Jista' l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni li hemm diskriminazzjoni fil-pensjoni mal-ħaddiema tal-eks Tarzna u cioè ma dawk li rtiraw fis-sena 1993 u dan billi dawn qegħdin jirċievu anqas minn sħabhom li spiċċaw qabel u anke dawk li spiċċaw warajhom?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fuq din il-mistoqsija nibda billi niċħad li qiegħda ssir xi forma ta’ diskriminazzjoni fir-reviżjonijiet li qegħdin isiru fil-pensjonijiet tal-ex ħaddiema tat-Tarzna.
Tajjeb nispjega illi fl-eżerċizzju li għaddej fil-preżent sabiex jiġu riveduti l-pensjonijiet tal-ex ħaddiema tat-Tarzna, kull pensjoni tiġi analogata mal-istrutturi tas-salarji tal-ħaddiem mal-Gvern skont il-grad u s-salarju li jkun irtira bihom il-pensjonant. B’riżultat ta’ dan issib illi hemm pensjonanti li għalkemm irtiraw bl-istess salarju iżda fi grad differenti, ġew intitolati għal rata ta’ pensjoni differenti. Fl-istess kategorija ta’ pensjonanti hemm ukoll uħud li ħadu ammont ta’ arretrati iżjed minn sħabhom li rtiraw warajhom u dan għaliex id-dħul pensjonabbli li rtiraw bih kien inqas minn ta’ dawk li rtiraw warajhom.
Nikkonkludi illi din hi spjegazzjoni ġenerali u għaldaqstant kull każ irid jiġi mistħarreġ fuq il-merti tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fit-Transport Malta ma nħarġietx għadd ta' call for applications sabiex jiġu nies minn dipartimenti oħra jew sabiex seħħew movimenti minn dipartiment għall-ieħor fuq sistema interna? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni u fuq liema bażi ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hija policy ta' Transport Malta li toħroġ calls for applications interni biex jimtlew pożizzjonijiet battala sakemm l-impjegati jkollhom r-rekwiżiti meħtieġa. Movimenti ta’ impjegati fl-istess grad minn dipartiment għall-ieħor isir abbazi ta’ eżiġenzi ta’ xogħol u għalhekk dan ma jitqiesx bħala vacancy.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34127, jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li impjegati li jagħmel xogħol fuq barra bħala messaġġier ħa xogħol ħaddieħor f'overtime fil-ġranet tas-Sibt? Jista' jagħti spjegazzjoni għal dan l-aġir u jindika x'tip ta' xogħol esegwixxiet din il-persuna?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mhuwiex minnu li mpjegat li xogħlu huwa ta’ messaġġier ħa xogħol ħaddiehor f’overtime is-Sibt. Waqt xogħlijiet ta manutenzjoni li saru s-Sibtijiet fl-uffiċini tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili kien hemm il-bżonn li l-messaġġier jidħol fuq overtime biex jiftaħ u jagħlaq l-uffiċini kif ukoll inaddaf wara li jlestu l-ħaddiema. Dawn id-doveri huma parti mix-xogħol ta’ messaġġier. Overtime jitqassam b’mod ekwu fuq bażi ta’ sengħa skont in-neċessità.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux kwalifikat sabiex jgħallem studenti jsuqu trakkijiet? Jekk fl-affermattiv, jippossedi instructor tag għall-Kategorija C?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura personali u ma nħossx li għandi nagħti risposta jekk ma jkollix il-kunsens bil-miktub tal-persuna konċernata. Min naħa l-oħra, jekk l-Onor. Interpellant jaħseb li qed isir xi abbuż, nitolbu jinforma lil Transport Malta sabiex tinvestiga l-każ u jekk ikun il-każ, tieħu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' pavimentar li qed isir preżentement fil-Belt hux monitored minn perit? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid fuq liema kriterji x-xogħol li sar fit-triq bi swit il-Qorti ġie aċċettat stante illi huwa 'l boghod minn dak mistenni u mixtieq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalma jiġri f'kull proġett ieħor ta’ natura simili, ix-xogħol imsemmi qed isir taħt is-superviżjoni ta’ perit minn Transport Malta. F’dan il-każ, ix-xogħol għadu ma ġiex aċċettat u l-kuntrattur li qiegħed jagħmel l-imsemmi xogħol, diġà ġie nnotifikat biex jirrimedja n-nuqqasijiet li rriżultaw.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-soċjetà Estera Benetti Spa. uritx interess li tamministra xi faċilitajiet ta' portijiet f'Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi fir-rigward tal-faċilitajiet tal-port amministrati minn Transport Malta, is-soċjeta Azimut Benetti flimkien ma’ partners lokali kienu wrew interess dirett fl-iżvilupp ta’ marina f’Sa Maison. Madankollu kienu ġew infurmati illi biex jekk huma nteressati f’dan l-iżvilupp iridu jipparteċipaw fi proċess kompetittiv ta’ sejħa għall-offerti.
