Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta — bini b'titolu ta' kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' bini li Transport Malta żżomm b’titolu ta' kera? Jista' jindika liema huma dawn il-binjiet u min huma s-sidien tagħhom? Jista' jgħid kemm qed tkun in-nefqa f’kiri għal dawn il-binjiet fis-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Transport Malta — xogħol mogħti

Question

Jista' l-Ministru jindika speċifikament u jsemmi x-xogħlijiet kollha li ġew mogħtija minn Transport Malta bħala sub-contracting mill-2010 sal-lum u fiex kienu jikkonsistu? Jista' jgħid min kienu l-kuntratturi flimkien mal-ħlasijiet involuti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma tagħmilx kuntratti ma' sub-contractors.

Transport Malta — xogħlijiet tal-ispeed bumps

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu dawk il-kuntratturi li ngħataw u esegwixxew xogħlijiet tal-ispeed bumps mingħand Transport Malta mill-2010 sal-lum? Jista' jsemmi l-postijiet ta' fejn ġew stallati l-ispeed bumps? Jista' jgħid jekk kienx hemm direct order fuq dawn ix-xogħlijiet u jekk fl-affermattiv, lil min ingħataw?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma żżommx informazzjoni speċifika fuq speed bumps minħabba li din l-informazzjoni tinżamm ma statistika ta' xogħlijiet oħra.

implimentation senior manager

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hi dik il-persuna li qed tokkupa l-kariga ta' implimentation senior manager? Jista' jgħid jekk inħarġitx call for application għal dan it-titlu? Jista' jgħid kemm ilha fis-seħħ din il-kariga?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għall-liema enti qed jirreferi.

Transport Malta — Omas Pass

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mhux minnu li Transport Malta bagħtet uffiċċjali minn tagħha jagħmlu course sabiex jingħataw l-Omas Pass? Jista' jagħti spjegazzjoni dettaljata dwar dan il-pass u għaliex se jintuża? Jista' jsemmi lil min ġie provdut dan il-course u lil min ingħata dan il-pass imsemmi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm uffiċċjali fil- Head Office ta’ Transport Malta (Marsa) li d-doveri tagħhom jirrikjedu illi huma jmorru fuq bażi regolari fid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili li jinsab ġewwa l-konfini tal-ajruport. Għal dan il-għan dawn l-uffiċċjali inħarġilhom Airport Security Pass permanenti mill-Office of the Manager Airport Security (OMAS) Sabiex seta' jinħarġilhom dan il- pass, dawn l-uffiċċjali kellhom jattendu kors rigward General Security Awareness Training (GSAT) . Rigward it-talba tal-Onor. Interpellant għall-ismijiet tad-detenturi tal-OMAS Pass, nitlob lill-Onor. Interpellant itini raġunijiet għalfejn irid ikun jafhom peress illi hemm aspetti ta' sigurta' li jridu jiġi kunsidrati.

Xogħlijiet f'Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta d-diversi toroq sekondarji ġewwa ż-Żurrieq, bħalma hi l-parti t'isfel ta' Triq Ta' Ciantar, li ġew dekorati b'tabelli li jgħidu li xogħol fuqhom se jinbeda, meta atwalment se jinbeda? Jista' jgħid jekk il-kuntrattur indikat hux se jesegwixxi dawn ix-xogħlijiet jew jekk hux minnu li dan naqas milli jottempra ruħu mar-rikjesti tat-tender u għalhekk dan ix-xogħol mhux se jinbeda?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-toroq fiż-Żurrieq li għaddew mill-proċess ta’ sejħa tal-offerti u ġew mogħtija lill-kuntratturi sabiex jinbeda x-xogħol huma: · Triq ta’ Ciantar · Triq Santa Klementina · Parti minn Triq in-Nigret Il-kuntratturi ta’ dawn it-toroq ma ffirmawx il-kuntratt meħtieġ sabiex jinbeda x-xogħol, u għalhekk ġew irtirati. Għaldaqstant trid tinħareġ sejħa oħra għall-offerti għal dawn it-toroq.

