Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żurrieq — Triq is-Sardinell - Kostruzzjoni

Question

B’riferenza għax-xogħol ta' kostruzzjoni fi Triq is-Sardinell fiż-Żurrieq, jista' l-Ministru jgħid jekk din it-triq hix ser tinbena kollha stante li hemm xniegħa persistenti li parti minnha biss ser issir? Jista' jieħu l-passi neċessarji u opportuni sabiex jara li din it-triq kollha tingħata wiċċ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol li ser isir fi Triq is-Sardinell Żurrieq jinkludi l-parti tat-triq li hija miftuħa u li hija skemata skond il-Pjan Lokali.
Leg 11 PQ #3592 Sitting 49 2008-11-12 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Taħriġ ta' l-Armata — Spara fuq propjetà ta' terzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’prekawzjonijiet ser jittieħdu sabiex ma jerġax jiġri dak li ġara meta, waqt li personnel ta' l-Armata kien qiegħed waqt taħriġ, bullets sparati waqt l-istess taħriġ, spiċċaw fuq proprjetà ta' terzi bil-konsegwenza li seta jkun hemm inċidenti fatali għal dawk li setgħu ikunu fil-qrib?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-taħriġ li jirrigwarda sparar ta’ armi mill-Forzi Amati ta’ Malta huwa regolat bi standing orders stabbiliti li ilhom fis-seħħ għal numru ta’ snin. Fir-rigward ta’ l-allegat inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant l-armata tkun f’pożizzjoni li tirregola ruħha aħjar kemm-il darba jkun hemm il-ħtieġa wara l-eżodu ta’ l-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa.

Trobbija tat-tonn fil-gaġeġ

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika dwar kemm trabba tonn fil-gaġeġ Maltin matul dawn l-aħħar ħames snin? Jikkonferma l-istatistika mogħtija minn ġurnal lokali, li ismu qed jidher separatament, konċernanti s-simna tal-ħut b’mod speċjali t-trobbija tat-tonn? Jista' jagħti dik l-istatistika li tikkontradixxi l-istess?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni dwar tonn imrobbi fil-gaġeġ matul dawn l-aħħar ħames snin ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’xi seduta oħra Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, peress li kien hemm ħafna artikoli u risposti uffiċjali nitlob lill-Onorevoli interpellant jindika eżattament għal liema statistika qiegħed jirreferi.

Qbid ta' ħut

Question

Fit-twettiq tal-obligi li għandha Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jgħid jekk qattx inkisbu xi fondi li marru għand id-Dipartiment tas-Sajd biex ikun jista’ jitwettaq il-ġbir ta’ informazzjoni fuq kull qabda ta’ ħut li saret mill-bastimenti lokali meqjusa bħala żgħar? Jista’ jagħti rendikont ta’ kull qabda li saret matul l-aħħar sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Produtturi tal-ħalib — sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi programm ipprepara jew qed jipprepara l-gvern sabiex jara li l-produtturi tal-ħalib ikunu sostenibbli wara li jispiċċaw is-sussidji appertenti lilhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onorevoli interpellant li fil-preżent dan is-settur qiegħed jiġi evalwat biex l-irziezet tal-produzzjoni tal-ħalib jiġu approvati biex jibqgħu jipproduċu l-ħalib. Din l-evalwazzjoni tirrifletti sostenibiltà peress li jridu jilħqu livell aċċettabli ta’ iġene u trattament xieraq ta’ l-annimali kif ukoll jirrendu l-proċessi kollha li jsiru fuq l-irziezet b’sistemi konformi mar-regolamenti preżenti. Dan ifisser ukoll titjib fil-kwalità tal-ħalib għall-ġid tal-konsumatur.

Zurrieq — Abitanti jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdied in-numru ta' nies li huma reġistrati bħala abitanti fiż-Żurrieq li jinsabu jirreġistraw għax-xogħol tul dawn l-aħħar ħames snin sena b’sena? Jista' jgħid kemm minn dawk reġistrati bħala abitanti fiż-Żurrieq huma sid ta' darhom?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant fl-Ewwel Parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant fit-Tieni Parti tal-Mistoqsija.

