Jista’ l-Ministru jgħid kemm mit-trabi li twieldu bejn Jannar u Ġunju 2026 kellhom:
i. ġenitur wieħed ta’ ċittadinanza Maltija; u
ii. iż-żewġ ġenituri ta’ ċittadinanza barranija?
Jista’ jgħid ukoll mil-liema pajjiżi huma l-ġenituri?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Nirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3225 u jgħid jekk il-Gvern għandux pjan biex jindirizza l-piż finanzjarju li jista’ jaqa’ fuq sid ta’ vettura elettrika meta din il-vettura tkun trid tiġi skrappjata, partikolarment minħabba l-ispejjeż marbuta mat-trattament u r-rimi tal-batterija? Fid-dawl ta’ rapporti ta’ każijiet fejn konsumaturi ntalbu jħallsu spejjeż li allegatament laħqu l-€10,000, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jiġu kkonsidrati sabiex dawn l-ispejjeż ma jaqgħux fuq il-konsumatur?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.
Għotjiet finanzjarji għax-xiri ta’ vetturi elettriċi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3224 u jgħid jekk l-iskema ta’ għotjiet finanzjarji għax-xiri ta’ vetturi elettriċi hijiex ser titkompla matul is-sena 2027? Jekk iva, jista’ jgħid jekk humiex ser jinżammu l-istess kundizzjonijiet u livelli ta’ għotjiet bħal dawk applikabbli fl-2026?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għotjiet finanzjarji għax-xiri ta’ vetturi elettriċi huma miftuħa għal din is-sena u d-dettalji dwar is-sena id-dieħla jitħabbru matul il-ġimgħat li ġejjin.
Akkomodazzjonijiet Soċjali - Investiment taħt il-Pjan Soċjali għall-Klima
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3223 u jgħid liema huma l-1,431 unit ta' akkomodazzjoni soċjali li mistennija jibbenefikaw mill-installazzjoni ta' heat pump water heaters u sistemi fotovoltajċi bil-batteriji taħt il-Pjan Soċjali għall-Klima, u jipprovdi lista tagħhom maqsuma skont il-lokalità u l-blokka? Jista' jgħid ukoll liema huma l-236 unità ta' akkomodazzjoni soċjali magħżula jew ikkunsidrati għal deep renovation, lokalità b'lokalità, u xi kriterji speċifiċi se jintużaw sabiex jiġu magħżula l-benefiċjarji?
Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi l-unitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li ser jibbenefikaw mill-installazzjoni ta’ heat pump water heaters u sistemi fotovoltajċi bil-batteriji ma jiġux identifikati individwalment fil-Pjan Soċjali għall-klima. L-għażla finali issir skont valutazzjonijieti tekniċi u operattivi fuq il-gwida tal- Kummissjoni Ewropeja.
Sistema nazzjonali operattiva ta’ twissijiet pubbliċi ta’ emerġenza
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3185 u jgħid jekk Malta għandhiex sistema nazzjonali operattiva ta’ twissijiet pubbliċi ta’ emerġenza li permezz tagħha jintbagħtu twissijiet u struzzjonijiet direttament lill-apparati ċellulari kollha konnessi mal-istazzjonijiet bażi jew l-antenni tan-networks mobbli f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid jekk is-sistema Reverse 112, li dwarha l-Gvern ħabbar fi Frar 2026 li kellha tibda topera sal-aħħar tas-sena, hijiex diġà operattiva u, jekk le:
(a) f’liema stadju tinsab l-implimentazzjoni tagħha;
(b) liema xogħol tekniku, testijiet jew proċessi ta’ interoperabbiltà għad iridu jitlestew;
(c) x’inhi d-data preċiża meta mistennija tibda topera; u
(d) x’inhu l-valur tal-kuntratt, lil min ingħata u x’inhuma l-istadji ewlenin tal-implimentazzjoni tiegħu?
