Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta — xogħlijiet tal-konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti jaħdmu fi Transport Malta? Jista' jgħid x'tip ta' xogħlijiet jesegwixxu dawn il-konsulenti? Jista' jagħti dettalji separatament dwar il-kuntratti u s-salarji kif ukoll l-benefiċċji provduti lilhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — persuna upgraded għall-assastant manager

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-Enforcement Department tat-Trasport Malta ġie upgraded impjegat li kellu grad ta' detail officer għal dak ta' assistant manager wara li uffiċjal ittermina l-impjieg li kien jokkupa l-grad ta' manager fl-istess dipartiment? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma nħarġetx call for application għal dan il-post imsemmi? Jista' jgħid jekk hux minnu li ġie mġedded iż-żmien għal din il-persuna meta dan suppost irtira mix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispjega għal min qed jirreferi.

Ħolqien ta' parkeġġ fil-park and ride

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont separat xahar b'xahar ta' kemm sar parkeġġ f'kull park and ride li nħoloq mit-3 ta' Lulju 2011 sal-lum? Jista' jgħid ukoll kull park and ride kemm-il parkeġġ għandu?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Fir-rigward tan-numru ta’ parkeġġi ġewwa l-Park and Rides, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 20463.

Kumpanija li takkwista ishma jew titoli fuq art tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-soċjetà Estera Benetti Spa uritx interess li takkwista ishma jew titoli fuq art li hi proprjetà tal-gvern jew f'idejn aġenziji tal-gvern f'Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35503.

Kumpanija li takkwista ishma jew titoli fuq art tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34495 u jgħid jekk is-soċjetà Estera Benetti Spa uritx interess li takkwista ishma jew titoli fuq art li hi proprjetà tal-gvern jew f'idejn aġenziji tal-gvern f'Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li d-dipartimenti u entitajiet fi ħdan dan il-Ministeru m’għandhomx tali informazzjoni.

Transport Malta — konsulent li m'għandux kwalifika

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ġie magħżul l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, bħala konsulent fi ħdan Transport Malta meta dan ma jipposjedi l-ebda kwalifika f'dan is-settur? Jista' jgħid jekk dan l-individwu ġiex ngaġġat bħala konsulent b'liema awtorità huwa qed jiddetta fuq il-ħaddiema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-persuna msemmija fil-mistoqsija parlamentari kienet ġiet imqabbda minn Transport Malta bħala konsulent fil-kariga ta’ ‘Internal Controller’, liema kariga tirrapporta lill-Kap Uffiċċjal responsabbli għad-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art, fejn fost ħafna responsabbiltajiet, hija responsabbli għad-dħul ta’ madwar €100m fis-sena, u għall-ipproċessar ta’ bosta liċenzi u permessi. Ir-rwol ta’ din il-persuna huwa primarjament sabiex tiżgura li l-ħtiġijiet varji mitlubin fir-regolamenti, kif ukoll proċeduri u policies jiġu mseggwija kontinwament, kemm minn aspett ta’ kontroll finanzjarju kif ukoll mill-aspett ta’ kontroll operattiv, u dan bil-għan li jissaħħu aktar il-kontrolli interni u jitnaqqsu r-riskji. Għaldaqstant, ir-rwol ta’ din il-persuna m’huwiex speċifikament relatat mat-trasport, iżda sabiex timplimenta kontrolli interni effettivi, bħalma jsiru f'banek. Din il-persuna għandha esperjenza vasta f'dan ir-rwol u għandha kwalifika mal-"Association of Chartered International Bankers (ACIB)", li hija essenzjali għal dan ir-rwol. Din il-persuna hija awtorizzata mill-Kap Uffiċċjal responsabbli għad-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art sabiex titlob kull informazzjoni meħtieġa mill-impjegati f'kull grad fi ħdan dan id-Direttorat, kif ukoll tinforma lil dak l-impjegat li jkun instab li ma ħarisx il-proċeduri jew policies , sabiex isiru l-korrezzjonijiet meħtieġa.

Trasnport Malta — toroq li jinsabu fi stat ħażin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kumpens intalab mill-2010 sal-lum lil Transport Malta dwar ħsarat li ġarrbu s-sidien tal-karozzi permezz tal-istat ħażin tat-toroq? Jista' jagħti l-lokalitajiet ta' minn fejn ġew esperjenzati dawn il-ħsarat? Jista' jindika u jagħti rendikont ta' kemm minn dawn it-talbiet ġew magħluqa, pendenti jew irrifjutati?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Transport Malta — nefqa fuq tabelli

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm kienet in-nefqa minn Transport Malta fuq tabelli li saru fit-toroq sena b'sena mill-2008 sal-lum? Jista' jgħid min kienu l-kuntratturi li ħadu jew esegwixxu dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Merchant Shipping — board room - sett ta' siġġijiet mibdula

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex kien ġie mibdul sett ta' siġġijiet li kienu jintużaw fil-board room tal-Merchant Shipping meta dawn kienu għadhom f'kundizzjoni eċċellenti? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa sabiex ġie mixtri sett ġdid? Jista' jgħid fejn qed jintużaw dawk is-siġġijiet li ġew mibdula jew fejn ġew meħuda?

