Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5610 u jgħid, wara li s-sena l-oħra rajna l-ħsara kbira li qed jagħmel il-Bumunqar Aħmar tal-Palm,
a) Kemm instabu siġar tal-palm mejta matul l-2007 u l-2008?
b) Jekk il-Ministeru tiegħu għadux iħalli l-importazzjoni ta’ siġar tal-palm, u jekk iva minn fejn qegħdin jigu importati dawn is-siġar?
ċ) Jekk jafx min huwa l-importatur jew importaturi li importaw is-siġar tal-palm infettati, u jekk hux beħsiebu jieħu xi passi?
d) Jekk hux se jikkompensa lil dawk l-individwi li tilfu s-siġar tal-palm stabbiliti fil-ġonna privati tagħhom, aktar u aktar meta l-Ministeru tiegħu approva l-importazzjoni ta’ siġar tal-palm minn pajjiżi fl-Ewropa fejn il-bumunqar tal-palm kien diġà magħruf?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat lid-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti, jżomm rekords ta’ kemm nstab palm infettat u palm li nqala’. Matul l-2007 saru 160 spezzjoni u nstabu 90 palma infettata. Fl-2008 saru 478 spezzjoni u rriżulta li ġew maqlugħa 193 palma. Sa l-aħħar t’April ta’ din is-sena saru 127 spezzjoni u ġew maqlugħa 183 palma.
L-importazzjoni tas-siġar tal-palm huwa rregolat mill-Att tal-Kwarantina tal-Pjanti u mill-miżuri ta’ emerġenza skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea 2007/365/KE. Din tistabilixxi li l-importazzjoni ta’ siġar tal-palm jista’ jsir biss minn dawk il-pajjiżi terzi li jiddikjaraw li huma zona ħielsa minn dan l-insett. M’hemm l-ebda pajjiż fil-preżent li jissodisfa din il-kundizzjoni tant li matul l-aħħar sena ma kienx hemm importazzjoni ta’ palm.
Il-Ministeru għandu lista tal-importaturi kollha tal-pjanti jew prodotti tal-pjanti, inkluż tal-palm. Passi jittieħdu biss meta importaturi jiksru r-regolamenti.
Il-kumpens irid jitqies f’sens wiesa’ għax il-Gvern qed jgħin b’diversi modi inkluż għajnuna teknika f’forma ta’ pariri għal-prevenzjoni ta’ din il-marda lil dawk li jkunu irreġistraw mad-Dipartiment is-siġar suxxettibli. Barra minhekk, palm infettat f’residenzi privati, jinqala’ minn impjegati tal-Gvern mingħajr ħlas sakemm ikun ppruvat li ttieħdu l-miżuri neċessarji biex il-palm ma jiġix infettat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk it-triq bl-isem ta' Ħal Lew il-Qrendi inħariġx fuqha jew hija koperta b'permess sabiex isir rimi ta' radam fiha?
Jista' jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kelliex permess tarmi radam fi Triq Ħal Lew il-Qrendi wara li l-kuntrattur tagħha fit-8 ta' Jannar ġabar l-istess minn Triq Ħaġar Qim Qrendi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dwar l-allegat rimi ta' skart, il-MEPA m'għandhiex informazzjoni fejn eżatt allegatament intrema dan l-iskart biex tkun tista’ tinvestiga u tara, fost l-oħrajn, jekk dan intremiex mill-kuntrattur tagħha jew minn xi ħaddieħor.
Għalhekk nitolbu lill-Onorevoli Interpellant biex jekk għandu provi ulterjuri u informazzjoni iktar preċiża, jissottomettihom għal aktar investigazzjonijiet.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8035 u jgħid jekk it-triq bl-isem ta' Ħal Lew il-Qrendi inħariġx fuqha jew hija koperta b'permess sabiex isir rimi ta' radam fiha?
