn professjonisti oħra mill-qasam artistiku u entitajiet artistiċi oħrajn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ispazji se jiġu utiliżżati wkoll minn professjonisti oħra mill-qasam artistiku u entitajiet artistiċi oħrajn.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ konsultazzjoni għamel biex jiġġustifika l-bżonn tal-ispazji ġewwa l-Art and Culture Hub fil-Marsa, mad-domanda (demand) ta’ dawk kemm artisti, professjonisti u entitajiet fil-kamp artistiku li ħa jibbenefikaw minn dan il-post?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’laqgħat li kienu saru f’Diċembru 2021 meta l-proġett kien għadu qed jiġi ppjanat kienu saru taħdidiet ma' dawn l-entitajiet li ġejjin:
· Żfinmalta
· Operaturi privati fil-Qasam tad-Divertiment
· Teatru Malta
· Għaqda Parteċipanti tal-Karnival
· Kumitat tal-Karnival
· MEIA (Malta Entertainment Industry and Arts Association)
Wieħed irid jgħid li l-proċess ta’ konsultazzjoni għadu għaddej u hu mistenni aktar suġġerimenti mingħand MEIA u peress li l-amministrazzjoni ta’ MEIA nbidlet fil-frattemp, Festivals Malta ssuġġeriet li jerġgħu jiltagħqu biex ikunu ċċarati aktar affarijiet u jkunu sottomessi ideat li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju akbar għall-komunità artistika f’Malta. Sadanitant ġew identifikati areas fejn jistgħu jkunu utiliżżati skont is-suġġerimenti bħal parti mill-masterplan tal-proġett.
Golden Bee Awards — Lista ta' mistednin barranin biex jagħtu awards
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20571 u jippubblika l-lista tal-mistednin barranin li kienu mistiedna għall-Golden Bee Awards b’mod speċifiku dawk li taw l-awards lir-rebbieħa preżenti? Jista’ jgħid kemm ġew imħallsa kif ukoll kemm ġew jiswew it-titjiriet tal-ajru ta’ kull wieħed minnhom u jgħid kemm ġew jiswew ukoll l-akkomodazzjonijiet tagħhom separatament?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dettalji dwar il-Mediterrane Film Festival se jingħataw f’rapport li qed jitħejja u li se jkun qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.