Jista’ jispeċifika jekk is-sistema hijiex se tuża Cell Broadcast, location based SMS jew iż-żewġ teknoloġiji, u jekk hijiex se:
(a) tilħaq awtomatikament kull apparat kompatibbli konness ma’ stazzjon bażi Malti fiż-żona affettwata, irrispettivament minn jekk is-SIM card hijiex Maltija jew barranija;
(b) tilħaq persuni li jkunu qed jużaw roaming, inklużi turisti u ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti jew preżenti f’Malta;
(c) taħdem mingħajr il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni minn qabel, mobile application, mobile data jew konnessjoni mal-internet;
(d) tilħaq kemm smartphones kif ukoll cellular phones aktar antiki li jistgħu jirċievu SMS iżda mhux neċessarjament Cell Broadcast;
(e) tibgħat twissijiet bil-Malti, bl-Ingliż u, fejn meħtieġ, b’lingwi oħra li jinftiehmu minn persuni barranin preżenti f’Malta; u
(f) tipprovdi konferma teknika dwar kemm apparati u networks ikunu rċevew it-twissija?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema Public Warning (Reverse 112) ġiet akkwistata u bħalissa jinsab għaddej ix-xogħol meħtieġ sabiex titlesta l-integrazzjoni tagħha man-networks tal-operaturi lokali tal-komunikazzjoni mobbli. L-implimentazzjoni tinsab għaddejja, bil-mira li titlesta matul l-ewwel kwart tal-2027.
Il-pjattaforma ċentrali (CBC) hija operattiva u l-proġett jinsab fil-fażi ta’ integrazzjoni mal-Mobile Network Operators lokali. Bħalissa għaddej ix-xogħol li huwa marbut prinċipalment mal-implimentazzjoni teknika, l-integrazzjoni u l-validazzjoni bejn is-sistema ċentrali u n-networks rispettivi.
Għaddejjin ix-xogħlijiet biex jitlestew l-integrazzjoni end-to-end u t-testijiet ta’ aċċettazzjoni man-networks tal-operaturi mobbli, inkluż l-immappjar taż-żoni ġeografiċi maċ-ċelloli tan-network, kif ukoll it-testijiet meħtieġa sabiex jiġi vverifikat it-tħaddim korrett u reżiljenti tas-servizz. Barra minn hekk, qed nistennew mingħand fornitur globali ewlieni ta’ apparati ċellulari l-ħtiġijiet operattivi standard tiegħu sabiex inkunu nistgħu niżguraw li s-soluzzjoni u l-konfigurazzjoni tas-servizz jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa u jkunu jistgħu jiġu vvalidati fuq l-apparati kompatibbli. Il-mira operattiva hija li l-implimentazzjoni titlesta fl-ewwel kwart tal-2027.
Il-kuntratt huwa skont il-proċeduri tal-public procurement regulations mgħoti lil GO plc, Epic u Melita abbażi ta’ żewġ fażijiet, l-installazzjoni u l-ġestjoni tas-CBC u l-istabbiliment, l-integrazzjoni, l-interoperabilita’ u l-monitoraġġ tal-operazzjonijiet mal-operaturi kollha rilevanti tan-Netwerk mobbli.
Is-soluzzjoni li qed tiġi implimentata hija bbażata fuq teknoloġija Cell Broadcast. Iżda l-location based SMS ser jiġi kkunsidrat jekk jinħass il-ħtieġa ladarba s-CBC ikun kompletament operattiv. Ic-Cell Broadcast huwa mfassal biex ixandar twissija one-to-many permezz taċ-ċelloli tan-network magħżula fiż-żona affettwata jew dawk ta’ Malta u Għawdex kollha. Għaldaqstant, apparat kompatibbli konness maċ-ċelloli magħżula għandu jirċievi t-twissija irrispettivament min-nazzjonalità tas-SIM, suġġett għall-kompatibbiltà u l-konfigurazzjoni tal-apparat u tan-network.Il-kopertura ta’ persuni fuq roaming, inklużi turisti u persuni barranin temporanjament preżenti fiż-żona affettwata, hija parti mill-għan u r-rekwiżiti tas-soluzzjoni.
