Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sqallija — interlink

Question

B'referenza għar-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 18768 u 18733 u mistoqsijiet oħra relatati, u b'referenza wkoll għall-kopja tad-dokument li qed jintbagħat separatament, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi skont id-dokument anness il-piż sabiex jintalab il-permess indikat ġie mpoġġi fuq min jieħu t-tender filwaqt illi skont ir-risposti ndikati mogħtija, dan il-piż waqa' fuq l-awtoritjaiet lokali? Ma jaħsibx li l-informazzjoni mogħtija skont id-dokument gerrxet ażjendi internazzjonali interessati u tat lok għal sitwazzjoni ta' instabilità, meta tqis li l-pożizzjoni dwar is-suġġett indikat fir-risposta mogħtija fid-dokument uffiċjali tbiddlet mil-lejl għan-nhar? Jista' jgħid, fid-dawl ta' din is-sitwazjoni ambigwa, li defenittivament skoraġġiet contenders maġġuri, jekk hux fi ħsiebu jestendi t-terminu tal-għeluq tat-tender ħalli kumpaniji li setgħu kienu nteressati li jissottomettu l-offerta tagħhom u li qatgħu qalbhom minħabba l-fatt illi kienu ġew mogħtija nformazzjoni differenti min dik sottomessa fir-risposti mogħtija lilhom, kuntrarjament għar-risposta mogħtija mill-Ministru permezz tal-mistoqsijiet sovra ndikati, jerġgħu jirrevedu l-pożizzjoni tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tender titlob li t-tenderer irid ikun responsabbli li jġib il-permessi neċessarji mill-awtoritajiet taljani f’isem l-Enemalta. Enemalta għandha tkun l-applikant formali għal dawn il-permessi. Dawn il-permessi m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-connection agreement li huwa ma’ Terna u li huwa bżonnjuż biex jiġi mqabbad mas-sistema tal-vultaġġ għoli tan-network Taljana. Il-bżonn li t-tenderer irid iġib il-permessi f’isem Enemalta kienu jafu biha t-tenderers kollha minn meta ħarġet il-pubblikazzjoni tar-Request for Proposals s-sena l-oħra u l-ebda estensjoni taż-żmien mhux ikkunsidrat neċessarju.

Malta Enterprise — salarju u fringe benefits taċ-chairman

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'salarju u fringe benefits għandu ċ-Chairman tal-Malta Enterprise?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi l-Onorevoli interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16710.

Biċċerija — taħdidiet dwar privatizzazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar jekk sarux, jew qegħdin isiru, jew hemm xi ħsieb li jsiru taħdidiet mal-privat li jistgħu jwasslu għall-privatizzazzjoni tal-biċċerija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

S’issa l-gvern m’għandu l-ebda pjan biex tiġi pprivatizzata l-biċċerija.
Leg 11 PQ #18617 Sitting 242 2010-06-22 Oral · Interim From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Safi — Għar Tal-Libru - protezzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qed jitttieħdu sabiex l-għerien magħrufa bħala Tal-Libru ġewwa Ħal Safi, fil-kontrada tal-Karwija, li huma uniċi fid-dinja peress li huma mibnija fuq żewg saffi, jiġu protetti u jsiru aċċessibbli għall-pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Klabb Sajf — applikazzjonijiet minn studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti li applikaw biex jipparteċipaw fi Klabb Sajf skont cirkulari SSD 45/10 tat- 23 ta' April 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ studenti li applikaw biex jipparteċipaw fi Klabb Sajf skond ċirkulari SSD 45/10 tat-23 ta’ April 2010 kien ta’ 182 student.

Klabb Sajf — Studenti b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tispjega fid-dettal x'inhi r-raġuni li studenti b'diżabilità li għandhom facilitator mhumiex qed jitħallew jipparteċipaw fi Klabb Sajf ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Klabb Sajf qiegħed biss għal tfal li jattendu l-Complimentary Education. Tfal li għandhom diżabilità jipparteċipaw bħal tfal oħra fi Skola Sajf u dawn jiġu ssapportjati mill- Learning Support Assistant ukoll.
Leg 11 PQ #18160 Sitting 236 2010-06-14 Oral · Interim From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Marsaxlokk — Loggia

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi l-Loggia, li reġgħet inkixfet waqt xogħlijiet ġewwa Marsaxlokk u li tmur lura għall-1876 u li kienet ġiet restwarata snin ilu mill-Gvern għal prezz ta' Lm20, għad li se jittieħdu ċerta prekawzjanijiet, se terġa' tintradam minflok ma' tiġi sposata jekk ikun il-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Malta Enterprise — salarju u fringe benefits taċ-chairman