Jista' jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kelliex permess tarmi radam fi Triq Ħal Lew il-Qrendi wara li l-kuntrattur tagħha fit-8 ta' Jannar ġabar l-istess minn Triq Ħaġar Qim Qrendi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8035.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3291 u jgħid kemm kien hemm extension services joperaw fil-perjodu ta' bejn 1996-2007 sena b'sena? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li dawn l-extension services ġew magħluqa fl-irħula? Jista' jgħid x'alternattiva ser jagħti fid-dawl tad-diffikulta' enormi li l-bdiewa qed jaffaċċjaw issa li qed jikkompetu f'suq akbar u f'ambjent ta' kompetizzjoni aktar wiesgħa u f'realtà ġdida?
Jista' jgħid, f'każ li jirriżulta li ġie reġistrat telf ta' flus, x'kienet ir-raġuni li setgħet waslet għal dan it-telf, in vista tal-fatt li tul dawn l-aħħar snin sew l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Gvern Malti taw tant sussidji lil produtturi lokali?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7786 u jgħid meta ser isir il-pagament rigward is-sussidju dovut lil tal-pitkalija għas-sena 2008 stante li sal-lum dawn għadhom ma rċevew xejn?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7231 u jgħid meta ser isir il-pagament rigward is-sussidju dovut lil tal-pitkalija għas-sena 2008, stante illi sal-lum dawn għadhom ma rċevew xejn?
Produtturi tal-majjal — Special Temporary State Aid
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3038 jgħid għar-rigward ta' l-ispecial temporary state aid lil produtturi tal-majjali rigward is-sussidju tal-SMPPMA u għajnuna tal-restructuring taħt l-SMPPMA mis-sena 2002 sas-sena 2008,
i. X‘fondi kien hemm disponibli?
ii. Kemm minn il-fondi ma intużawx?
iii. X’qed jagħmel il-Gvern fuqhom ?
iv. X’qiegħed il-Gvern jirraporta f’dan ir-rigward lil Unjoni Ewropea?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6654 u jgħid:
a. Kemm applikaw bdiewa għall-għajnuna matul dawn l-aħħar erba' snin biex jirristrutturaw l-irziezet tagħhom?
b. Jekk sarx xi forma ta' awditjar fuq proġetti li ġew iffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni Ewropeja?
c. Min huma l-uffiċjali li jwettqu dan l-awditjar tar-ristrutturar tal-irziezet ?
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar is-Servizzi Finanzjarji ġietx mogħtija garanzija bil-miktub mill-Gvern li l-Gvern jagħmel tajjeb għad-depożiti tal-klijenti tal-banek kummerċjali f'każ li dawn imorru ħażin kif kien iddikjara li ser jagħmel?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-regoli li jigvernaw l-Iskema ta’ Kumpens lid-Depositant (Depositor Compensation Scheme Regulations 2003 ) bħalissa qegħdin jiġu emendati sabiex jiġu alinejati mad-Direttiva il-ġdida tal-Unjoni Ewropea (2009/14/EC) u b’hekk l-iskema tkun tista’ tiggarantixxi depositi bankarji sa € 100,000, f’kas li Bank ifalli. Dawn l-emendi qegħdin jiġu finalizzat u mistennija li jidħlu fis-seħħ sal-aħħar ta Ġunju 2009 skond it-termini tad-Direttiva. Ta’ min jinnota ukoll illi dawn ir-regolamenti jipprovdu illi l-amministrazzjoni tal-iSkema tkun f’idejn Management Committee awtonomu kif imwaqqaf taħt il-provedimenti tal-istess regolamenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-banek kummerċjali lokali għandhomx l-interessi tagħhom insured?
Jekk fl-affermattiv, jista' jserraħ moħħ il-poplu u jindika l-assigurazzjoni/jiet li magħha/hom l-investimenti tal-banek kummerċjali lokali jinsabu assigurati?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara il-Mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-bdiewa li jrabbu l-baqar għal produzzjoni tal-ħalib ser jirċievu l-flus dovuti lilhom bħala għajnuna taħt l-SMMPPA sabiex itaffu l-ispejjeż minnhom inkorsi meta huma għamlu xogħlijiet ta' upgading fl-irziezet tagħhom bejn is-sena 2007-2008?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li qed issir survey mid-Dipartiment tal-Agrikultura flimkien mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet biex jiġu assessjati t-talbiet tar-raħħala. Kif jispiċċa dan l-eżerċizzju jkun jista’ jitkompla l-proċess biex dawn l-operaturi jitħallsu.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk it-triq bl-isem ta' Ħal Lew il-Qrendi inħariġx fuqha jew hija koperta b'permess sabiex isir rimi ta' radam fiha?
