Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista' jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Obbligi tal-patrimonju
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ fatturi/invoices u dettalji assoċjati li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ħarġet biex jinġabru ‘obbligi tal-patrimonju’/‘heritage obligations’ kif mitluba fit-tabella annessa, mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif infurmat mill-SCH l-informazzjoni mitluba u kif rikjesta ma tistax tkun fornuta minħabba restrizzjoni tal-protezzjoni tad-data.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Siti ta’ żvilupp
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista kif mitluba fit-tabella annessa li telenka s-siti tal-iżvilupp, numru tal-applikazzjoni/permess, it-tip u n-numru ta’ features jew strutturi ta’ valur kulturali li ġew approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex jitkissru jew jinħattu, suġġett li jitħallas ‘obbligu tal-patrimonju’/‘heritage obligation’ u l-ammont tal-‘obbligu tal-patrimonju’/‘heritage obligation’ impost, mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif infurmat mill-SCH l-informazzjoni mitluba u kif rikjesta ma tistax tkun fornuta minħabba restrizzjoni tal-protezzjoni tad-data.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord għall-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) u fuq liema kriterji ntgħażlu biex ikunu fuq dan il-bord?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-membri tal-bord huma s-Sinjura Phyllis Muscat bħala ċerpersin, il-viċi ċerpersin, Dr Georgina Portelli, u l-membri Dr Claire Cassar, s-Sur Francis Sultana, s-Sur Martin Scicluna, s-Sur Patrick Camilleri u s-Sinjura Gabriella Agius.
Dawn in-nies intgħażlu fuq il-bazi tal-esperjenza tagħhom fil-karriera u l-kamp rispettivi tagħhom, li jinkludu l-arti u d-diżinn, l-edukazzjoni, il-management u l-finanzi, kif ukoll l-amministrazzjoni ta' proġetti kulturali infrastrutturali, kwalitaijiet neċċessarji sabiex jitmexxa x-xogħol estensiv li wassal għas-suċċess tal-Malta International Contemporary Arts Space.
Jista’ l-Ministru jgħid liema linji gwida jew kriterji ġew applikati fl-għażla tal-artisti barranin u Maltin għall-esebizzjoni ġewwa l-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) (għall-inawgurazzjoni) jew jekk kinux sempliċement mistiedna? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm xi konsulenti tal-arti jew konsulenti oħrajn konsultattivi barranin involuti fil-proċess tal-għażla? Jekk iva, jista’ jipprovdi lista ta’ min huma u jipprovdi t-termini tal-ingaġġ tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-MICAS li bħala aġenzija tal-gvern stabilita bil-liġi, l-għażla tal-artisti internazzjonali u Maltin li jiffurmaw parti mill-programm artistiku tal-MICAS għas-snin li ġejjin, huma ggwidati u mnebbħa mid-dokument ‘MICAS Artistic Programme Policy’.
Primarjament, il-MICAS hija instituzzjoni li turi d-distintività u l-ambizzjoni tagħha permezz tal-programm ta’ wirjiet tagħha u firxa ta’ attivitajiet pubbliċi u akkademiċi. Il-mandat legali tal-MICAS jiddikjara li dan huwa mużew internazzjonali, u għalhekk trid tiżviluppa u żżomm programm li huwa kkaratteriżżat mill-innovazzjoni u impenn lejn l-ogħla standards artistiċi u intellettwali - pari-passu mal-prassi ta' mużewijiet internazzjonali ta' kalibru.
Sabiex tpoġġi lilha nnifisha fuq quddiem nett tat-tendenzi ġodda u xejriet emerġenti fl-arti kontemporanja, il-Kumitat Kreattiv tal-MICAS huwa magħmul primarjament minn professjonisti tal-arti b’konnessjonijiet fid-dinja internazzjonali tal-arti: immexxi mid-direttur artistiku Edith Devaney, kif ukoll mal-membri tal-bord Phyllis Muscat (ċerpersin eżekuttiv), Dr Georgina Portelli, u Francis Sultana (Ambaxxatur Malti għall-Kultura).