Ic-Cell Broadcast ma jeħtieġx reġistrazzjoni minn qabel, mobile application, lista ta’ numri tat-telefon, mobile data, Wi-Fi jew konnessjoni mal-internet sabiex titwassal it-twissija lill-apparat kompatibbli fiż-żona magħżula. Is-servizz Cell Broadcast jilħaq apparati li huma kompatibbli ma’ din it-teknoloġija. Hemm possibilita li telefon antik li ma jappoġġjax Cell Broadcast mhux se jirċievi tali twissija. Għalhekk eventwalment tista tiġi kkunsidrata s-soluzzjoni addizzjonali tal-location based SMS.
Il-pjattaforma tipprovdi kapaċità għal twissijiet multilingwi. L-Ingliż u l-Malti huma l-lingwi prinċipali previsti, filwaqt li l-użu ta’ lingwi oħra jista’ jiġi determinat skont in-natura tal-emerġenza u l-ħtiġijiet operattivi. Is-sistema tipprovdi kapaċitajiet ta’ monitoraġġ, logging u audit dwar it-trażmissjoni u l-ipproċessar tat-twissijiet min-networks. Madankollu, billi Cell Broadcast huwa mekkaniżmu one-to-many u ma jiddependix fuq lista ta’ numri individwali, il-konferma li messaġġ intbagħat jew ġie pproċessat minn network mhijiex neċessarjament ekwivalenti għal konferma ta’ riċevuta minn kull handset individwali
Excess Mortality u Temperature Attributable Mortality
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3184 u jgħid jekk il-Gvern jikkalkulax l-excess mortality u t-temperature-attributable mortality waqt temperaturi estremi u heatwaves u, jekk iva, jispeċifika:
(a) is-snin u l-perjodu użati sabiex jiġi stabbilit il-baseline tal-imwiet mistennija;
(b) jekk il-baseline jiġix aġġustat għat-tkabbir u t-tixjiħ tal-popolazzjoni, ix-xejriet fit-tul u l-varjazzjoni staġjonali;
(c) liema kejl tat-temperatura jintuża u jekk jiġux ikkunsidrati l-umdità, it-temperaturi minimi ta’ billejl, it-tul u l-intensità tal-heatwave;
(d) jekk jiġux ikkunsidrati l-effetti differiti tas-sħana fuq il-mortalità fil-jiem ta’ wara;
(e) jekk l-analiżi tiġix aġġustata għal fatturi oħra, fosthom it-tniġġis tal-arja u l-prevalenza ta’ mard infettiv; u
(f) liema definizzjoni operattiva ta’ heatwave tintuża mill-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta?
Jista’ jiddentifika d-dati tal-heatwaves jew tal-livelli ta’ twissija tas-saħħa relatati mas-sħana bejn Ġunju u Settembru tas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026? Jekk il-Gvern ma jikkalkulax l-excess mortality jew it-temperature-attributable mortality, jista’ jgħid għaliex dawn l-istimi ma jsirux u jekk hemmx il-ħsieb li tiġi stabbilita sistema nazzjonali ta’ monitoraġġ tal-mard u tal-mortalità attribwibbli għas-sħana?
Kriterji kliniċi użati għall-imwiet bi sħana eċċessiva
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3183 u jgħid liema definizzjoni, kriterji kliniċi, kriterji epidemioloġiċi u metodoloġija jintużaw mill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex mewta tiġi identifikata u kklassifikata bħala relatata mas-sħana eċċessiva?
