Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċini u faċilitajiet sanitarji fl-Għammieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'alternattiva ngħataw l-ħaddiema tal-Għammieri wara li l-uffiċini u l-faċilitajiet sanitarji li ġew mibnija riċentement għalihom ġew mgħoddija lil WasteServ u lum jinsabu sprovisti minnhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l- ħaddiema għadhom qed juzaw il-faċilitajiet sanitarji li dawn kellhom iżda diġà bdew isiru l-arranġamenti meħtieġa biex jiġu refurbished partijiet oħra tas-sezzjoni biex il-ħaddiema jkollhom l-faċilitajiet necessarji aħjar fl-iqsar żmien possibli. Il-binja msemmija qatt ma kienet tintuża minn dawn il-ħaddiema.

Spejjeż ta' binja ġdida fl-Għammieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru ġiex rifuż l-ispejjeż li huwa nkorra mill-WasteServe wara li l-binja ġdida fil-kumpless tal-Għammieri li kienet intenzjonata sabiex taqdi l-esiġenzi tal-bdiewa ġiet mgħoddija lill-WasteServe?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kemm l-Għammieri u l-WasteServ jaqgħu taħt dan il-Ministeru. Għaldaqstant it-trasferiment ta' fondi titqies bħala eżerċizzju formali intern fuq il-kotba tal-Ministeru; liema trasferiment isir skont il-ħtiega u l-prijorita’ definita' mill-Ministeru. It-taħrig ta’ persuni ġejjin minn grupp fis-soċjetà Maltija meqjus bħala żvantaġġat huwa konsidrat bħala prijorità kemm għall-Gvern kif ukoll għall-istess ħaddiema. Il-binja msemmija qatt ma kienet tintuża mill-bdiewa

Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra meta l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni se jiddaħħal fis-seħħ u r-raġunijiet għalfejn għadu ma daħalx fis-seħħ meta ġie approvat f’Lulju 2009?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi permezz ta’ l-Avviż Legali 218 ta’ l-2009, li ġie pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern datata 31 ta’ Lulju 2009, daħlu fis-seħħ l-artikoli 2, 4, 5, 17, 21(1), (2), (6) u (7), 22, 46 u 47(1) tal-Att tal-2008 dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. Barra minn hekk, permezz tal-Avviżi Legali 157, 158, 159 u 160 ta’ l-2010, li ġew pubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern datata 18 ta’ Marzu 2010, ġew fis-seħħ Regolamenti hekk kif provdut skont l-artikoli 41 u 42 ta’ l-imsemmi Att.

Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra: a) kemm hemm impjegati mal-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol; b) l-gradi rispettivi tax-xogħol tagħhom; ċ) kemm minnhom huma spetturi u f’liema oqsma?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għandha 28 impjegat. Dan in-numru jinkludu żewġ ħaddiema tal-IPSL li qegħdin jagħmlu xogħol klerikali, imjegata li fil-preżent qegħda fuq parental leave, impjegat tad-Divizjoni tas-Saħħa li hu assenjat xogħol mal-awtorità, u impjegat ieħor li hu detailed mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Il-Gradi ta’ ħaddiema bin-numru ta’ impjegati f’kull grad qed jintwerew hawn taħt: Chief Executive Officer 1 Head, Technical Operations 1 Senior Managers (Administration and Management) 1 – Corporate Services 1 – Policy, Planning and Programme Implementation 1 – Communications and PR, European Agency Focal Point 1 - Communications and PR, European Agency Focal Point (Barra mix-xoghol fuq parental leave ) Senior Managers (Technical) 1 – Engineering 1 – Radiation Protection Principal OHS Officer 1 – Chemical/Biological Agents 1 – Radiation Protection 1 – Machinery, equipment, plant, installation 1 – Accident investigation 1 – Occupational medicine OHS Officer I 6 – assenjati fil- general pool tal-iSpetturi Personal Assistant 1 Senior Clerk 2 Clerk 4 Messenger/Driver/Handyman 1 1 – detailed mal- OPM TOTAL 28

