Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isiru x-xogħlijiet infrastrutturali fi Triq San Bastjan, Ħal Qormi, liema xogħlijiet kienu diġà ppjanati li jsiru fix-xhur li għaddew?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa Infrastructure Malta għaddejja b’diskussjonijiet mal-Enemalta rigward it-tisħiħ fid-distribution network f’Ħal Qormi, li abbażi tagħhom ser ikun hemm pjan ħolistiku ta’ xogħlijiet f’Ħal Qormi.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isiru x-xogħlijiet infrastrutturali fi Triq il-Belt Valletta, Ħal Qormi, liema xogħlijiet kienu diġà ppjanati li jsiru fix-xhur li għaddew?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi reġgħu bdew id-diskussjonijiet relatati ma’ dawn ix-xogħlijiet flimkien mal-Kunsill Lokali u l-entitajiet ikkonċernati, sabiex tiġi stabbilita’ data eżatta ta’ meta ser jibdew dawn ix-xogħlijiet, inkluż xogħlijiet tal-Enemalta, fl-ewwel kwart tas-sena 2027.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2010, jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-popolazzjoni massima f'pajjiżna (f'termini numeriċi) li l-infrastruttura ta' Malta tista' ssostni u jiġi ppreżentat l-istudju li wassal għal din il-kapaċità?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 2010.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlestew ix-xogħlijiet ta' restawr u restawr strutturali fil-Kappella tas-Salib tal-Għolja, biex iż-żona terġa’ tkun aċċessibbli għall-pubbliku?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onorevoli Intepellant li l-proġett ta’ restawr tal-Knisja tal-Lunzjata, fiż-żona magħrufa bħala tas-Salib tal-Għolja, issa daħal fl-aħħar fażi tiegħu.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 828 dwar il-proġett ta’ Għar Lapsi wara l-maltempata Harry, tista’ l-Ministru tagħti aġġornament fuq it-tielet fażi ta’ dan il-proġett?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għat-tielet fażi tax-xogħlijiet f’Għar Lapsi li tinvolvi l-interventi meħtieġa fuq il-blat perikoluż, ġew konklużi l-istudji ġeotekniċi u tħejjew proposti għall-interventi meħtieġa. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jiffinalizza l-method statements u l-bill of quantities meħtieġa sabiex ikun jista’ jqabbad kuntrattur speċjalizzat biex iwettaq dawn ix-xogħlijiet.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 828 dwar il-proġett ta’ Għar Lapsi wara l-maltempata Harry, tista’ l-Ministru tgħid jekk it-tieni fażi ta’ dan il-proġett, li beda f'nofs Lulju u li kellu jieħu 34 ġimgħa, għadux 'on track' li jitlesta fiż-żmien mogħti?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tieni fażi tal-proġett ta’ Għar Lapsi tinsab għaddejja skont il-pjan u x-xogħlijiet mistennija jitlestew fiż-żmien previst.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 988 fejn intqal li “x-xogħlijiet fi Triq Blat il-Qamar, is-Siġġiewi, huma maħsuba li jibdew hekk kif jitlesta ix-xogħol kollu ta’ twessiegħ fi Triq Bur il-Kbir u t-triq tkun aċċessibbli fuq żewġ karreġġjati” u fid-dawl li Infrastructure Malta ħabbret li Triq Bur il-Kbir ser tkun miftuħa fil-ġranet li ġejjin, jista’ l-Ministru jagħti data meta ser jibda ix-xogħol fi Triq Blat il-Qamar, liema xogħol kien diġà skedat u l-kuntrattur ġie magħżul?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Infrastructure Malta – Ammont dovut lill-kuntratturi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3271 fl-intier tagħha u jgħid jekk hemmx kuntratturi li sal-lum għadhom ma tħallsux għal xogħlijiet li twettqu u ġew iċċertifikati, kemm permezz ta’ ċertifikati finali kif ukoll ċertifikati interim? Jekk hemm, jista’ jgħid x’inhu l-ammont totali dovut (f’Ewro) minn Infrastructure Malta lil dawn il-kuntratturi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 3271.