Jista’ jispeċifika:
(a) liema kodiċijiet tal-ICD-10 jintużaw, inklużi X30 u T67 u s-sottokategoriji tagħhom;
(b) jekk jiġux eżaminati kemm il-kawża prinċipali kif ukoll il-kawżi sekondarji jew kontributorji fuq iċ-ċertifikat tal-mewt;
(c) jekk jitqisux ir-rekords mediċi u tal-isptar, iċ-ċirkostanzi tal-esponiment u d-data meteoroloġika;
(d) kif jiġu identifikati każijiet fejn is-sħana aggravat kundizzjoni kronika jew kundizzjoni eżistenti; u
(e) jekk il-metodoloġija hijiex konformi mal-linji gwida tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u mal-prattika Ewropea rikonoxxuta?
Persuni li mietu b’heatstrokes fl-2023, 2024, 2025 u 2026
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3182 u jgħid f’Malta u f’Għawdex, separatament, matul ix-xhur ta’ Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru tas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026, kemm ġew irreġistrati mwiet li fihom minħabba l-esponiment għal sħana naturali eċċessiva, heatstroke, sunstroke, ipertermija jew kundizzjoni oħra relatata mas-sħana kienu rreġistrati bħala:
(a) il-kawża prinċipali tal-mewt; jew
(b) kawża sekondarja, kontributorja jew fattur li kkontribwixxa għall-mewt?
Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont ix-xahar, separatament għal Malta u Għawdex, is-sess, gruppi ta’ età 0–64, 65–74, 75–84 u 85 sena jew aktar?
Jista’ jgħid ukoll, għall-istess perjodi, kemm kienu:
(a) l-imwiet osservati minn kull kawża;
(b) l-imwiet mistennija skont il-baseline użat mill-awtoritajiet;
(c) l-excess all-cause mortality waqt perjodi ta’ temperaturi estremi u heatwaves; u
(d) l-għadd stmat ta’ mwiet attribwibbli għal temperaturi għoljin, inklużi mwiet li fihom is-sħana ma ġietx imniżżla fuq iċ-ċertifikat tal-mewt iżda setgħet wasslet għall-aggravament ta’ kundizzjoni eżistenti, fosthom mard kardjovaskulari, ċerebrovaskulari, respiratorju jew renali, id-dijabete u kundizzjonijiet relatati mas-saħħa mentali?
Jista’ jipprovdi dawn l-istimi bħala għadd ta’ mwiet u bħala rata għal kull 100,000 persuna, flimkien mal-intervalli ta’ kunfidenza jew miżura oħra tal-inċertezza statistika? Fejn id-data għall-2026 għadha mhix finalizzata, jista’ jipprovdi l-aħħar data proviżorja disponibbli, jindika d-data sa meta tkopri u jgħid meta mistennija tkun disponibbli d-data finali?
Imwiet tal-bhejjem waqt mewġiet ta' sħana – Miżuri
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri konkreti qed jieħu jew qed jippjana l-Gvern biex jipproteġi l-bhejjem f'Malta u Għawdex minn temperaturi estremi u mewġiet ta' sħana, partikolarment matul ix-xhur tas-sajf? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx skemi ta' għajnuna finanzjarja jew teknika għall-bdiewa u r-raħħala sabiex jinvestu f'sistemi ta' ventilazzjoni, tkessiħ, dell u provvista adegwata tal-ilma, bil-għan li jitnaqqas ir-riskju ta' mwiet fost il-bhejjem?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbiltà għall-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali miżmuma fl-irziezet, inkluż it-teħid tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġu protetti mit-temperaturi estremi u l-effetti tagħhom fuq saħħithom, taqa’ fuq min iżomm dawn l-annimali.
Madankollu, il-Gvern qed jassisti lil dawk li jrabbu l-annimali permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni, gwida u konsulenza teknika, kif ukoll billi jiffaċilita l-ippjanar u jappoġġa investimenti mmirati lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-annimali u t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-irziezet għall-effetti tat-tibdil fil-klima.