Abitanti fiż-Żurrieq imressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni reġistrati bħala abitanti taż-Żurrieq li ġew imressqa quddiem il-Qorti akkużati b’reati kriminali f’dawn l-aħħar ħames snin sena b’sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.

Diretturi — Laqgħa fis-Sea Bank Hotel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kienet il-ħtieġa li jlaqqa' d-Diretturi fi ħdan id-dekasteru tiegħu fis-Sea Bank Hotel? Jista' jgħid jekk il-problemi li waslu għal din il-laqgħa ġewx riżolti? Jista' l-Ministru jgħid min fejn oriġinaw il-flus sabiex tħallset l-ispiża għal istess laqgħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-attività li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet Away Day li ġiet organizzata b’inizjattiva tad-Direttorat tal-People Management fi ħdan il-Ministeru. L-għan ewlieni ta’ din l-Away Day kien li d-Diretturi u Chairpersons ta’ l-Entitajiet ikollhom ġurnata l-bogħod mill-ambjent tal-uffiċċju u jkollhom iċ-ċans jiltaqgħu bejniethom f’atmosfera nformali bil-għan li jissaħħaħ l-ispirtu ta’ teamwork fi ħdan it-top management tal-Ministeru. Din il-laqgħa ma saritx għax kien hemm xi problemi. F’Ġunju 2008 intalbu kwotazzjonijiet mingħand 3 kumpaniji li jorganizzaw dawn l-attivitajiet. Inħoss li din l-attivita’ kienet investiment fin-nies tal-Ministeru u l-ispiża tagħha tħallset mill-vot Rikurrenti ( Training ) tal-Ministeru.

Direttiva tal-Unjoni Ewropea — Staġun tat-Tonn

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma d-deċizjoni li l-istaġun tat-tonn ser ikun magħluq għas-sentejn li ġejjin fuq direttiva ta l-Unjoni Ewropea ? Jista' jgħid x'ser jagħmlu jekk dawk il-persuni li investew u ħallsu eluf ta' Euros sabiex jirreġistraw il-qxur tagħhom MFD sabiex ikunu jistgħu jaħdmu speċifikament għas-sajd tat-tonn? Dawn ser jiġu offerti xi forma ta' għajnuna jew kumpens sabiex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta' użu tal-qxur tagħhom? Jista jgħid il-Gvern hux ser jagħtihom xi forma ta' għajnuna sabiex ikunu jistgħu iħallsu / jagħmlu tajjeb għal interessi u capital f’dawk il-każijiet fejn dawn il-persuni kellhom jirrikorru għal banek?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ma nistax nikkonferma dak li qed jgħid l-Onor Membru għas-sempliċi raġuni li l-Unjoni Ewropea ma ħadet ebda deċiżjoni dwar l-għeluq għal sentejn tal-istaġun tat-tonn.