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3273 u ċjoè: Fid-dawl li hemm numru ta’ persuni li ilhom jistennew sabiex japplikaw u jagħmlu l-eżami għal-liċenzja ta’ bennej, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiftħu l-applikazzjonijiet? Jekk m’hemmx data speċifika, jista’ jagħti raġuni għal dan id-dewmien?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in segwitu għar-riforma mwettqa fil-qasam tal-Liċenzjar tal-Bennejja, l-Awtorità qed tassigura li s-sillabu jiġi aġġornat minn żmien għal żmien sabiex jirrifletti l-iżviluppi li jkunu qed iseħħu fis-settur, kif ukoll il-kompetenzi u l-ħiliet li bennej liċenzjat huwa mistenni li jkollu. Malli dan il-proċess jiġi finalizzat, jinfetħu l-applikazzjonijiet relatati.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3272 u jagħti figura finanzjarja dwar kemm għandha tiġbor fondi Infrastructure Malta mingħand entitajiet u azjendi tal-Gvern sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tiġi miġbura.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1860, 2296 u 3269 u jagħti dettalji, f'tabella, ta’ konsulenzi (inklużi periti, avukati u nutara) li tqabbdu jagħtu servizz lil Transport Malta mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż dettalji tal-valur li tħallsu individwalment?
Response (BONETT, CHRIS)
Qiegħda titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1858, 2294 u 3268 u jagħti dettalji, f'tabella, ta’ konsulenzi (inklużi periti, avukati u nutara) li tqabbdu jagħtu servizz lil Infrastructure Malta mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż dettalji tal-valur li tħallsu individwalment?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tiġi miġbura.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1862 u 2297 u jagħti dettalji, f'tabella, dwar kemm hemm impjegati fi ħdan Identità sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll f’liema grad jaħdmu u l-livell ta' kwalifiki tagħhom (MQF level)?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 376 impjegat jaħdmu f’Identita, li jokkupaw diversi gradi u li għandhom kwalifiki akkademiċi u professjonali differenti, skont ir-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet marbuta mal-karigi rispettivi tagħhom.
Is-Siġġiewi – Knisja Parrokkjali – Xogħol fuq iz-zuntier
Question
Fid-dawl li x-xogħol fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi beda f'Jannar tal-2024, tista' l-Ministru tipprovdi data għal meta ser ikun lest fit-totalità tiegħu?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar xogħlijiet fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi huma mistennija jitlestew sa tmiem din is-sena.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 1857 u 2293 dwar il-miri relatati mal-proġett tal-flyover tal-Marsa, fejn ġie mwieġeb li “l-miri msemmija intlaħqu, u dan abbażi ta’ analiżi interna li saret wara li ntemm il-proġett.”, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din l-analiżi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett tal-Marsa Junction kien investiment infrastrutturali importanti, immirat biex itejjeb l-effiċjenza tan-network tat-toroq, inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar u jindirizza l-impatt ambjentali tat-traffiku.
L-analiżi interna mwettqa wara t-tlestija tal-proġett indikat li l-miri ewlenin intlaħqu, b’titjib fil-fluss tat-traffiku, tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar u fl-emissjonijiet mill-vetturi, hekk kif kien previst.