Impjegati mid-Direttorat tal-Infurzar — roster

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33810, jista' l-Ministru jgħid kemm ilha fis-seħħ din id-direct order? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li din kienet ingħatat fi żmien l-Awtorità dwar it-Trasport u għadha titgawda sal-lum? Jista' jiżvela kemm kienet in-nefqa fuq din id-direct order?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija parlamentari Nru. 33810 ma tagħmel l-ebda referenza għal xi direct order.

Direttorat tal-Avjazzjoni — impjegat li għamel l-overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li impjegat li huwa stazzjonat fid-Direttorat tal-Avjazzjoni fi ħdan Transport Malta għamel ġranet tas-Sibt jidħol overtime? Jista' jgħid x’tip ta' xogħol kien qed jesegwixxi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 34127 u Nru. 35375.

Transport Malta — skrivani

Question

Peress li Transport Malta għandha fi ħdanha impjegati li jaħdmu bħala skrivani minn kumpanija privata, kif ukoll skrivani oħrajn li qegħdin jesegwixxu xogħolhom b'kuntratt, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' skrivani minn din il-kumpanija u kemm hemm impjegati li jesegwixxu xogħolhom b’kuntratt? Jista' jindika min hija l-kumpanija u jgħid jekk hemmx pjanat li xi wħud min dawn isiru tal-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ skrivani li għandha Transport Malta minn kumpanija privata huwa ta’ 37. Transport Malta m’għandhiex skrivani li qegħdin jesegwixxu xogħlhom b'kuntratt. Il-kumpanija privata li tipprovdi dan is-servizz hija Secretarial Services Limited. Il-proċess ta’ mpjieg ta’ Transport Malta huwa regolat mill-Employment and Training Corporation Act u għalhekk impjiegi diretti mhumiex possibli.

Maritime Affairs Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux fis-seħħ l-Maritime Affairs Committee fi ħdan Transport Malta? Jekk fl-affermattiv, jista' jindika min huma l-membri ta' dan il-kumitat?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferri għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 34129.

Impjegati mid-Direttorat tal-Infurzar — roster

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33810, jista' l-Ministru jgħid x'inhi raguni li xogħol tal-bollards jingħataw dejjem lil l-istess żewġt uffiċjali meta l-istess dipartiment fi Transport Malta għandu aktar uffiċjali fi ħdanu? Peress li dan ix-xogħol jirrikjedi ħin ta' 24 siegħa, jista' jgħid kemm kienet in-nefqa f'overtime flimkien mal-allowances mill-2010 sal-lum għal dawn iż-żewġ uffiċjali? Jista' jgħid min kienu l-uffiċjali li esegwixxew dawn ix-xogħlijiet? Jista' jipprovdi l-lista tal-postijiet ta' fejn kienu duty dawn l-uffiċjali kull darba li sar dan it-tip ta' xogħol? Jista' jipprovdi wkoll il-lista ta' fejn kienu duty meta xogħolhom ma kienx jirrikjedi x-xogħol tal-bollards?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li qabel is-sena 2010 kienet ħarġet sejħa għal bollard master fejn uffiċċjal wieħed applika għal din il-pożizzjoni. Sejħa oħra ħarġet fl-2010 fejn uffiċċjal ieħor applika. Barra xogħol relatat ma’ bollards , dawn l-uffiċċjali kienu assenjati xogħol ieħor relatat ma’ road closures f’diversi toroq. In-nefqa globali f’ allowances u overtime mill-2010 sa Awwissu 2012 kienet ta’ €49,473.30.

Direttorat tal-Merchant Shipping — konsulent

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk Transport Malta ngaġġatx konsulent fid-Direttorat tal-Merchant Shipping? Jekk fl-affermattiv jista' jagħti dettalji dwar kemm hu s-salarju u l-beneffiċji offruti lil din il-persuna? Jista' jgħid kif u kemm qed jesegwixxi sigħat fil-ħidma tiegħu għall-awtorità? Jista' jagħti tagħrif mil-liema kumpanija ġie ngaġġat?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jispeċifika għal min qed jirreferi.