Unjoni Ewropea — Staġun tal-qbid tal-pixxispad

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġie mgħarraf bid-deċiżjoni li ttieħdet mil-Unjoni Ewropea sabiex l-istaġun għal qbid tal-pixxispad jingħalaq bejn il-15 t' Ottubru u l-15 ta' Novembru 2008? Jista' jgħid għalfejn is-sajjieda li l-għejxien tagħhom jiddependi biss mil-qbid tal-pixxispad ma ġewx informati qabel b’din id-deċiżjoni u tħallew fl-għama sa l-aħħar ġurnata bil-konsegenza li dawn is-sajjieda u familji tagħhom spiċċaw mingħajr dħul għal xahar sħiħ? Jista' jgħid jekk dawn il-familji hux ser jirċievu xi għajnuna konsegwenza ta' din id-deċiżjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellat li kienet l-ICCAT fil-laqgħa ta’ Novembru 2007 li ħadet d-deciżjoni ta’ l-għeluq ta’ xahar biex jonqos il-qbid tal-pixxispad zgħir. L-Unjoni Ewropea adottat din il-miżura f’Jannar li għadda u Malta esegwiet ir-regolament għal fini ta’ konservazzjoni. Is-sajjieda kienu jafu b’dan, għaliex wara l-laqgħa ta’ l-ICCAT kemm il-darba ssemma dan l-għeluq f’laqgħat u diskors li t-taqsima kellha mal-kooperattivi u l-membri tagħhom. Infakkar lill-Onorevoli interpellant liċ-ċirkolari informattiva ntbgħatet wkoll lis-sajjieda xahar qabel dan l-għeluq. Bħalissa għaddejjin taħdidiet maż-żewġ koperattivi fuq il-kwistjoni tal-kumpens.
Leg 11 PQ #3574 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Genetic Modified Organisims

Question

Jista' l- Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni Maltija fir-rigward tal-GMO's (Genetic Modified Organisims)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Malta timplementa l-policies eżistenti ta’ l-UE dwar il-GMOs. Madanakollu, Malta temmen ukoll li hemm lok għal titjib fil-proċess preżenti ta’ l-awtorizazzjoni tal-GMOs. Mil-aspett xjentifiku, għandu jissaħħaħ ir-'risk assessment li jsir fuq kull applikazzjoni għar-rilaxx ta' organismi ġenetikament modifikati (OGM, bl-Ingliż GMOs) fl-ambjent naturali ta' l-Unjoni Ewropea, u dan sabiex jassigura li jiġi eliminat kull riskju għal ambjenti u ekosistemi fraġili bħal ma huma dawk ta' gżejjer żgħar bħal Malta. Malta ukoll temmen li hemm bżonn aktar attenzjoni għal effetti possibli fit-tul fuq is-saħħa tal-bniedem u l-annimali. Malta qed konsistentement tisħaq fuq dan it-titjib f'livell Ewropew u tilqa' b'sodisfazzjon inizzjativi riċenti f'dan ir-rigward meħuda mill-Presidenza Franċiża u l-Kummissjoni.

Produtturi — bajd u Simna - ammonti dovuti

Question

Jista l-Ministru jgħid meta ser jgħaddi l-ammonti dovuti lill-produtturi tas-simna u l-bajd naxxenti mill-ftehim milħuq qabel id-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea (SMPPMA) u b’mod partikolari l-għajnuna tal-ġwież li kienet ta' 25 cents ekwivalenti għal 59 euro cents meta skond ittra datata 2 ta' Settembru 2008 hemm indikat li kellhom jiġu mħallsa sa żmien ħmistax-il xahar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li parti minn uħud mill-pagamenti diġà bdew jitħallsu.

Produtturi tas-simna — Subsudy Rate per kilo

Question

Jista l-Ministru jgħid meta l-produtturi tas-simna ser jirċievu l-għajnuna kif suppost kuntrarjament ghal dik imposta u li qed jingħataw presentament u cioè illi l-għajnuna għar-rigward ta' subsidy rate (per tonne) tibda' tingħata per kilo u mhux per head u dan skond ftehim milħuq taħt skema ta' l-SMPPMA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jiċċara l-Mistoqsija tiegħu.

Bdiewa u Produtturi — Ma ħadux Għajnuna

Question

B’referenza ghal informazzjoni mogħtija u cioè li l-Ministeru fadallu madwar €0.5 miljun li baqgħu ma tqassmux u li ser jiġu mqassma lil xi bdiewa, jista jgħid min kienu dawk il-bdiewa jew produtturi li baqgħu ma ħadux l-għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jispeċifika għal liema ammont qed jirreferi.