L-għażla tal-artista internazzjonali Portugiża Joana Vasconcelos tifforma parti minn strateġija sabiex il-programm ta’ wirja jistabbilixxi lil MICAS internazzjonalment u jżomm il-pożizzjoni tiegħu fix-xena dinjija, kif ukoll jiġbed lejn Malta udjenzi li jfittxu destinazzjonijiet kulturali.
Għal-kumplament, il-programm se jippreżenta skeda varjata ta’ wirjiet ambizzjużi li huma akkademiċi, iżda aċċessibbli għall-udjenzi tagħna. Il-wirjiet waħedhom ta’ artisti stabbiliti se jkunu bbilanċjati minn wirjiet ta’ gruppi magħżula bir-reqqa u opportunitajiet biex jintwera x-xogħol ta’ artisti emerġenti Maltin u internazzjonali.
Jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet ta' artisti Maltin magħżula għall-wirjiet tal-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll min għażilhom u l-proċess ta’ kif intgħażlu?
Response (BONNICI, OWEN)
Qabel xejn nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-eżebizzjoni unika li saret fl-2023, b’mod virtwali kif ukoll fil-ktieb stampat, ‘Between Sea and Land’. Dakinhar, qabel ma tlesta l-MICAS, ġiet varata eżebizzjoni ta’ ħafna artisti kemm emerġenti u veterani, bl-użu tal-VR headsets juru din l-arti – kemm ‘fiżika’ kif ukoll diġitali – fis-swali tal-MICAS (li dakinhar kienu għadhom lanqas tlestew) fuq il-pjattaforma diġitali Vortic.
Ninsab infurmat mill-MICAS li l-artisti kienu: Caesar Attard, Matthew Attard, Norbert Francis Attard, Aaron Bezzina, Ruth Bianco, Vince Briffa, Austin Camilleri, Charlie Cauchi, Angelo Dalli, Patrick Fenech, Romeo Roxman Gatt, Anton Grech, David Pisani, Pierre Portelli, Teresa Sciberras, u Raphael Vella. L-għażla ta’ dawn l-artisti ġiet iggwdata mill-kumitat kreattiv tal-MICAS immexxi minn Edith Devaney, id-direttur artistiku tal-MICAS, fuq kriterju sabiex jintgħażlu artisti li kienu qed jaħdmu parzjalment jew kompletament f'forma diġitali, inkluża l-Intelliġenza Artifiċjali.
M'hemmx għalfejn ngħidu li proġett ta’ din l-ambizzjoni u l-kumplessità jiddependi fuq l-għarfien espert u l-kreattività ta' ħafna nies. Dawn jinkludu l-kuratur indipendenti bbażata fir-Renju Unit, Jo Baring, li ġabet l-esperjenza konsiderevoli tagħha f'dan il-proġett, kif ukoll Dr Katya Borg, li kkontribwiet għall-għarfien tagħha tal-arti kontemporanja Maltija.
Fl-2025, nhar d-9 ta’ Jannar, ġiet varata l-eżebizzjoni dwar Ray Pitrè bl-iskultura tiegħu Figure In Rods; u din is-sena, MICAS se torganiżża eżebizzjoni ta’ sitt artisti Maltin taħt tema komuni, mifruxa fuq it-tlett sulari tal-mużew.
Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri hemm fis-seħħ biex jiġu żgurati artisti emerġenti lokali kif ukoll artisti veterani stabbiliti biex jingħataw opportunitajiet għar-rappreżentanza fil-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS)?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-MICAS li naturalment, il-konverżazzjoni dwar min hu ‘emerġenti’ u ‘veteran’ hija nnifisha diskussjoni kumplessa fuq livell internazzjonali, speċjalment fejn tidħol arti Maltija li forsi dejjem kienet nieqsa minn pjattaforma internazzjonali. Dan hu, wara kollox, l-għan tal-MICAS.
Niġbed l-attenzjoni għall-eżebizzjoni unika li saret fl-2023, b’mod virtwali kif ukoll fil-ktieb stampat, ‘Between Sea and Land’. L-artisti kienu: Caesar Attard, Matthew Attard, Norbert Francis Attard, Aaron Bezzina, Ruth Bianco, Vince Briffa, Austin Camilleri, Charlie Cauchi, Angelo Dalli, Patrick Fenech, Romeo Roxman Gatt, Anton Grech, David Pisani, Pierre Portelli, Teresa Sciberras, u Raphael Vella.