Permezz tas-servizzi ta’ konsulenza agrikola, il-bdiewa jistgħu jingħataw pariri mfassla għall-kundizzjonijiet partikolari tal-azjenda tagħhom, fosthom fir-rigward tal-akkomodazzjoni tal-annimali, il-ventilazzjoni u t-tkessiħ, il-provvista tal-ilma, in-nutrizzjoni, il-bijosigurtà u l-ġestjoni ġenerali. Il-linji gwida dwar it-tfassil ta’ programmi ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali jipprevedu wkoll li l-pjanijiet tal-azjendi jikkunsidraw miżuri ta’ emerġenza relatati mal-għalf u l-ilma f’kundizzjonijiet bħal nixfa u temperaturi estremi.
B’mod komplementari, l-interventi tal-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) jipprovdu għajnuna finanzjarja għal investimenti produttivi fl-azjendi agrikoli, inkluż xiri ta’ makkinarju u tagħmir ġdid u titjib fl-infrastruttura. F’dan il-qafas, jistgħu jiġu appoġġati investimenti bħal sistemi ta’ ventilazzjoni u tkessiħ, dell għall-akkomodazzjoni tal-bhejjem u sistemi li jassiguraw provvista adegwata tal-ilma, dejjem suġġett għall-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-iskemi u għall-valutazzjoni tal-investiment propost.
B’hekk, l-approċċ lejn temperaturi estremi huwa mmirat lejn prevenzjoni u adattament aktar fit-tul, permezz ta’ konsulenza, monitoraġġ, ippjanar u investimenti li jgħinu lill-azjendi jsaħħu r-reżiljenza tagħhom filwaqt li jħarsu l-benesseri tal-annimali.
Imwiet ta' bhejjem minħabba s-sħana – Investigazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux investigazzjonijiet jew valutazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti dwar imwiet ta' bhejjem li setgħu kienu relatati mat-temperaturi għoljin matul ix-xhur ta' Ġunju sa Settembru 2026? Jista' jgħid ukoll x'kienu s-sejbiet ta' dawn l-investigazzjonijiet, jekk saru, u jekk ġewx identifikati xi kategoriji ta' bhejjem jew tipi ta' rziezet li huma partikolarment vulnerabbli għall-istress mis-sħana?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati mwiet ta' bhejjem f'irziezet f'Malta u Għawdex minn Ġunju sa Settembru 2026, maqsuma xahar b'xahar? Jista' wkoll jagħti rendikont separat skont it-tip ta' annimal, inklużi baqar, fniek, nagħaġ, mogħoż, ħnieżer, tjur u bhejjem oħra, filwaqt li jindika kemm minn dawn l-imwiet ġew attribwiti għal temperaturi għoljin jew stress ikkawżat mis-sħana?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li n-numru ta’ mwiet ta’ bhejjem f'irziezet f'Malta u Għawdex minn Ġunju sa Settembru 2026 skont in-National Livestock Database (NLD) huwa indikat fit-tabella segwenti.
Tip ta' Annimali
Ġunju
Lulju
Awwissu
Settembru
Bovini
99
100
151
83
Ovini
126
119
202
154
Caprini
65
40
44
45
Tiġieġ
385
0
250
24
Majjali
187
89
122
80
Total
862
348
769
386
Din it-tabella tagħti rendikont ta’ kemm mietu annimali, maqsuma xahar b’xahar. L-Awtorita' għas-Sigurta' ta' l-Ikel ma jkollhiex informazzjoni dwar il-kawża tal-mewt, iżda tiġi nfurmata biss jekk l-ammonti ta' mwiet ikunu ta’ perċentwal iktar minn normal minħabba kawża ta’ xi mard jew temperaturi estremi.
Fir-rigward tal-fniek, dawn ma jkunux notifikati bħal annimali oħra, u għalhekk tali informazzjoni mhix disponibbli.