Response (GATT, AUSTIN)

Bir-rispett kollu lejn l-Onor Deputat ma jidhirlix illi domandi simili jiġġustifikaw il-flus pubbliċi li jintefqu u l-ħin li jiġi moħli, biex isiru r-risposti. Kont nippretendi li l-Onor Interpellant jkun kemm kemm aktar għaqli fl-għażla tad-domandi li jagħmel minn dawk suġġeriti lilu minn xi seksiek fl-Awtorita. B'danakollu xorta se nirrispondi d-domanda tiegħek u għalhekk ninsab infurmat lis-siġġijiet inkwistjoni kienu ilhom jintużaw għall-tmintax il-sena u wieħed jista jimmaġina li ma kinux f'kundizzjoni eċċellenti. Dawn is-siġġijiet ittieħdu biex issirilhom manutenzjoni. In-nefqa għas-siġġijiet kienet ta' €880.

Trasport Malta — ġebel żgħir b'għamla ta' żrar fil-ħamrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kie ġie mibdul ġebel żgħir b'għamla ta' żrar biex ikun jista' jitpoġġa taħt il-ħamrija fil-bini tat-Trasport Malta? Jista' jagħti id-daqs taż-żrar li nqala kif ukoll ta' dak li saru floku? jista' jgħid għaliex u x'kienet ir-raġuni li dan ġie mibdul? Jista' jgħid kemm ġie jiswa dan iż-żrar flimkien max-xogħol konness miegħu? Jista' jgħid x'għamel min kien inkarigat b'dak iż-żrar li ġie mibdul?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan ix-xogħol sar bħala parti minn tender maħruġ minn Transport Malta għal “Landscaping Works and Upkeeping Services of Green Areas at Malta Transport Centre”. Transport Malta m’għandix informazzjoni rigward id-daqs ta’ żrar li nqala minn żewġ planters, filwaqt li ż-żrar li tqiegħed floku għandu daqs aggregate ta’ 20mm. L-ispiża għal dan iż-żrar flimkien max-xogħol konness miegħu kien ta’ €480 fejn mtlew erba’ planters b’volum ta’ 15m3. Iż-żrar li kien hemm qabel ġie mormi mill-kuntrattur.

tankijiet għal ħażna tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-aħħar spezzjonijiet tat-tankijiet għal ħażna tal-ilma kontra viri relatati mal-istess fl-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dpartiment ma jagħmel l-ebda spezzjonijiet għall-viri fl-ilma. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-mikrobu tal-leġjonella, ir-responsabbilita` sabiex jittieħdu kampjuni tal-ilma sabiex jiġu ttestjati għall-mikrobu tal-leġjonella huwa tal-operatur tal-istabbiliment skont kif stipulat fir-Regolamenti tal-2006 dwar il-Kontroll tal-Leġjonella (AL5/2006) - liema testijiet għandhom isiru darba kull sitt xhur. L-aħħar verifiki li saru minn uffiċċjali fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali permezz ta’ Legionella audit kien f’Diċembru tal-2010 fejn l-istabbiliment indikat ġie klassifikat b’riskju baxx u medju ( Low/Medium Risk ). Wara dan l- audit dan l-istabbiliment għalaq minħabba xogħolijiet ta’ rinnovazzjoni u ta’ estensjoni. Normalment audits f’stabbilimenti ta’ dan it-tip isiru darba fis-sena u peress li dan l-istabbiliment għadu kif reġa fetaħ hemm ippjanant audit għall-21 ta’ Ġunju, 2012.

Awtorità tax-Xogħol — permessi tax-xogħol għall persuni ta' nazzjonalità barranija

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-persuni kollha ta' nazzjonalità barranija fil-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament humiex koperti bil-permessi relattivi tal-Awtorità tax-Xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-aħħar ta’ Diċembru 2011 (skont l-aħħar informazzjoni ppublikata), in-numru ta’ persuni li jahdmu mas-Sea Bank Hotel huwa ta 265, li minnhom 90 huma ta’ nazzjonalita’ barranija li għandhom engagement form mal-ETC.