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'salarju u fringe benefits għandu ċ-Chairman tal-Malta Enterprise?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #16076 Sitting 234 2010-06-08 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

tbajja sofor fir-residenzi f'Ħal Kirkop

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid sarux analiżi tat-tbajja sofor li qegħdin ta' spiss jaħkmu r-residenzi ta' Ħal Kirkop speċjalment meta r-riħ ikun bejn it-Tramuntana u l-Grigal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA rċeviet xi rapporti bħal dawn minn żmien għal żmien. Mill-indikazzjonijiet sa issa, mhux eskluż li dawn it-tbajja jistgħu jkunu ta' oriġini naturali billi kien hemm rapporti f’pajjiżi oħra ta’ tbajja simili partikolarment fir-Rebbiegħa. Sa issa ma rriżultat l-ebda rabta ma’ attivitajiet industrijali. Il-MEPA qiegħda tipprova tiġbor kemm jista’ jkun informazzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop li għalih għamlet referenza, sabiex l-investigazzjoni tkun aktar iffukata. Per eżempju mingħajr indikazzjoni eżatta tal-ġranet u ħinijiet meta dawn it-tbajja jirriżultaw, ikun diffiċli li r-riżultat mad-direzzjoni tar-riħ u konsegwentement ma’ ċerti attivitajiet.

Pulizija — flus foloż

Question

Jista l-Ministru jgħid: a) Kemm saru rapporti fl-għases tal-pulizija dwar każijiet fejn persuni pruvaw jagħmlu użu min flus foloz fil-perjodu 1 ta' Jannar 2010 sa 31 ta' Mejju 2010? b) Fl-liema għases tal-Pulizija saru dawn ir-rapporti; u ċ) X'passi ttieħdu f'kull każ separat.

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, il-Pulizija kellha 12-il rapport dwar flus foloz li kienu rrapurtati fl-Għases ta’ Ħal Balzan, Wied il-Għajn, Ħaż-Żebbuġ, Birkirkara, San Ġiljan, Valletta, Qawra u l-Kwartieri Ġenerali. Infurmat ukoll li dawn ir-rapporti kollha ġew investigati u kien hemm każ fejn il-persuna kienet giet identifikata u nbdew proċeduri kontriha quddiem il-Qorti.

Żurrieq — Triq Karmnu Zammit - ilma jqattar

Question

Jista' l-Ministru jara li l-kanna tal-ilma li ilha tqattar ix-xhur fi Triq Karmnu Zammit fiż-Żurrieq tingħata l-attenzjoni neċessarja sabiex ma jibqax jinħela daqstant ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma m’għandhiex rapporti ta ħsarat fi triq Karmnu Zammit, Żurrieq. Għalhekk il-bieraħ saret spezzjoni f’din it-triq fejn irriżulta li hemm ħsara żgħira. Din ġiet imsewwija.

GRTU — flus mill-Ministeru tal-Finanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti fi flus kontanti li l-Ministeru tal-Finanzi għadda lill-General Retailers Trade Union tul dawn l-aħħar tliet snin u għal liema raġuni dawn ġew hekk mgħoddija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kien hemm żewġ ammonti imħallsa lill-GRTU tul dawn l-aħħar tliet snin. L ewwel ammont li l-Ministeru ħallas kien ta' 2,000 euro għal Sponsorship għall-Ġurnata dedikata lill-Intrapriżi Żgħar u Medji; it-tieni pagament kien ta' 10,000 euro u dan kien għal servizzi li għandhom x’jaqsmu ma’ monitoring ta’ prezzijiet - Tisħiħ ta’ Protocol ta’ Junju 2007 fuq l-Proċess tal-Euro Changeover.

Ħsejjes ta' irrejżjar ta' magna tal-ajruplani

Question

Jista' l-Ministru jassigura li l-inċident u ċioe, l-irrejżjar ta' magni tal-ajruplani fil-hangers li hemm fil-Karwija ma jerġax jirrepeti ruħu speċjalment fil-ħinjiet ta' matul il-lejl u kmieni filgħodu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.

inċidenti fatali fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-inċidenti li seħħew fit-toroq tagħna tul l-aħħar għaxar snin, sena b'sena u jgħid liema minnhom ġew segwiti bil-mewt tal-vittma?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: Sena Numru ta’ incidenti rappurtati Incidenti Fatali Vittmi ta’ ncidenti Fatali 2000 12996 12 15 2001 13660 19 19 2002 14294 15 17 2003 14270 17 17 2004 5866 12 14 2005 4181 13 18 2006 4766 11 11 2007 5008 14 14 2008 3896 15 15 2009 2978 16 21 2010* 689 7 7 *sal-31/03/2010 Ta’ min jinnota illi minn Marzu 2004, l-inċidenti tat-traffiku fejn ma jkun weġġa’ ħadd u ma jkunx hemm ħsara fi proprjetà tal-Gvern, bdew jiġu investigati mill-Gwardjani Lokali.