Climate Vulnerability and Risk Assessment (VRA) – Dokumenti
Question
B'referenza għall-valutazzjoni nazzjonali tal-vulnerabbiltà u r-riskji marbuta mat-tibdil fil-klima fuq l-ekonomija Maltija, magħrufa bħala l-Climate Vulnerability and Risk Assessment (VRA), li ġiet ikkummissjonata permezz tas-sejħa għall-offerti SPD8/2021/004 u mogħtija lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fil-21 ta' Mejju 2021 għall-valur ta' €452,540 eskluż il-VAT, u b'referenza wkoll għar-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ta' Ġunju 2025, "Climate Change Adaptation: Evaluating Malta's efforts relating to Flooding and Sea Level Rise", tista’ l-Ministru:
i. tgħid jekk ir-rapport finali ta' din il-valutazzjoni, wasalx il-Ministeru f'Mejju 2024 u mgħoddi lill-Gvern f'Jannar 2025, kif dokumentat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, u għaliex, minkejja ż-żmien li għadda, ir-rapport sħiħ u d-dokumentazzjoni teknika relatata miegħu għadhom ma ġewx identifikati bħala pubblikament aċċessibbli;
ii. tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja integrali tar-rapport finali tal-VRA, flimkien mal-Impact Chain Report, il-Policy Review Report, l-Assessment Report of Climate Impacts in the Maltese Islands, l-Evaluation Framework Report, l-Evaluation Report of Climate Vulnerability in the Maltese Islands, il-metodoloġiji, il-mudelli, is-senarji klimatiċi, il-mapep ġeografiċi, ir-riżultati settorjali u l-valutazzjonijiet ekonomiċi kollha li kienu parti mill-kuntratt; u
iii. tispeċifika għal kull dokument (jekk ma tistax tipprovdi dawn id-dokumenti kollha) ir-raġuni għan-nuqqas ta' żvelar, il-bażi legali preċiża, l-awtorità li ddeċidiet li tillimita l-aċċess, id-data ta' din id-deċiżjoni u jekk ġietx ikkunsidrata l-pubblikazzjoni parzjali jew b'redazzjonijiet limitati skont il-liġi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-rapport finali tal-Climate Vulnerability and Risk Assessment (VRA) wasal għand il-Ministeru f'Mejju 2024 u ġie sottomess lill-Gvern f'Jannar 2025, kif dokumentat ukoll fir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Fir-rigward tat-talba sabiex jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti u d-dokumentazzjoni msemmija, il-pożizzjoni tal-Gvern tibqa' konsistenti ma' dik adottata fil-kuntest tat-talbiet magħmula skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Partijiet V u VI tal-imsemmi Att. M'hemmx aktar informazzjoni x'tiżdied ma' dik diġà dokumentata fir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza – Sistema ta’ twissijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, f’każ li Malta terġa’ tiffaċċja maltempata qawwija jew sitwazzjoni oħra ta’ emerġenza simili għall-Maltempata Harry, x’miżuri operattivi għandu attwalment fis-seħħ il-Gvern sabiex jiżgura li t-twissijiet jaslu fil-ħin għand il-persuni kollha fiż-żoni affettwati? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern hux ser ikompli jiddependi fuq ix-xandir tradizzjonali u l-media soċjali, jew jekk hux ser jintroduċi miżuri temporanji ta’ twissija diretta fuq il-mobile sakemm is-sistema Reverse 112 issir kompletament operattiva? Jista’ jgħid ukoll kif dawn il-miżuri ser jilħqu wkoll persuni anzjani, turisti, ħaddiema u residenti barranin, partikolarment dawk li ma jsegwux il-mezzi tax-xandir Maltin jew il-paġni uffiċjali fuq il-media soċjali? Jista’ jgħid ukoll jekk is-sistema Reverse 112 hijiex attwalment operattiva, u jekk le, x’inhi d-data prevista għat-tħaddim tagħha, u jekk sarux testijiet li jikkonfermaw il-kapaċità tagħha li tilħaq apparati kompatibbli b'SIM cards Maltin u barranin?
