B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30547, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ilu jingħata xogħol b'direct orders sa minn meta kienet fis-seħħ l-Awtorità dwar it-Trasport? Jista' jgħid għaliex għadu jgawdi mill-istess xogħlijiet ta' direct orders sal-lum? Jista' jipprovdi lista ta' xogħlijiet li din il-persuna ngħatat mill-2008 sal-lum flimkien mal-ħlasijiet li ġew mogħtija lil din l-istess persuna? Jista' jsemmi minn kienet il-persuna fi Transport Malta responsabbli sabiex din il-persuna tiġi mqabbda u tesegwixxi dan ix-xogħol u jgħid għaliex?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat illi s-sezzjoni tal-Aerodrome Standards tiġi amalgamata ma' dik tal-Air Navigation Servces?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi huwa ppjanat illi minħabba li f’Malta hawn ajruport wieħed, litteralment żgħir, is-sezzjonijiet tal-Aerodrome Standards u tal-Air Navigation Services se jkunu amalgamati fil-futur.
Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jirregola l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta jew jieħu ħsieb l-infrastruttura tal-fire section kwantu jirrigwarda l-infrastruttura tal-aerodrome stante l-fatt illi s-sezzjoni tal-aerodrone standards mhijix operabbli peress illi hija sprovista min-nies?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li d-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili għandu sezzjonijiet tekniċi oħrajn minbarra l-Aerodrome Standardisation Unit (ASU) u għalkemm persuna mill-istaff tal-ASU qiegħdha fuq leave ta' qabel l-irtirar mix-xogħol u l-persuna l-oħra irriżenjat mill-impjieg tagħha b'mod immedjat u mingħajr notifika xi ġranet ilu, d-Direttorat regolarment jagħmel spezzjonijiet u awditjar kemm tal-Malta International Airport u anke tat-Taqsima tat-Tifi tan-Nar tal-Ajruport. Mill-verifiki li saru, sal-lum dawn iż-żewġ operaturi qegħdin jissodisfaw l-obbligazzjonijiet tagħhom.
Ta' min wieħed isemmi wkoll, illi xi ġimgħat ilu d-Direttorat impjega persuna oħra fl-ASU u għalkemm qiegħdha tieħu t-taħriġ meħtieġ, din il-persuna għandha l-esperjenza f'dan il-qasam. Persuna oħra qiegħdha tiġi mpjegata bħala Assistent Kap waqt li persuna oħra ġiet impjegata biex tibda xogħol f’din is-sezzjoni fil-ġranet li ġejjin. Qegħdin isiru wkoll arranġamenti ma’ organizzazzjonijiet ta’ taħriġ barra minn Malta biex isiru korsijiet speċifiċi biex jiċċertifikaw persuni tad-direttorat biex ikunu jistgħu jirregolaw dawn l-operaturi.
Sewwieqa tal-Arriva — xuffiera li ġew agrediti, insultati, mhedda u msawta
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' rapporti intavolati minn sewwieqa tal-Arriva fejn irrappurtaw każijiet fejn huma ġew agrediti, insultati, mhedda u anke msawta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha Transport Malta mingħajr Administration Department liema dipartiment huwa integrat fid-Direttorat tal-Corporate Services?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-rwol tal-Administration Department kien integrat fid-Direttorat tal-Corporate Services tal-Awtorita’ mat-twaqqif tagħha fl-2010.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36548, ġaladarba l-informazzjoni tinżamm mal-istatistika ta' xogħlijiet oħra, jista' l-Ministru jipprovdi din l-istatistika flimkien mal-lista tal-kuntrattur/i u jindika dawk il-postijiet ta' fejn ġie stallat ix-xogħol imsemmi? Jista' jgħid jekk kienx hemm direct order fuq dawn ix-xogħlijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ġbir ta' informazzjoni sabiex titwieġeb din il-mistoqsija jirrikjedi ammont sproporzjonat ta' ħin u riżorsi u sakemm l-Onor. Interpellant ma' jispjegax ir-raġuni għaliex għandu bżonn din l-informazzjoni, ma' jidhirlix li jkun utli li naħlu riżorsi finanzjarji u umani biex dan isir.
Jista' l-Ministru jgħid kemm xogħol ta' dragging sar mill-2010 sal-lum biswit il-Malta FreePort? Jista' jgħid jekk inħarġux il-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti għar-rigward tax-xogħlijiet li ġew imwettqa, inkluż dak li għaddej illum?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mis-sena 2010 sal-lum sar xogħol ta' tħammil tas-South Quay ta' Terminal 2 u n-North Quay ta' Terminal 1. Bħal issa qed isir it-tħammil tal-fairway biswit il-Malta Freeport. Ix-xogħol qed isir mill-operatur privat Malta Freeport Terminals Ltd u għandu l-permessi meħtieġa mill-MEPA.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36552, jista' l-Ministru jgħid min jieħu d-deċiżjonijiet finali mill-bord tal-interviews fi Transport Malta u kif jiġu appuntati l-pożizzjonijiet meta jinħarġu l-vacancies?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-evalwazzjoni tal-kandidati li japplikaw għall-pożizzjonijiet issir mill-Interviewing Panel fuq bażi global tal-marki li kull wieħed ikun ta lill-kandidati rispettivi. Għalhekk ħadd minnhom ma jieħu deċiżjoni finali.