GRTU — flus mill-Ministeru tal-Finanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti fi flus kontanti li l-Ministeru tal Finanzi għadda lil General Retailers Trade Union tul dawn l-aħħar tliet snin u għal liema raġuni dawn ġew hekk mgħoddija?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Żurrieq — Triq il-Qiegħa - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'posibilità hemm li Triq il-Qiegħa ġoż-Żurrieq tiġi mibnija u mogħtija wiċċ, peress li ilha pendenti għal iktar minn 25 sena u qiegħda żżomm milli jibda l-proġett tal-kunsill lokali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-triq tagħmel parti mill-lista ta’ toroq li jridu jsiru mill-Gvern Ċentrali. Ix-xogħlijiet fuq din it-triq ikunu jistgħu jsiru skont il-fondi u l-prioritajiet li jirriżultaw.

Fondi mill-Unjoni Ewropa għad-Dipartiment tal-Edukazzjoni — formola mhux mimlija tajba

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li min kien inkarigat mill-mili tal-formola għat-talba sabiex d-Departiment tal-Edukazzjoni jirċievi fondi mill-Unjoni Ewropea imlihiex ħażin, bil-konsegwenza li d-dipartiment se jirċievi anqas fondi? Jista' l-Ministru jgħid meta l-fondi hekk allokati se jiġu mgħoddija lill-iskejjel b'mod partikolari dawk li jgħallmu x-xjenza?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-proġett li jġib l-isem ta’ ‘Xiri ta’ Apparat Xjentifiku u Teknoloġiku għall-iskejjel tal-iStat’, proġett li hu kkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF). Dan il-proġett hu mmexxi mid-Direttorat responsabbli mill-Kwalità u l-iStandards fl-Edukazzjoni, fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja. Mhux minnu li min kien responsabbli mill-mili tal-formola neċessarja imliha ħażin. Il-fatti huma li l-applikazzjoni mtliet tajjeb ħafna u d-Direttorat konċernat irċieva l-fondi kollha mitluba fl-applikazzjoni. Wara sejħa pubblika għall-offerti u l-proċess kollu relatat ma’ tali sejħa, il-kuntratti relatati max-xiri tal-apparat bħalissa qed jiġu ffirmati kemm minn naħa tad-Direttur tal-Kuntratti kif ukoll minn naħa tal-kuntratturi rebbieħa tad-diversi partijiet tal-offerta ġenerali, biex fil-ġimgħat li ġejjin l-apparat kollu jkun jista’ jiġi mgħoddi u stallat fid-diversi skejjel tal-iStat.

Sezzjoni tal-ALE — persuni taħt arrest

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema jedd il-pulizija tas-sezzjoni tal-Administrative Law Enforcement qegħdin iżommu persuni taħt arrest sabiex iġiegħluhom jagħtu dikjarazzjonjiet sabiex jikxfu nies li setgħu kienu għall-kaċċa? Jista' jgħid x'passi se jieħu sabiex jinqata' dan l-abbuż ta' poter li għalih jistgħu jiġu fornuti anke l-ismijiet tal-uffiċjali involuti? Jista' jgħid din l-investigazzjoni that duressb'liema liġi hi sanzjonata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija m'aġġixitx bil-mod kif interpretat mill-Onorevoli Interpellant.

Casual u part-time nurses

Question

In vista tad-dikjarazzjoni magħmula fil-budget li persuni li kienu fl-ingaġġ mal-gvern bħala casual nurses jew part-time kien se jsirilhom il-bridging u jingħataw l-iscale skont kemm kienu ħadmu, jista' l-Ministru jgħid x'sar f'din id-direzzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità ħa diversi miżuri biex dawk l-infermiera mpjegati fuq bażi temporanja, sew jekk full-time u sew jekk part-time, ikunu jistgħu jingħataw impjieg regolari li jkun jirrifletti ż-żmien kollu magħdud f’daqqa ta’ servizz preċedenti mal-Gvern fil-gradi ta’ l-infermiera. Fit-2 ta’ Ġunju 2009 l-infermiera reġistrati fl-ewwel livell jew f’oqsma speċjali mal-Kunsill ta’ l-Infermieri u Qwiebel ingħataw l-opportunita’ għal ħatra regolari fis-Settur Pubbliku mhux biss fuq bażi full-time iżda, għall-ewwel darba, fuq bażi part-time wkoll. Fil-każ ta’ l-infermiera reġistrati fit-tieni livell ma’ l-istess Kunsill li huma mpjegati fuq bażi temporanja jew każwali u li diġa kellhom mpjieg regolari mal-Gvern, tressqet talba lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku f’isimhom biex huma wkoll ikunu jistgħu jiġu regolariżżati fuq bażi full-time jew part-time skond il-preferenza tagħhom. Fi kwalunkwe każ, dan l-impjieg regolari jintitola lill-infermiera konċernati għall-process ta’ bridging , u ċioè għal aġġustament fis-salarju u l-grad tagħhom flimkien mal-ħlas ta’ allowances u d-dritt għall-benefiċċji l-oħra kollha li huma intitolati għalihom l-infermiera kollha b’impjieg regolari mal-Gvern.