Jista’ l-Ministru jgħid liema sistema ta’ twissijiet pubbliċi kienet formalment fis-seħħ bejn il-21 ta’ Ġunju 2022 u l-introduzzjoni tas-sistema Reverse 112, u jispeċifika jekk din kinitx konformi mal-Artikolu 110(1) jew mal-Artikolu 110(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe valutazzjoni teknika jew legali, imwettqa fid-dawl tal-linji gwida tal-BEREC, li turi l-effettività tas-sistema, partikolarment f’termini ta’ kopertura ġeografika, ħin tat-trażmissjoni tat-twissijiet u kapaċità li jintlaħqu l-persuni kollha fiż-żoni affettwati, inklużi turisti, persuni li jużaw servizzi ta’ roaming u persuni temporanjament preżenti f’Malta? Jista’ jgħid ukoll liema awtorità kienet responsabbli sabiex tivverifika din il-konformità u jekk sarux testijiet dokumentati tal-effettività tas-sistema?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3186, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed iqis it-twissijiet permezz tal-media soċjali u l-mezzi tax-xandir bħala sistema alternattiva konformi mal-Artikolu 110(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, meta l-istess artikolu jeskludi espressament is-servizzi tax-xandir mill-mezzi alternattivi previsti? Jekk iva, jista’ jispjega fuq liema bażi legali u teknika l-Gvern wasal għal din il-konklużjoni? Jekk le, jista’ jidentifika liema sistema oħra kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-istess artikolu matul il-Maltempata Harry ta’ Jannar 2026?
Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3187, tista’ l-Ministru tgħid jekk ir-riżultati tal-analiżijiet tekniċi u ekonomiċi li indikat li qed jitwettqu humiex ser jintużaw sabiex Malta tressaq proposti għal miżuri ta' mitigazzjoni jew trattament speċifiku li jirrifletti d-dipendenza strutturali tal-pajjiż fuq il-konnettività marittima u tal-ajru?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 3549.
Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3187, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern ikkunsidrax l-istudju ppubblikat mill-Bank Ċentrali ta' Malta fl-2024, bit-titlu "The extension of the EU emissions trading system to maritime transport: Implications for Maltese imports and wider ramifications", li analizza l-effetti ekonomiċi potenzjali taż-żieda fl-ispejjeż marittimi, u jekk hux qed jintuża bħala bażi għall-analiżijiet nazzjonali attwali, inkluż sabiex jiġu identifikati l-effetti addizzjonali fuq l-esportazzjonijiet li ma kinux ġew immudellati separatament fl-istess studju?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 3549.
Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3187, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-analiżijiet tekniċi u ekonomiċi li indikat li qed jitwettqu humiex qed jikkunsidraw ukoll l-effett kumulattiv fuq l-esportazzjonijiet Maltin, partikolarment il-każijiet fejn negozju jġarrab spejjeż relatati mal-emissjonijiet fuq it-trasport tal-materja prima u l-komponenti importati, fuq il-produzzjoni lokali fejn applikabbli, u għal darb'oħra fuq it-trasport tal-prodotti lesti lejn swieq barranin, kif ukoll l-effetti potenzjali fuq il-kompetittività tal-esportaturi Maltin meta mqabbla ma' dawk ta' Stati Membri li għandhom aċċess dirett għat-trasport bit-triq jew bil-ferrovija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 3549.
Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3187, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern hux ser jippubblika r-riżultati tal-analiżijiet tekniċi u ekonomiċi li indikat li qed jitwettqu, inklużi stimi kwantitattivi tal-impatt fuq l-ispejjeż tat-trasport marittimu u bl-ajru, l-importazzjoni ta' prodotti essenzjali, il-kompetittività tan-negozji, l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja għall-familji Maltin u Għawdxin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 3549.