Dan il-proġett jifforma parti mill-ħidma kontinwa tal-Gvern biex ikompli jinvesti f’infrastruttura tat-toroq aktar effiċjenti u sostenibbli, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u ta’ dawk kollha li jużaw it-toroq tagħna.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2147 fl-intier tagħha u jgħid meta ser isiru Triq il-Muża, parti minn Triq Santa Margerita, parti minn Triq it-Tabib Nikola Zammit, Triq iż-Żerniq u Triq l-Għid, fis-Siġġiewi, peress li dawn kienu diġà fil-lista ta' Infrastructure Malta u kellhom jitlestew sas-sena 2024?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-kas ta’ l-imsemmija lokalita’ saru xogħlijiet f’diversi toroq fosthom Triq Anabelle Vassallo, Triq Imqabba, Triq il-Knisja Qadima, Triq Eusebio Buhagiar, Triq Nikolo Baldacchino, Triq Giancomo Leopardi u s-sqaq, Triq Ta’ Kandja, Triq Salvu Borg Olivier, Parti minn Blat il-Qamar, Triq tar-Rangu, Limiti ta’ Żejnu, Sqaq fi Triq il-Panoramika, Triq Santu Kristu tal-Għolja, Triq il-Madonna tal-Girgenti, Triq Wied tal-Lewża, Parti minn Triq Għajn il-Kbira, Sqaq fi Triq Ċensu Moran, Sqaq fi Triq San Lawrenz tal-Għolja, Sqaq fi Triq Wied Ħanżir, Sqaq ta’ Għaqba, Triq tal-Għaqba, Triq Wied Kosta u parti minn Triq Gianpula. Fil-frattemp, bħalissa qed isiru proġetti maġġuri f’din l-istess lokalita’ fosthom Vjal Kulħadd fi Triq Monsinjur Mikiel Azzopardi u t-twessiegħ ta' Triq Bur il-Kbir li sservi ta' rotta alternattiva għall-dawk li jivvjaġġaw fiż-żoni tal-madwar.
Ix-xogħlijiet fit-toroq jiġu allokati skond l-esiġenzi u l-prioritajiet tal-lokalita’ rispettiva tagħhom.
Fid-dawl li hemm numru ta’ persuni li ilhom jistennew sabiex japplikaw u jagħmlu l-eżami għal-liċenzja ta’ bennej, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiftħu l-applikazzjonijiet? Jekk m’hemmx data speċifika, jista’ jagħti raġuni għal dan id-dewmien?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2145 u ċjoè: B’referenza għall-billboards li ttellgħu minn Infrastructure Malta fix-xhur ta’ qabel l-Elezzjoni Ġenerali illi jgħidu “1,000 triq fl-aħħar sentejn”, jista’ l-Ministru:
i. jipprovdi lista bl-ismijiet ta’ kull triq u l-lokalità; u
ii. jgħid x’tip ta’ xogħlijiet saru f’kull triq, inkluż it-tul f’metri tal-istess xogħlijiet f’kull triq?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta twettaq diversi tipi ta’ xogħlijiet infrastrutturali madwar Malta. Dawn ivarjaw minn xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswija meħtieġa biex tinżamm l-infrastruttura tat-toroq f’kundizzjoni tajba, għal interventi relatati mat-tqattigħ u r-reinstatement ta’ trinek sabiex jiġu installati jew imtejba servizzi u networks taħt l-art, kif ukoll xogħlijiet imwettqa b’kollaborazzjoni ma’ jew f’isem entitajiet oħra. Barra minn hekk, l-Aġenzija twettaq rikostruzzjonijiet sħaħ ta’ toroq, li jistgħu jinkludu s-sostituzzjoni jew it-tisħiħ tas-saffi tat-triq, bankini, sistemi tad-drenaġġ u infrastruttura oħra, kif ukoll proġetti infrastrutturali maġġuri li jinvolvu junctions, flyovers, underpasses, rotot ġodda u infrastruttura għal mezzi ta’ trasport alternattivi. Għaldaqstant, in-natura, il-kobor u l-ispiża tax-xogħlijiet ivarjaw konsiderevolment skont l-iskop u l-kumplessità tal-intervent meħtieġ.
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet fit-toroq fil-lokalitajiet madwar il-pajjiż.
Jista' l-Ministru jagħti figura finanzjarja dwar kemm għandha tiġbor fondi Infrastructure Malta mingħand entitajiet u azjendi tal-Gvern sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.