Jista' l-Ministru jgħid x'se tkun il-pożizzjoni għar-rigward tas-sajjieda li ma jafux jiktbu u jaqraw u li ġew mogħtija apparat elettroniku sabiex jirreġistraw il-qbid tagħhom? Jista' jgħid għalfejn dawn is-sajjieda qed ikollhom ħobżhom mhedded b'rekwiżiti li żgur mhumiex se jesponu ruħhom għal tant sagrifiċċji u tbatija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32841 fejn spjegajt il-mod kif tfassal il-programm ta’ taħriġ li ngħata fuq bażi ndividwali. Dan l-arranġament ġie diskuss u maqbul mal-kooperativi tas-sajjieda, tant li ġew magħżula seba’ sajjieda inominati miż-żewġ kooperativi tas-sajjieda bħala proġett pilota sabiex jiġi assigurat li s-sistema tirrispondi għal ħtiġijiet ta’ l-istess sajjieda. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li is-sistema elettronika ġiet żviluppata b’mod ibbażata fuq prinċipju ta’ Graphical User Interface fejn is-sajjied kull ma jrid jagħmel huwa li jagħfas stampa li ttellagħlu s-sistema jew numru. Dan biex b’hekk ikun minimizzat, jekk mhux eliminat għal kollox, il-bżonn tad-dħul tal-informazzjoni b’ intevent manwali. B’dan il-mod se jiġi żgurat li anke dawk li huma nieqsa mill-ħiliet fil-kitba ikunu jistgħu jagħmlu użu minn dan l-apparat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' bini li Transport Malta żżomm b'titolu ta' kera? Jista' jindika liema huma dawn il-binjiet u min huma s-sidien tagħhom? Jista' jgħid kemm qed tkun in-nefqa f'kiri għal dawn il-binjiet fis-sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li impjegat li huwa stazzjonat fid-Direttortat tal-Avjazzjoni fi ħdan it-Transport Malta għamel ġranet tas-Sibt jidħol overtime? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol kien qed jesegwixxi?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema impjegat qed jirreferi.
Peress li Transport Malta għandha fi ħdanha impjegati li jaħdmu bħala skrivani minn kumpanija privata, kif ukoll skrivani oħrajn li qegħdin jesegwixxu xogħolhom b'kuntratt, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa numru ta' skrivani minn din il-kumpanija u kemm hemm impjegati li jesegwixxu xogħolhom b'kuntratt? Jista' jindika min hija l-kumpanija u jgħid jekk hemmx pjanat li xi wħud min dawn isiru tal-post?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant fir-risposta li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15392, jien infurmat li bħalissa hemm 32 skrivan fi Transport Malta li huma minn kumpanija privata u cioe' mis-Secretarial Services Ltd. Jien infurmat ukoll li Transport Malta m'għandhiex skrivani bil-kuntratt u m'hemm l-ebda ħsieb li l-iskrivani tal-kumpanija msemmija b'xi mod dirett isiru tal-post ma' Transport Malta. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-ingaġġ ta' nies ma' Transport Malta huwa regolat mill-Employment and Training Corporation Act, mill-Authority for Transport in Malta Act, kif ukoll mill-Kostituzzjoni kif applikabbli għall-entitajiet tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux fis-seħħ l-Maritime Affairs Committee fi ħdan Transport Malta? Jekk fl-affermattiv, jista' jindika min huma l-membri ta' dan il-kumitat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Maritime Supervisory Committee huwa mmexxi mis-Sur Mark Portelli fil-kariga ta' Chairman ta' dan il-kumitat. Il-Membri ta' dan il-kumitat huma s-Sinjura Francesca Mamo u s-Sur Josie Licari.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed ikollu l-pensjoni mnaqqsa u ma ġie mogħti l-ebda spjegazzjoni għad li ripetutament talab spjega?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33909, fejn intalbet l-istess informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, permezz tat-tliet ittri li l-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament ġie ndikat li ried iħallas ammonti ta' flus li dawn kellhom ikunu anqas fuq l-ewwel wieħed li għal tliet darbiet tnaqsulu 5% ta' kull cheque tal-pensjoni?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-proġetti kapitali li se jkunu finanzjati mill-gvern iżda li se jkun maneġjat minn Transport Malta u cioè bħalma huma bini ta' toroq? Jista' jindika l-ammont stmat li se jkun allokat għas-sena 2012?