Fir-rigward ta’ faċilitajiet oħra fil-portijiet tagħna, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jordna li jittieħdu passi serji u permanenti sabiex ir-rimedju li jiġi applikat fi Triq Żejtun Marsaxlokk, u cioè sabiex il-manhole li hemm quddiem il-Kappella lil San Pietru, ikun wieħed dejjiemi stante illi l-inkonvenjent huwa wieħed serju?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se ssewwi din it-tappiera (manhole) fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jordna li jittieħdu dawk il-passi neċessarji u opportuni sabiex tinstab soluzzjoni għal-leakage ta' ilma li hemm fi Triq Żejtun Marsaxlokk stante li dan l-ilma qed jispiċċa f'garaxx privati u qed jikkawża ħsarat konsiderevoli?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-leakage ta’ l-ilma fi Triq Żejtun Marsaxlokk issewwa.
Birżebbugia — Wesgħa Ramon Perellos - akkwist ta' art
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li parti żgħira minn site akbar ġewwa Wesgħa Ramon Perellos il-Qajjenza Birżebbugia li hija mmarkata u ndikata fuq il-Marsaxlokk Bay Local Plan sabiex isservi għal skopijiet ta' rikreazzjoni se tiġi akkwistata mill-Gvern Ċentrali? Jista' jgħid din il-parti li minnu se tiġi akkwistata, għal liema skop se sservi?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li l-propjeta in kwistjoni ntalbet mid-Dipartiment tat-Toroq sabiex tinbena triq f’Lulju tal-1976, u saħansitra t-triq inbniet fl-istess sena.
Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena kemm-il biċċa art ġiet esproprijata matul l-aħħar għaxar snin sabiex tinfetaħ jew titwessa' xi triq ġo żona indikata għall-iżvilupp fejn tali triq tkun skemata mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jista' jagħti l-isem tat-triq u l-lokalità għal kull biċċa art rispettiva?
Kemm tħallsu flus mill-gvern sabiex inxtrat kull biċċa minn dawn l-artijiet?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Marsaxlokk — Triq Melqart u Triq iż-Żejtun - ħsarat fil-kanen tal-ilma
Question
Jista' l-Ministru jintervjeni stante li għad li r-residenti ta' Triq Melqart u Triq iż-Żejtun Marsaxlokk ippreżentaw kemm-il rapport dwar il-ħruġ ta' ilma b'konsegwenza ta' ħsarat, il-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Serivizzi tal-Ilma qegħdin jonqsu milli jiġu mibgħuta fuq il-post u jsewwu l-ħsara fil-kanen tal-ilma?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dan l-aħħar sofriet minn xi pressure surge temporanja mhux mistennija fis-sistema tad-distribuzzjoni f’Marsaxlokk, li rriżultat f’diversi ħsarat żgħar fl-istess sistema. Il-Korporazzjoni, wara li identifikat dawn il-ħsarat, mill-ewwel bagħtet il-ħaddiema fuqhom. Dawn issa ssewwew waħda wara l-oħra.