Hawnhekk wieħed jista’ jixhed għall-firxa motivata ta’ artisti hekk imsejħa ‘emerġenti’ u ‘veterani’.
Ninsab infurmat ukoll li l-għażliet tal-kumitat kreattiv tal-MICAS mhumiex imnebbħa biss minn xi kunċett ta’ bilanċ, iżda kif hemm miktub fl-Artistic Programme Policy, kwalunkwe programm artistiku irid jiġi ġestit b’mod strateġiku sabiex ikun marbut mill-qrib max-xena tal-arti kontemporanja li dejjem tinbidel. Għalhekk, kwalunkwe wirja trid turi ambizzjoni, u xejra akkademika iżda filwaqt tkun aċċessibbli għall-udjenzi tagħna.
Kwotazzjoni mid-dokument: “Il-wirjiet waħedhom ta’ artisti stabbiliti se jkunu bbilanċjati minn wirjiet ta' gruppi magħżula bir-reqqa u opportunitajiet biex jintwera x-xogħol ta’ artisti emerġenti”.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23612 u jgħid kemm ġiet is-somma totali tas-Siġra tal-Milied li tinsab quddiem il-binja tal-Parlament? Jista’ jgħid ukoll kif intgħażel il-kuntrattur għal din is-siġra u jgħid ukoll ta’ min kienet l-idea ta’ din is-Siġra tal-Milied u kif sar il-qbil fuqha?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Forti Ricasoli fil-Kalkara hix proprjetà tal-Awtorità tal-Artijiet u jgħid minn min hi amministrata bħalissa? Jista’ jgħid ukoll jekk l-Awtorità krietx l-istess forti lil terzi bejn is-sena 2020 u l-ġurnata li fiha tiġi imwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jekk iva, jgħid lil min?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Artijiet tinsab f'diskussjonijiet mal-Malta Film Commission dwar il-ftehim fuq Fort Ricasoli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet is-somma totali tas-Siġra tal-Milied li tinsab quddiem il-binja tal-Parlament? Jista’ jgħid ukoll kif intgħażel il-kuntrattur għal din is-siġra u jgħid ukoll ta’ min kienet l-idea ta’ din is-Siġra tal-Milied u kif sar il-qbil fuqha?
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ġie jiswa l-Art Council Symposium li sar f’Ottubru li għadda ġewwa l-University of Malta Valletta Campus? Jista’ jagħti lista separata ta’ kif intefqu l-flus għalih fosthom catering, kiri ta’ apparat, għamara, flights u akkomodazzjoni ta’ mistednin u oħrajn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma l-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ninsab infurmat li ‘Is-Simpożju Stat tal-Arti 2024 huwa pjattaforma vitali għall-artisti u l-prattikanti kreattivi biex jingħaqdu, jikkollaboraw, u jsawru l-futur tal-pajsaġġ kulturali ta’ Malta. Din is-sena fuq jumejn bejn l-24 u l-25 ta’ Ottubru 2024 ġiet esplorata t-tema tal-ġid komuni, li offriet għarfien dwar tendenzi emerġenti, opportunitajiet għal tkabbir professjonali, u jrawwem l-innovazzjoni u r-reżiljenza fl-arti. Dan kien avveniment fejn kien hemm konverzazzjonijiet miftuħa u kritiċi li ser jikkontribwixxu sabiex il-KMA ikompli jiżviluppa strateġija li tirrifletti ir-realtajiet tal-prattikanti artistiċi. Is-Simpożju Stat tal-Arti kien fuq JUMEJN u kien BLA ĦLAS għall kull min xtaq jattendi.
Jista' l-Ministru jipprovdi rendikont tal-infiq separatament tas-somma ta’ 30 miljun ewro bħala investiment allokat lill-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS), inklużi l-infiq fuq il-kostruzzjoni, it-teknoloġija, it-tariffi tal-artisti u oqsma sinifikanti oħra? Jista’ jgħid ukoll x'perċentwal tal-baġit se jkun sejjer lejn il-promozzjoni u l-ingaġġ ta' artisti lokali Maltin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra mitluba kif mgħoddija lili mil-MICAS. Ninsab infurmat ukoll li 50% tal-Line vote 5098 tas-sena d-dieħla taħt il-MICAS se jiġi allokat għal artisti lokali Maltin.