Lukanda — Irċevuta fiskali lir-residenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hiex eżentata milli toħroġ irċevuta fiskali lir-residenti, stante li jidher li din hija l-prassi?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-lukanda msemmija hija awtorizzata li toħroġ irċevuti permezz ta’ sistema komputerizzata b’numru ta’ eżenzjoni maħruġ mid-Dipartiment tal-VAT minflok ricevuta fiskali minn cash register fiskali jew mill-kotba ufficcjali tad-Dipartiment tal-VAT.

Transport Malta — soqfa tal-uffiċini

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30501, jista' l-Ministru jindika x-xogħlijiet li saru sal-lum fid-direttorat tal-Land Transport? Jista' jgħid x'tip u min esegwixxa dawn ix-xogħlijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta kienet ħarġet tender għal servizzi ta’ konsulenza u surveys għas-soqfa kollha tal-uffiċini tal-Licencing & Testing Department f’Hornworks Ditch. Dan it-tender kien ingħata lill-perit Pierre Farrugia. Rapport dettaljat li jinkludi testijiet li saru u rakkomandazzjonijiet għal tiswijiet ġie mgħoddi lil Transport Malta. Ix-xogħlijiet, li saru f’żewġ fażijiet, bdew b’mod immedjat u kienu jikkonsistu fil-bdil ta’ xorok tal-ħadid f’Hall B u tiswijiet ta’ ħsarat oħra f’Halls A, B u C. Ix-xogħlijiet saru minn M.C Deguara Bld.Contractors..

Gozo Channel — uffiċini fiċ-Ċirkewwa

Question

Peress li l-proġett taċ-Ċirkewwa ħoloq konvenjent għall-uffiċini tal-Gozo Channel, jista' l-Ministru jgħid jekk kenitx Transport Malta li għamlet tajjeb sabiex jingħataw uffiċini temporanji? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta kellhiex toħroġ xi tip ta' kumpens jew kellhiex tagħmel tajjeb għal dan b'nefqa ta' kirjiet sabiex l-kumpanija tal-Gozo Channel ikollha minn fejn topera?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-uffiċini minn fejn kienet topera l-Gozo Channel kellhom jitwaqqgħu kif ippjanat bħala parti mill-proġett taċ-Ċirkewwa. Waqt ix-xogħlijiet, il-Gozo Channel ġew ipprovduti minn Transport Malta b’uffiċċju operattiv ġewwa ‘t-tinda’ temporanja sabiex jipprovdu servizz lill-passiġġieri li jgħaddu minn dan it-terminal. Dan sar bi ftehim mal-Gozo Channel u ma kienx jinkludi xi ħlas ta' kumpens jew kirjiet ta’ uffiċini.

Freeport — allegazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid, in kwandu jirrigwarda l-allegazzjonijiet da parti tas-CO tad-Direttorat tal-Infurzar ta Trasport Malta ġewwa l-Freeport, li rrżultaw in fondati u bla bażi, x'passi se jittieħdu/jew ġew meħuda fil-konfront tal-istess uffiċċjal li għandu wkoll konnessjoni mal-istess Freeport?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar ċar fil-mistoqsija tiegħu.

art esproprijata

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena kemm-il biċċa art ġiet esproprijata matul l-aħħar għaxar snin sabiex tinfetaħ jew titwessa' xi triq ġo żona indikata għall-iżvilupp fejn tali triq tkun skemata mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jista' jagħti l-isem tat-triq u l-lokalità għal kull biċċa art rispettiva? Kemm tħallsu flus mill-gvern sabiex inxtrat kull biċċa minn dawn l-artijiet?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista, miġbura mir-records tad-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern, ta’ art li ġiet esproprijata matul l-aħħar għaxar snin sabiex jinfetħu jew jitwessgħu toroq li huma skemati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ġo żoni dikati għall-izvilupp. Il-lista tinkludi l-lokalità, l-isem tat-triq u l-fondi li tħallsu għal kull biċċa art.

Transport Malta — ħlasijiet ta' kontijiet b'lura

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandhiex ħlasijiet ta' kontijiet b'lura? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hu l-ammont? Hemm xi timeframe meta l-kredituri se jitħallsu?

Response (GATT, AUSTIN)

Bħal kull entita' kummerċjali, Transport Malta jkollha kemm kredituri kif ukoll debituri u l-ħlasijiet isiru fit-termini normali miftehma kummerċjalment. Ma jidhirlix li għandi npoġġi l-lista tal-kredituri jew tad-debituri fuq il-Mejda tal-Kamra għaliex din hi nformazzjoni kunfidenzjali.

Kumpanija li takkwista ishma jew titoli fuq art tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34495 u jgħid jekk is-soċjetà Estera Benetti Spa uritx interess li takkwista ishma jew titoli fuq art li hi proprjetà tal-gvern jew f'idejn aġenziji tal-gvern f'Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.