Arms Ltd — Kont pendenti

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-kont li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ilu ma jinħareġ għal xhur sħaħ b'detriment għall-anzjana li hija reġistrata fuqu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ngħatat lil ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

Birżebbuġia — Triq San Mikiel - tiswijiet fil-kanna tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara, stante t-tentattivi inutili da parti tar-residenti, li l-kanna maqsuma fi Triq San Mikiel, Birżebbuġia tiġi rranġata u ma jibqax ħiereġ l-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet il-passi neċessarji u l-ħsara ssewwiet.

ilment dwar individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li, għad li daħlu ilmenti fil-konfront tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba imġieba skorretta u illegali, dan sal-lum dejjem ġie protett u qatt ma ttieħdu passi kontra tiegħu? Jista' jgħid għalfejn l-imġieba skorretta u illegali ta' dan l-individwu, għad li huwa sigriet magħruf, dejjem ġiet aċċettata mill-awtorità? Jista' jgħid jekk dan l-individwu jgawdix xi forma ta' privileġġ minħabba li dejjem tħalla jaġixxi b'mod skorrett u illegali?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-unika każ allegat lill-MEPA fil-konfront tal-uffiċċjal imsemmi, kien mgħoddi u sussegwentement investigat mill-Pulizija ftit xhur ilu. Il-Pulizija eventwalment infurmaw lill-MEPA li nvestigat bir-reqqa l-każ u ma sabet ebda raġuni biex titteħed azzjoni mill-Pulizija fuq dan l-uffiċċjal. Il-MEPA, kontra għal dak li qed tgħid il-mistoqsija, ma kellhiex allegazzjonijiet oħrajn fir-rigward ta' dan l-uffiċċjal. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni dwar "aġir skorrett u llegali", kif semma, huwa mitlub iressaq kollox lill-MEPA jew lill-Pulizija.

Securities li ġew sospiżi mix-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li erba' securities ġew sospiżi mix-xogħol f'Lulju 2011? Jista' jgħid minn sitt securities kienu ġew sospiżi erba' biss meta dawn kienu qegħdin duty fl-istess shift ta' dik il-ġurnata partikolari? Jista' jgħid x'wassal sabiex ittieħdet din id-deċiżjoni? Jista' jagħti spjegazzjoni għaliex saret distinzjoni bejn dawn il-ħaddiema?

Response (GATT, AUSTIN)

Jista' l-Onor Interpellant jispeċifika għal liema securities qed jirreferi?

informazzjoni dwar opri tal-baħa li għandha Transport Malta

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30543, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'kiri ta' opri tal-baħar mingħand kuntratturi privati mill-2010 sal-lum? Jista' jagħti rendikont separat u d-dettaljat ta' min fejn ġew mikrija dawn l-opri flimkien max-xogħol konness? Jista' jgħid ukoll x'tip ta' sub-contracting ingħata fuq dan it-tip ta' xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-ewwel ta’ Jannar 2010 sal-ġurnata tal-lum dawn il-kuntratturi ġew imqabbda joffru servizz ta’ opri tal-baħar, hekk kif muri hawn taħt: Pilot Launch € 1,040.00 Kenneth Spiteri € 5,544.40 Ebsons € 3,104.74 United € 2,891.09 Oh Yeah € 116.00 Boat Maintenance € 325.50 Il-maġġoranza ta’ dawn ix-xogħlijiet kien jirrigwarda t-trasferiment ta’ technicians fuq bagi, u l-kumplament kien relatat ma’ xogħol ta’ surveys u spezzjonijiet fuq infrastruttura marittima minn impjegati tal-Awtorita’ u konsulenti tagħha. Mar sar l-ebda sub contracting fuq dan it-tip ta’ xogħol.

Transport Malta — nefqa fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq is-safar li ġie provdut minn Trasport Malta matul is-sena 2010 sal-lum xahar b'xahar? Jista' jgħid fejn kienu destinazzjonijiet u x'kienet ir-raġuni għal kull destinazzjoni? Jista' jagħti d-dettalji u jindika min kienu dawk l-uffiċjali jew impjegati li marru f'dawn id-destinazzjonijiet flimkien mal-gradi li jokkupaw?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra CD bl-informazzjoni mitluba.