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Lista' ta' proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' proġetti kapitali li se jkunu finanzjati mill-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid kemm hu l-ammont ta' tali proġetti? Jista' jgħid kemm se tammonta l-parti tal-gvern bħala konfinanzjament għall-istess proġetti?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-impjegati, bl-indikazzjoni tal-grad ta' kull wieħed, tal-impjegati fi ħdan Transport Malta u liema impjegati ma kenux jagħmlu parti mill-Awtorità dwar it-Trasport kif qabel kienet magħrufa?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra analiżi dettaljata stante li dik preżentata fl-estimi ta' Transport Malta 2012 mhija xejn ċara, li turi break analysis dettaljat tad-dħul u ħruġ kollu mill-parti tad-Direttorat għas-sena 2012, flimkien ma' analiżi dettaljata komparattiva tal-istess għas-sena 2011?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li żewġt impjegati mid-Direttorat tal-Infurzar dejjem toħroġilhom roster sabiex jesegwixxu xogħol fil-Belt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi peress li s-sistema tal-bollard fil-Belt Valletta tirrikjedi li jkun hemm dejjem u f’kull ħin, jiġifieri 24 siegħa kuljum, il-ġimgħa kollha, uffiċċjali ta’ Transport Malta disponibbli, għalhekk huwa prattikabbli li dawn l-uffiċċjali jagħmlu dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex iċ-Chief Officer, Senior Manager jew il-Manager tad-Dipartiment tal-Infurzar qatt ma ħadu azzjoni fil-konfront tal-impjegat mill-istess direttorat meta dan ma jilbisx l-uniformi bħal sħabu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ma kienx hemm każijiet fejn impjegati ta' dan id-direttorat li ma jilbsux l-uniformi bħal sħabhom u ma jittieħdux passi dixxiplinarji, iżda jekk l-Onor. Interpellant jaf b'xi każ allura nitolbu jindikahuli.
Jista' l-Ministru jgħid lil min Transport Malta għaddiet ix-xogħol sabiex tiġi rranġata crash barrier f'Xatt il-Barriera l-Belt Valletta? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa għal din il-biċċa tax-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-crash barrier in kwistjoni ma ssewwiex minn Transport Malta.
Żurrieq — kampijiet fin-naħa tal-Baqqri - Refuġjati llegali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ refuġjati llegali li qed jagħmlu użu mill-kampijiet fin-naħa tal-Baqqari limiti taż-Żurrieq? Jista’ jgħid jekk dawn jistgħux jiġu spostati għal aħjar u dan billi jsiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għal dan l-għan permezz ta’ estensjoni tal-binjiet diġà esistenti fl-istess lokalità? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir upgrade tal-area in ġenerali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 220 persuna fil-Ħal Far Tent Village. Fis-16 ta’ April, 2012, inbeda xogħol biex minflok it-tined jitqegħdu prefabricated accommodation units li nxtraw b’fondi lokali u tal-European Refugee Fund, Emergency Measures. It-transizzjoni mistennija tieħu ftit ġimgħat, u għalhekk ix-xogħol ta’ upgrading qed isir propju bħalissa. Barra minn hekk, hemm il-ħsieb li jsir ukoll xogħol ta’ landscaping ġewwa ċ-ċentru.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament qegħda tiġi informata li mhijiex intitolata għal ebda forma ta' pensjoni għad li kien hemm diversi snin li ħadmet fihom?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — rapport fuq investigazzjoni ta' post
Question
Jista' l-Ministru jara għalfejn ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed jiddeżistu milli jaċċedu fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għad li saru diversi rapporti sabiex jiġu investigati kanen maqsuma li l-ilma tagħhom qed jispiċċa fi Flat 1 tal-istess blokka?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma daħlilha ebda rapport. Nitolbu lill-Onor. Interpellant biex jekk jista’, jgħaddi aktar dettalji.