Jista' jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kelliex permess tarmi radam fi Triq Ħal Lew il-Qrendi wara li l-kuntrattur tagħha fit-8 ta' Jannar ġabar l-istess minn Triq Ħaġar Qim Qrendi?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jinbagħtu separatament, għad li hija full time fisherman, qed tiġi rifjutata li tingħata irmiġġ fejn tista' torbot il-qoxra tagħha u dan nonostante l-fatt li ilha li applikata madwar disa' snin, u kienu ħafna dawk li ngħataw avolja applikaw warajha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu saru applikazzjonijiet mad-Dipartiment tal-Artijiet biex jiġu rikonoxxuti l-inkwilni f’artijiet proprjetà tal-Gvern fl-iskema tas-sena 2002?
Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew proċessati sal-lum?
Għal liema raġunijiet ċerti applikazzonijiet tal-iskema tas-sena 2002 għadhom pendenti?
U, peress illi dawk li għadhom qed jiġu proċessati, għal liema dewmien ma jaħtux huma, humiex ser jiġu eżentati mir-reviżjoni u awment fl-ammont għall-fidi taċ-ċens gravanti l-proprjetà tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Nifhem li d-domanda li qed jagħmel l-Onor. Interpellant hija dwar l-Iskema mħabbra fil-baġit tas-sena 2002 dwar il-bejgħ jew fidi taċ-ċnus ta’ dawk il-postijiet amministrati mill-Uffiċċju Konġunt u li aktar tard ġiet estiża għal proprjetajiet simili amministrati mid-Dipartiment tal-Artijiet.
In-numru ta’ applikazzjonijiet ipproċessati sal-31 ta’ Marzu huwa ta’ 4,692, li minnhom 1,734 ġew finalizzati u sar il-kuntratt relattiv.
Il-maġġoranza tal-applikazzjonijiet, għadhom pendenti peress li qabel ma jsir il-Kuntratt, iridu jsiru ċerti verifiki kif ukoll il-pjanti għar-reġistrazzjoni mar-Reġistru tal-Artijiet. F’ċerti każi saħansitra jkun meħtieġ jinġiebu aktar dettalji mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi li qabel kienu jamministraw dawn il-proprjetajiet.
It-tibdil li sar fil-kundizzjonijiet sar sabiex jiġi evitat li ssir spekulazzjoni mill-proprjeta’ msemmija u jibqa’ viġenti l-ispirtu u l-iskop tal-iskema msemmija u cioe li min japplika jibqa’ jirrisjedi fil-post u juzaha bħala d-dar residenzjali tiegħu. Min applika taħt l-iskema u daħal f’konvenju, per eżempju, kien qed jagħmel dan bi ksur lampanti tal-iskema msemmija u d-Dipartiment ma jistax jirrispondi għall-għemil ta’ min abbuża jew ried jabbuża mill-iskema. Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw għal dawk l-applikazzjonijiet kollha pendenti. Pero’ tajjeb li ngħarraf lill-Onor. Intepellant li ma kien hemm l-ebda awment fir-rati ta’ kif jiġu mifdija ċ-ċnus gravanti dawn il-proprjetajiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk nhar il-Erbgħa, 8 ta' April 2009 inħariġtx letter minute interna fi ħdan il-Korp tal-Puluzija bin-numru (a) li qed jidher separatament, bis-suġġett il-bandiera nazzjonali fejn jgħid illi b'referenza għal messaġġ numru (b) li qed jidher separatament, li kien jindika li l-bandiera ta' Malta ma kellix tittella' mezzasta fil-ġranet tal-Ġimgħa l-Kbira?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għal ħrug ta' din l-ordni meta din tmur kontra s-sentiment nazzjonali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-istruzzjonijiet maħruġa mill-Korp tal-Pulizija fit-8 ta’ April, 2009 dwar it-tlugħ tal-bandiera Maltija dakinhar tal-Ġimgħa l-Kbira u l-għada s-Sibt kienu konformi ma' l-istruzzjonijiet speċifiċi li nħarġu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-istess data.