Tixrid ta' żejt

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma l-fatt illi ż-żejt rapportat li nxtered kien ta' madwar 131,000 tunnellata u mhux kif ġie rapportat? Jista' jgħid kemm sewa dan il-fuel mitluf u min se jħallas għalih?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Tixrid ta' żejt — Kontaminazzjoni ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet ittieħdu sabiex iż-żejt li ġie rapportat li nxtered u li allegatament daħal fil-boreholes tal-viċin ma jikkontaminax l-ilma ta' taħt l-art? Jista' jgħid kemm sewa dan il-proċess u min ħallas jew se jħallas għalih?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Studenti miż-Żurrieq — Junior Lyceum u universita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid: i) kemm kien in-numru ta' studenti miż-Żurrieq li ġew ammessi fil-Juniour Lyceum ii) kemm kien in-numru ta' zgħażagħ miż-Żurrieq li daħlu l-Universita' fl-istess perijodu f’dawn l-aħħar ħames snin sena b’sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata hekk: Studenti miż-Żurrieq Studenti miż-Żurrieq li ġew ammessi li ġew ammessi fil-Junior Lyceum fl-Universita’ ta’ Malta 2004 80 79 2005 83 71 2006 71 78 2007 64 83 2008 56 93

Offerta

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra min kienu dawk li ssottomettew l-offerta tagħhom għat-tender 2454/2007? Lil min ingħatat? X'kienu il-kriterji adoperati fl-għażla?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi għal din is-sejħa għal offerti s-segwenti tefgħu l-offerta tagħhom: Polidano Brothers Asfaltar Construction Harrison Malta Environmental Ballut Blocks Services Ltd Bays Water Construction Co Ltd Agius Stone Works Vassallo Builders Ltd EMDP Ltd Vaults Company Ltd L-offerta ngħatat lil Ballut Blocks Services Co Ltd fuq il-bażi ta’ l-aktar offerta ekonomikament vantaġġjuża.

Immaniġjar tal-biedja — Tagħlim u taħriġ

Question

In vista tal-fatt li sew il-Gvern Malti kif ukoll l-Unjoni Ewropea taw daqstant sussidji lill-produtturi lokali, jista' l-Ministru jgħid x'kienet mela r-raġuni li l-biedja marret u għadha sejra tant lura? Jista' jgħid x'inhi l-kawża ta' dan ir-rigress? Jista' jgħid jekk il-gvern għandux pjan t'azzjoni preparat għal perjodu 2008 - 2013? Jista' jgħid jekk hux ser jinvesti f'aktar tagħlim u f'aktar taħriġ speċjalment fuq il-maniġġ tal-biedja sabiex ibiddel din it-trend? U jekk hux se jgħalli din l-ammorreġija ta' riżorsi umani fil-biedja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ma naqbilx mal-premessa tal-Onor Membru. L-Agrikoltura f’Malta għaddiet u għadha għaddejja minn trasformazzjoni, liema trasformazzjoni hija riżultat ta’ suq ħieles tal-prodotti agrikoli f’pajjiżna. Anke kieku pajjiżna mar għal ftehim ta’ Suq Ħieles mal-UE minflok sħubija, l-bidwi u r-raħħal kien jiffaċċja kompetizzjoni għall-prodotti tiegħu. Din it-trasformazzjoni seħħet u għadha qed isseħħ fuq perjodu transitorju li fih is-settur qed jiġi mgħejjun b’miljuni kbar ħalli jaddatta ruħu. Kieku pajjiżna ma sseħibx, il-bidwi u r-raħħal kien ikollhom jikkompetu f’suq ħieles mingħajr l-ebda għajnuna. Għas-snin 2007-2013 il-biedja Maltija se tgawdi minn fondi taħt il-Pjan għall-Iżvilupp Rurali filwaqt li jkunu għaddejjin ukoll it-taħdidet ma’ l-Unjoni Ewropea dwar ir-riforma tal-PAK u l-Pjan għal-Iżvilupp Rurali ġdid. Għar-rigward tal-parti tal-mistoqsija fuq tagħlim, nitolbu jirreferiha lill-Ministru kkonċernat.