estensjoni tal-power station — taħriġ dwar makkinajru mid-Danimarka
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lid-Daniżi li mingħandhom inxtrat s-sistema riċenti għall-estensjoni tal-power station milli jagħtu taħriġ serju fuq it-tħaddim tal-istess stante illi l-korsijiet li ngħataw kienu qosra u skjetti?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-taħriġ li qed jiġi pprovdut s’issa huwa ta’ livell addattat u jkopri l-aspetti kollha neċessarji fuq l-operazzjoni tal-impjant u ġie magħmul apposta għall-operators bl-esperjenza fuq l-operat tal-power stations. Dan it-taħriġ se jitkompla fuq ix-xogħol innifsu iktar 'il quddiem qabel ma’ l-Enemalta tieħu l-impjant f’idejha.
Ta' Xbiex, Imsida u Birkirkara — toroq li għandhom bżonn wiċċ ġdid
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq ix-Xatt ġewwa Ta' Xbiex/Imsida, Triq Ellul Mercer ġewwa Ta' Xbiex/Imsida u Valley Road f'Birkirkara, hemmx xi ħsieb li jingħataw xi wiċċ ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Triq ix-Xatt ġewwa Ta' Xbiex/Imsida hija triq li taqa' taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill Lokali. Madankollu se jingħata wiċċ ġdid minn Transport Malta f'parti sostanzjali minnha. Fil-ġimgħat li ġejjin se jsir ukoll xogħol f'Misraħ Ellul Mercer ġewwa l-Imsida. Għalissa mhemmx pjan li Valler Road f'Birkirkara tingħata wiċċ ġdid.
Qajjenza — Limiti ta' Birżebbuġa - applikazzjonijiet għal ftuħ ta' spiżerija
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-applikazzjonijiet li hemm pendenti għal ftuħ ta' spiżerja fil-Qajjenza fil-limiti ta' Birżebbuġa għadhom pendenti minkejja li ilhom is-snin pendenti u l-popolazzjoni tal-Qajjenza llum ssuperat l-2,000 ruħ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li Il-ħruġ tal-liċenzji għall-spiżeriji jsir skont l-Avviż Legali numru 279/2007 ‘Regolamenti ta’ l-2007 dwar il-Liċenzi għall-Ispiżeriji’ kif amendata mill-Avviż Legali 81/2008 u l- Avviż Legali 198/2010.
Skont Regolament numru 4(2) ta’ dan l-Avviż Legali, f’kull belt jew raħal l-għadd ta’ spiżeriji m’għandux jeċċedi l-proporzjon ta’ spiżerija għal kull elfejn u ħames mitt abitant, u n-numru ta’ abitanti huwa dak kif ippublikat mill-Ufficju Nazzjonali tal-Istatistika.
Skont l-istess avviż legali “‘belt’ tfisser lokalita’, inlużi l-irħula żgħar kollha u żoni tal-madwar, li jkollhom kunsill lokali jew kumitat hekk appuntant taħt l-Att dwar Kunsilli Lokali, u ‘raħal’ għandha tiftiehem bl-istess mod.”
Għal din il-fini iż-żona tal–Qajjenza tagħmel parti mill-lokalita’ u għalhekk mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.
Skont l-aħħar rapport demografiku tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika pubblikat fit-8 ta’ Novembru 2011, in-numru ta’ abitanti totali fil-lokalita ta’ Birżebbuġa huwa ta’ 9,304 .
Fil-lokalita ta’ Birżebbuġia bħal issa hemm tlett spiżeriji li huma liċenzjati.Għalhekk sa issa għad ma hemmx lok u bażi legali għal ħruġ ta’ liċenzja oħra ġidida fil-lokaltita ta’ Birżebbuġa peress li skont l-Avviż Legali 279/2007 kif amendat, biex tkun tista’ tinħareġ liċenzja oħra, l-popolazzjoni fil-lokalita’ ta’ Birżebbuġa trid tlaħħaq l-10,000 ruħ.