Ħsejjes ta' irrejżjar ta' magna tal-ajruplani

Question

Jista' l-Ministru jassigura li l-inċident u ċioe, l-irrejżjar ta' magni tal-ajruplani fil-hangers li hemm fil-Karwija ma jerġax jirrepeti ruħu speċjalment fil-ħinjiet ta' matul il-lejl u kmieni filgħodu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #16289 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — talbiet għal ħruġ ta' liċenzji għal kaċċa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm se tħallas l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar lil Malta Post bejn it-12 u l-15 ta' April 2010 in konnessjoni mal-ġbir ta' talbiet għall-ħruġ ta' liċenzji għal kaċċa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ser tħallas lill-MaltaPost p.l.c. rata fissa ta’ €0.91 għal kull talba li attwalment issir għall-ħruġ ta' liċenzji għal kaċċa bejn it-12 u l-15 ta' April 2010. Din ir-rata hija r-rata li l-MaltaPost titlob minn għand id-diversi awtoritajiet, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jużaw lill-MaltaPost għal ġbir tal-kontijiet.

Marsaxlokk — irmiġġ ta' qxur kbar tas-sajd

Question

Jista' l-Ministru jiżgura li qabel isir kwalunkwe ċaqlieq fl-irmiġġ ta' qxur kbar tas-sajd ġewwa l-Port ta' Marsaxlokk fid-dħul tal-magħluq, isiru l-istudji marittimi opportuni minħabba l-kurrenti u r-riħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — kariga ġdida għal ex direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ex Direttur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux qed jokkupa xi kariga ġdida fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li permezz tagħha huwa konċess lilu li janalizza files u jikseb aċċess f'uffiċini?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li l-persuna indikata ma tokkupa l-ebda kariga fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.

Awtorità tad-Djar — Chief Executive Officer - vettura

Question

Tista' l Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li, l-ex-chief executive officer tal-Awtorità tad-Djar li ilu li reżenja minn Novembru 2009, sal lum għadu qed jiċievi l-paga, daqs li kieku għadu jokkupa l-kariga, mingħand l-awtorità u li għadu jagħmel użu esklussiv mill-vettura tal-istess awtorità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn meta Dr. Paul Debattista ġie appuntat konsulent fil-Ministeru tal-Politika Soċjali, l-paga tiegħu baqgħet tiġi maħruġa mill-Awtorità tad-Djar u mħallsa lura mill-Ministeru. Rigward il-karozza li baqa’ ntitolat għaliha fil-kariga ġdida tiegħu, din qegħdha tiġi mislufa lill-Ministeru matul dan iż-żmien li l-Awtorità għadha mingħajr CEO. Il-Ministeru qed irodd lura wkoll l-ispejjeż tal-fuel u spejjeż oħra konnessi magħha.

Importazzjoni ta' ikel

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif ikel impurtat minn pajjiż applikant tal-Unjoni Ewropea u li miegħu l-Unjoni Ewropea għandha ftehim ta' dwana li huwa it-Turkija, jista' jiġi miżmum f’Malta? Ir-raġuni kienet li l-ikel li kien tin packed ma kellux lot number fuq kull pakkett imma kellu it-tikketta fuq kull kaxxa ssiġilita. Proċeduri simili, ngħataw iċ-ċans li issir labelling hawn Malta fuq kull oġġett, qabel ma nħareġ, imma f’dan il-każ ma nħadmitx din il-proċedura u l-konsinnja msemmija kellha tiġi irritornata lura lejn it-Turkija b’detriment għal importatur? Jista' l-Ministru jagħti spjega għal din il-prattika?

Response (FENECH, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-konsenja ta’ tin kienet ġiet impurtata f’Malta f’Novembru 2008 u din ma kinitx miżmuma mid-Dwana iżda mill-Awtoritajiet tas-Saħħa minħabba regolamenti ta’ saħħa.
Leg 11 PQ #16076 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Interim From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

tbajja sofor fir-residenzi f'Ħal Kirkop

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid sarux analiżi tat-tbajja sofor li qegħdin ta' spiss jaħkmu r-residenzi ta' Ħal Kirkop speċjalment meta r-riħ ikun bejn it-Tramuntana u l-Grigal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #16077 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Interim From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — fdalijiet storiċi

Question

Jista' l-Prim Ministru, bħala responsabbli mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippajanr, jgħid jekk sarux analiżi sabiex jiġi stabilit jekk hemmx fdalijiet storiċi fiż-żona tal-Karwija, limiti ta Ħal Safi, fejn qed jiġi proġettat bini ta' hanger u triq ġdida meta huwa magħruf li din iż-żona hija sensittiva arkeoloġikament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

survey sabiex jiġi stabilit jekk is-servizz offrut lill-amputees hux sodisfaċjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tul dawn l-aħħar għaxar snin qatt sarx xi survey sabiex jiġi stabbilit jekk is-servizz offrut lill-amputees hux sodisfaċenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li qatt ma saru surveys dwar servizzi li jiġu offruti lill-amputees.