Kumpanija li takkwista ishma jew titoli fuq art tal-gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-soċjetà Estera Benetti Spa uritx interess li takkwista ishma jew titoli fuq art li hi proprjetà tal-gvern jew f'idejn aġenziji tal-gvern f'Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ir-risposta tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jindika u jippubblika lista ta' konferenzi li Transport Malta attendiet għalihom matul is-sena 2011? Jista' jgħid x'kienet it-tema ta' kull konferenza? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa għal kull konferenza partikolari?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra analiżi dettaljata stante li dik preżentata fl-estimi ta' Transport Malta 2012 mhija xejn ċara, li turi break analysis dettaljat tad-dħul u ħruġ kollu mill-parti tad-Direttorat għas-sena 2012, flimkien ma' analiżi dettaljata komparattiva tal-istess għas-sena 2011?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-estimi ta' Transport Malta huma għal kollox konformi mar-rekwiżiti normalment użati.
Skola Primarja ta' Birżebbuġia — Learning Support Assistant
Question
Tista' l-Ministru tara x'qed iżomm lid-diriġenti tal-iskola Primarja ta' Birżebbuġia milli tassessja u eventwalment tappunta learning support assistant mal-istudent li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u dan in vista tal-fatt li huwa evidenti li dan is-servizz hu meħtieġ u li t-talba ilha pendenti għal aktar minn sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-iskola ta’ B’Bugia irċeviet ir-rapporti meħtieġa biex tkun tista’ timtela l-applikazzjoni għall-istatementing f’Marzu 2012. L-applikazzjoni mtliet u ntbagħtet lill-istatementing board fid-9 ta’ Mejju 2012. L-istatementing board se jara l-każ u jiddeċiedi skont il-ħtiġijiet tal-istudent fl-aqsar żmien possibli.
Transport Malta — Direttorat tat-Toroq - managers - salarji u benefiċċji
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm managers fid-Direttorat tat-toroq ta' Transport Malta? X'inhuma r-responsabilitajiet tagħhom rispettivament? Jista' jgħid kull manager kemm jitħallas kemm f'paga kif ukoll f'benefiċċji oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hemm 13-il manager fid-direttorat tat-toroq ta' Transport Malta. Ir-responsabilitajiet tagħhom rispettivament kif ukoll il-pagi u l-benefiċċji oħra huma ndikati fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
MEPA — żona indikata għall-iżvilupp - art esproprijata
Question
Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena kemm-il biċċa art ġiet esproprijata matul l-aħħar għaxar snin sabiex tinfetaħ jew titwessa xi triq fiż-żona indikata għall-iżvilupp fejn tali triq tkun skemata mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? jista' jagħti l-isem tat-triq u l-lokalità għal kull biċċa art rispettiva? Jista' jgħid kemm tħallsu flus mill-gvern sabiex inxtrat kull biċċa minn dawn l-affarijiet?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il upgrade ngħatat fil-qasam maniġerjali mis-sena 2010 sal-lum fi Transport Malta u x'wassal sabiex jingħataw dawn l-upgrades? Jista' jipprovdi l-lista ta' dawn il-persuni flimkien mad-dipartiment u żieda li ġew mogħtija fis-salarji tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ngħataw 20 upgrades fi Transport Malta mis-sena 2010 sal-lum. Dawn l-upgrades saru minħabba li r-responsabbilta`, l-akkontabbilta` u l-impatt tax-xogħol rispettiv tal-uffiċċjali konċernati kienu kkunsidrati f’livell għola minn dak li fil-fatt kienu jokkupaw.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn l-
upgrades.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li qed tirċievi pensjoni anqas minn persuni oħra li ħadmu miegħu fl-istess grad u rtiraw fl-istess perjodu?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.