Il-pożizzjonijiet jsiru a bażi tal-ħtiġijiet tal-Awtorita’ skont l-esiġenzi tagħha.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36843, peress li l-Ministru ddikjara li ħadd minn Transport Malta m'attenda s-summit tal-5+5, jista' l-Ministru jgħid jekk mhux minnu li kien hemm persuna li ġiet eżentata mix-xogħol waqt dan il-perjodu? Jista' jgħid għaliex seħħet din eżenzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li kien hemm persuna minn Transport Malta li kienet rilaxxata għal ċerti ħinijiet waqt is-Summit tal-5 + 5 fuq talba tal-organiżżaturi, mhux biex tattendi s-Summit iżda biex tassisti fl-organiżżazzjoni.
Transport Malta — Dipartiment tal-Quality Control Unit
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-2010 kienx għadu fis-seħħ id-Dipartiment tal-Quality Control Unit fi Transport Malta? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid meta dan id-dipartiment kien ġie tterminat? Jista' jipprovdi l-lista ta' dawk il-persuni flimkien mal-pożizzjoni u l-grad tagħhom li kienu jaħdmu f'din is-sezzjoni tad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura? Jista' jkun speċifiku u jgħid x'tip ta' xogħol kien jesegwixxi kull persuna?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36839, jista' l-Ministru jgħid mil-liema pajjiż bdew il-vjaġġ tagħhom il-containers li kellhom ir-radioactive material qabel ġew mgħobbija mill-port ta' La Havre? Jista' jgħid kemm huwa l-perjodu li CMA CGM MAGELLAN jagħmel il-vjaġġ tiegħu lejn Malta u jekk kull darba li jagħmel dan il-vjaġġ ikollux dan il-materjal abbord?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-containers imsemmija bdew il-vjaġġ tagħhom mill-Kazakhstan.
Il-perjodu li jieħu l-vapur biex jasal min Le Havre għal-Malta huwa ta' ħamest'ijiem, dan jiddependi mill-kundizzjonijiet tal-baħar.
Mhux kull darba li l-vapur CMA CGM Magellan jagħmel il-vjaġġ lejn Malta ikollu dan it-tip ta' materjal abbord.
Merchant Shipping — board room - sett ta' siġġijiet mibdula
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36292, jista' l-Ministru jgħid min kien dak in-negozju jew kuntrattur li esegwixxa x-xogħol ta' manutenzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant illi fil-mistoqsija tiegħu Nru. 36292 hu ried ikun jaf in-nefqa sabiex ġie mixtri sett ġdid u dak li jien irrispondejt. Ninsab infurmat li ma sar l-ebda xogħol ta’ manutenzjoni fuq is-siġġijiet minn negozju jew kuntrattur. Dawn is-siġġijiet ttieħdu mill-maintenance department sabiex jiġu merufgħa u wżati f’uffiċini oħra.
Transport Malta — bord tal-evalwazzjoni tat-tenders
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36553, jista' l-Ministru jgħid, stante l-fatt illi Transport Malta mhux qed issegwi l-proċeduri maħruġa mid-Direttur tal-Kuntratti, fuq liema bażi u/jew kriterji jiġu magħżula l-individwi biex jagħmlu parti mill-bord tal-evalwazzjoni tat-tenders fi Transport Malta u x'inhu l-inqas grad tal-impjegat li hu kkunsidrat sabiex jintagħżel biex jagħmel parti minn dan il-bord?
Response (GATT, AUSTIN)
Għal kuntrarju ta' dak li qed jgħid l-Onor. Inerpellant, ninsab infurmat li Transport Malta ssegwi l-iStandard Operating Procedures / Guidelines maħruġa mid-Direttur tal-Kuntratti. Il-persuni li huma magħżula biex jiffurmaw parti mill-evaluation committee jikkonsistu f’Chairman, segretarju/a u tliet evalwaturi. Ic-Chairman u l-evalwaturi għandhom ikunu fi grad manġerjali filwaqt li segretarji jistgħu jkunu fi gradi inqas. L-evalwaturi jinkludu individwi li għandhom tagħrif ġenerali adegwat u li hu assoċċjat mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi inklużi fit-tender. Is-segretarju/a jkun individwu li huwa familjari ma’ proċeduri ta’ procurement u dan dejjem skond il-proċeduri msemmija li ma jindikawx ħtieġa li l-persuna jrid ikollha xi grad minimu.
Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni tal-kriterji li fuqhom Transport Malta tiġġudika lill-impjegati tagħha u cioè tikkonsidra dawk li huma responsabbli minn dawk li huma meqjusa bħala irresponsabbli?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun iktar speċifiku fid-domanda tiegħu.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36550, ġaladarba l-persuni li f'isimhom inħarġu l-omas passes u li mill-informazzjoni kurrenti jirriżulta li rari jaċċedu f'dan il-konfini, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li nħarġu l-omass passes f'isem dawn il-persuni?
Response (GATT, AUSTIN)
M'għandix għalfejn niddubita l-informazzjoni li diġà tajt fit-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija Nru. 36550. Jekk l-Onor Interpellant għandu xi informazzjoni konkreta differenti, nitolbu jgħaddihieli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għal Transport Malta fuq spejjeż li saru għad-delegazzjoni tal-5+5? Jista' jipprovdi r-rendikont fiex kienet tikkonsisti din in-nefqa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36549, jista' l-ministru jgħid jekk il-pożizzjoni msemmija mhijiex attwalment fis-seħħ fit-Transport Malta? Jista' jipprovdi l-lista ta' dawk l-uffiċjali li qed jesegwixxu xogħolhom b'terminu ta' kuntratt fi ħdan Transport Malta? Jista' jipprovdi d-dati tal-kuntratti promessi lilhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu l-għajdut li f'dawn l-aħħar ġranet kien hawn f'Malta investigaturi Belġjani u li dawn investigaw diversi uffiċjali ta' Transport Malta inkonnessjoni mal-allegat każ ta' hacking imqajjem minn dakinhar Kummissarju għal Malta John Dalli? Jikkonferma l-Ministru li tnejn minn dawn l-uffiċjali kienu l-persuni li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament? Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-eżitu ta' din l-investigazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi Transport Malta m'għandha l-ebda ħjiel jew informazzjoni li tindika dak li qed isemmi l-Onor. Interpellant, iżda jekk l-Onor. Interpellant għandu xi ħaġa aktar minn "għajdut" nistiednu jaqsamha ma' din il-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ħaddiema tax-xatt li għad li l-ħlas tagħhom jinħareġ minn Transport Malta peress illi huma liċenzjati minn Transport Malta, attwalment mhumiex kunsidrati bħala impegati ta' Transport Malta peress li huma self employed u li jitħallsu regolarment bir-rata ta' ħaddiem tax-xatt, qegħdin ta' kuljum jippreżentaw ruħhom fl-uffiċini ta' Transport Malta u hemm jagħmlu xoghol li għandha impjegati li suppost huwa huma li jagħmlu dan ix-xogħol b'rata ferm anqas? Separatament, jista' jgħid kemm hi l-ispiża u kemm huwa n-numru ta' dawn il-ħaddiema tax-xatt ingaġġati minn Transport Malta sabiex jagħmlu dan ix-xogħol u kemm attwalment jitħallsu l-ħaddiema ta' Transport Malta li bħalissa qed jagħmlu l-istess xogħol? Jista' jgħid jekk dawn il-ħaddiema tax-xatt, ġaladarba mhumiex impjegati ta' Transport Malta nħarġilhomx xi permess apposta sabiex ikunu jistgħu jidħlu fil-bini ta' amministrazzjoni ta' Transport Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minħabba diversi sitwazzjonijiet ta' mard fost erbgħa mill-impjegati illi jaħdmu fis-sezzjoni tal-Port Workers Section u passat ta' diversi prattiċi li mhumiex adekwati, Transport Malta bħalissa mhux f'pożizzjoni li toffri servizz kif meħtieġ ta' Roster Keeping biex jiġu allokati l-ħaddiema tal-port liċenzjati.
Għaldaqstant, biex jiġi assigurat illi l-provvista ta' ħaddiema tal-port tkun adekwata u ma jkunx hemm impatt fuq l-attivita` tal-portijiet Maltin, l-Awtorita' talbet l-assistenza tal-
Malta Dockers Union.
Konxji tal-gravita` tas-sitwazzjoni, il-
Malta Dockers Union
aċċettat u pprovdut numru ta' uffiċċjali sakemm l-Awtorita` tkun f'pożizzjoni li toffri s-servizz sħiħ u adekwat.
Dawn il-ħaddiema tal-port qegħdin jaħdmu flimkien mar-
Roster Keepers
tal-Awtorita'.
Transport Malta s’issa ħallset is-somma ta’ €18,484 lill-
Malta Dockers Union
li, fuq talba ta’ l-Awtorita`, tipprovdi tlett ħaddiema tal-port liċenzjati kuljum. Il-ħaddiema ta’ Transport Malta li jagħmlu x-xoghol ta’
Roster Keepers
, fl-2011 bejniethom tħallsu € 98,113 (għal tliet
Roster Keepers
).
Il-ħaddiema tal-port liċenzjati huma kollha awtorizzati li jidħlu fil-binja magħrufa bħala l-
Port Workers Section
u għalhekk m’hemmx il-ħtieġa ta’ xi permess partikolari.