Ħal Safi — skola governattiva - tazzi tal-plastik

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga x-xniegħa persistenti li fl-iskola governattiva ta' Ħal Safi, it-tfal ingħataw tazza tal-plastik li ġew imġiegħla jżommu sabiex l-għada jerġgħu jixorbu minnha avolja x-xarba mogħtija tkun waħda differenti u dan kontra kull kodiċi ta' igene?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mhix proċedura fl-iskola Kulleġġ San Benedittu Primarja Safi li t-tfal jingħataw tazzi tal-plastik. It-tfal huma mitluba jġibu tazza tal-plastik magħhom mid-dar biex jieħdu l-ħalib. Din it-tazza hi waħda personali u tittieħed lura d-dar kuljum. L-unika darba din is-sena skolastika li l-iskola pprovdiet tazzi tal-plastik kien f’attivita’ sportiva fejn il-kap tal-iskola sponsorjat personalment l-ilma u tazzi tal-plastik ġodda għal waqt din l-attivita’. It-tfal li riedu jixorbu ngħataw tazza ilma friska. Min ried it-tieni jew aktar ilma seta’ juża t-tazza provduta. Waqt l-attivita’ x-xorb kien dejjem ilma. Wara l-attivita’, t-tazzi nġabru kollha u ntremew fl-iskip tal-plastik.
Leg 11 PQ #15093 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

carnet du chasse

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-carnet du chasse, li huwa neċessarju sabiex tiġi mġedda l-liċenzja tal-kaċċa, sal-lum għadu ma ntbagħatx?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-MEPA qiegħda tiffinalizza l-Carnet de Chasse ta' l-2010, sabiex dan ikun għand l-applikanti sa Marzu 2010, u għalhekk dawn ikunu jistgħu japplikaw għat-tiġdid tal-liċenzja tagħhom fi żmien xieraq qabel ma jinfetħu l-istaġuni tal-kaċċa u/jew insib.

Tal-Qajjenza — bandli

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx l-intenzjoni li tiġi mibnija area ta' rikreazzjoni u ċioe bandli fl-area tal-Qajjenza peress li t-tfal tal-akwata ma għandhomx post fejn jirrekreaw ruħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru koncernat.

Marsaxlokk — irmiġġ ta' qxur kbar tas-sajd

Question

Jista' l-Ministru jiżgura li qabel isir kwalunkwe ċaqlieq fl-irmiġġ ta' qxur kbar tas-sajd ġewwa l-Port ta' Marsaxlokk fid-dħul tal-magħluq, isiru l-istudji marittimi opportuni minħabba l-kurrenti u r-riħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

kors li jwassal għall-grad ta' Officer of the Watch

Question

Tista' l-Ministru tintervjeni u tara li l-istudenti li tul dawn l-aħħar snin applikaw għall-kors li jwassal għall-grad ta' Officer of the Watch organizzat mill- MCAST u li r-riżultat joħroġ mil-Awtorità Marittima ta' Malta, ma jibqgħux jiġu sprovisti minn għalliema bil-konsegwenza li kors ta' tliet snin jieħu aktar minn ħames snin u għadu ma tlestiex u li l-korsijiet anċillari għalih qegħdin idumu ma jibdew b'detriment għall-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kors ta’ Officer in Charge Navigational Watch li huwa kors ta’ tliet snin u li jiġi offrut mill-Istitut Marittimu tal-MCAST, m’għandux nuqqas ta’ għalliema u dejjem kien hemm għalliema biżżejjed għal dan il-kors biex jgħallmu f’kull suġġett. Is-sena li għaddiet kien hemm xi dewmien biex jitlesta kors għax l-istudenti kien għad baqalhom jattendu ancillary kors ta’ ġimgħa, li kien għadu ma ġiex uffiċjalment approvat mill-istess Awtorita’ Marittima. M’huwiex minnu li dan il-kors qatt kellu dewmien ta’ iktar minn ħames snin kif qed jiġi allegat, biss jista’ jingħad li kien hemm xi studenti li baqgħu jagħmlu xi eżamijiet għal xi żmien wara l-perjodu tal-kors ta’ tliet snin, għax ma kienux għaddew minn xi eżamijiet finali.