Għawdex — Arkivju Nazzjonali u Librerija Nazzjonali
Question
Jista' l-Ministru jsostni l-wegħda li kienet saret snin ilu dwar l-estensjoni tal-Arkivju Nazzjonali u l-Librerija Nazzjonali f'Għawdex issa li l-kumplament tal-binja mhux iżjed qed tintuża bħala skola?
Response (BONNICI, OWEN)
It-taħditiet interni li jinvolvu iktar minn entità waħda, għadhom għaddejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kif tqassmu l-fondi allokati lid-diversi entitajiet u/jew individwi relatati ma’ Christmas in Gozo 2024, kif ukoll jispeċifika l-ammont eżatt mogħti lil kull entità u/jew individwu, kif ukoll fuq liema kriterji ġie deċiż kemm għandhom jingħataw fondi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kif tqassmu l-fondi allokati lid-diversi entitajiet u/jew individwi relatati ma’ Christmas in Gozo 2024, kif ukoll jispeċifika l-ammont eżatt mogħti lil kull entità u/jew individwu, kif ukoll fuq liema kriterji ġie deċiż kemm għandhom jingħataw fondi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi għall-attivitajiet kulturali relatati mal-Milied ġew allokati skont il-prattiċi stabbiliti fis-snin preċedenti. Kull organizzatur li kien qed jorganizza l-istess avveniment, bħas-snin ta’ qabel, irċieva l-istess livell ta’ finanzjament. Jekk l-avveniment kien jinkludi aspetti ġodda jew modifikazzjonijiet sinifikanti, l-organizzaturi rċevew żieda fil-fondi biex ikopru l-ispejjeż addizzjonali marbuta ma’ dawn l-innovazzjonijiet.
Biex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, l-avvenimenti ġodda kellhom ikunu innovattivi u jinkludu elementi distinti minn dawk li diġà kienu qegħdin isiru.
Jista’ l-Ministru jgħid kif tqassmu l-fondi allokati lid-diversi entitajiet u/jew individwi relatati ma’ Christmas in Gozo 2024, kif ukoll jispeċifika l-ammont eżatt mogħti lil kull entità u/jew individwu, kif ukoll fuq liema kriterji ġie deċiż kemm għandhom jingħataw fondi?
Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx rapport u jekk sar, tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra, biex tiġi ġġustifikata t-tneħħija tal-gaġeġ tal-għasafar (guvi) u jiġu mibdulin f’oħrajn ġodda, li jinsabu fil-Ġnien ta’ Sant’ Anton fejn dawn il-guvi nafu li ilhom jeżistu sa mill-inqas mis-sena 1929?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għas-sistema tal-Awtorità tal-Ippjanar E-Apps, fejn permezz tan-numru tal-applikazzjoni PA/07539/23, wieħed jista’ jsib id-dokumentazzjoni kollha, inklużi wkoll il-konsultazzjonijiet li saru mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH).
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Promotions
Question
Jista’ l-Ministru jagħti ġustifikazzjoni għaliex il-persuni li isimhom qed jingħata separatament ingħataw promotion arbitrarju fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali mingħajr ma saret ebda sejħa għall-applikazzjonijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-persuni kollha - eskluża waħda - li isimhom qed jingħata separament ġew promossi skond l-istruttura Maniġerjali maħruġa mill-People & Standards Division.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Pożizzjonijiet ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pożizzjonijiet il-ġodda li ngħataw lill-persuni li isimhom qed jingħata separatament, ma jiffurmawx parti mill-ftehim kollettiv tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor Interpellanta għat-twegiba mogħtija għal PQ 23309.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Ingaġġ ta’ persuni - Kuntratti
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta’ ingaġġ tal-persuni li isimhom qed jingħata separatament u li ngħataw promotion arbitrarju fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ittri tal-assimilazzjoni mgħoddija lili mill-SCH relattivi għall-persuni (eskluża persuna waħda) msemmija separatament illi jaqgħu taħt l-istruttura Maniġerjali tas-Sovrintendenza tal- Patrimonju Kulturali. Il-persuna eskluża hija on loan mal-SCH.