Infurmat ukoll illi l-istess istruzzjonijiet li ġew mgħoddija lill-Korp kienu japplikaw ukoll għal kull bini pubbliku ieħor kemm f’Malta kif ukoll f'Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati vetturi li tħallset il-Value Added Tax fuq ir-reġistrazzjoni tagħhom (maqsumin skond il-klassi rispettiva) kull sena mill-aħħar ta' Mejju 2004 sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Occupational Health and Saftey Authority hijiex infurmata mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali dwar it-talbiet magħmula lil dan id-dipartiment għall-benefiċċji soċjali rigward korrimenti fuq il-post tax-xogħol?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) jipprekludi lid-Direttur Ġenerali tas-Sigurta' Soċjali milli jgħaddi informazzjoni personali dwar individwi li jagħmlu talbiet għal xi beneficcji taħt l-istess Att. Għaldaqstant, l-Awtorita' tirċievi mingħand id-Diviżjoni statistika globali dwar dawn it-talbiet, iżda li ma tkunx ta’ natura personali.
Informat ukoll li l-Awtorita' kienet ipproponiet Memorandum of Understanding li kien ġie iffirmat bejn iż-żewg entitajiet biex l-Awtorita' tkun tista tinvestiga każijiet suspettati dwar talbiet li tkun irċeviet id-Diviżjoni. Barra minn hekk, il-formola li tintuża għal skopijiet ta’ talbiet għal benefiċċji dwar korriment u mard relatati max-xogħol ġiet emendata biex tkun tista taqdi l-ħtigijiet ta’ notifika taħt l-Att dwar l-Awtorita' għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq ix-xogħol. Iż-żewg entitajiet qegħdin ukoll f’diskussjonijiet mal-Uffiċjju Nazzjonali tal-Istatistika biex tkun tista tinġabar statistika iktar robusta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati siġar tal-palm minn mindu kellhom jigu registrati u ta' liema speċi huma, f’Malta, f’Ghawdex u Kemmuna?
Kemm minn dawn huma pubbliċi u kemm minnhom huma privati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-ammont u t-tip ta' Palm li ġie rreġistrat mad-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti sas-6 ta' Marzu 2009 huwa skond kif ġej:
Phoenix
Washingtonia
Oħrajn
Total
Malta
11,360
7,436
6,009
24,805
Għawdex
2,539
1,629
348
4,516
Total
13,899
9,065
6,357
29,321
Ir-reġistrazzjoni ġiet estiża sal-Ġimgħa 17 ta` April 2009.
Ir-reġistrazzjoni tal-palm minn entitajiet governattivi u mill-Kunsilli Lokali, li hija separata, għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess biex il-pazjenti tat-Thalassemia jingħataw il-mediċina bl-isem X jad?
Response (DALLI, JOHN)
Fil-preżent hemm applikazzjoni pendenti biex il-mediċina Exjade, li fiha l-ingredjent farmaċewtiku Deferasirox, tiġi ikkunsidrata biex tiġi introdotta fil-formularju tal-Gvern. Bħalissa din l-appplikazzjoni qed tiġi evalwata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu saru applikazzjonijiet mad-Dipartiment tal-Artijiet biex jiġu rikonoxxuti l-inkwilni f’artijiet proprjetà tal-Gvern fl-iskema tas-sena 2002?
Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew proċessati sal-lum?
Għal liema raġunijiet ċerti applikazzonijiet tal-iskema tas-sena 2002 għadhom pendenti?
U, peress illi dawk li għadhom qed jiġu proċessati, għal liema dewmien ma jaħtux huma, humiex ser jiġu eżentati mir-reviżjoni u awment fl-ammont għall-fidi taċ-ċens gravanti l-proprjetà tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.