Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija tal-ALE — investigazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn fejn joħroġ id-dritt u l-poter tal-Pulizija (Administrative Law Enforcement) li arbitrarjament iwwaqaf bdiewa li jkun għaddejjin għal affari tagħhom riekba xi karru miġbud minn mutur tal-ħart u jfittxulhom fl-ixkejjer jew kaxxi tal-kartun għal għasafar? Jista' jara li dawn it-tip ta' abbużi jieqfu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet Parlamentari preċedenti. Però inħeġġeġ lill-Onorevoli Membru biex jekk jaf b'xi ħadd li ħassu aggravat bl-aġir tal-Pulizija, iressaq l-ilment tiegħu quddiem l-awtoritajiet kompetenti.

Kwartieri tal-Pulizija — għasses - Air Conditions units

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ġewwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija huma attrezzati bl-air condition units filwaqt li l-għasses ma għandhomx?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi huwa l-ħsieb tal-Korp tal-Pulizija illi jattrezza l-Għasses kollha b'tagħmir ta' arja kondizzjonata. Dan il-proċess mistenni li jsir gradwalment.

Skwadri speċjali tal-Pulizija — special allowances

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-iskwadri speċjalizzati tal-Pulizija huma intitolati għal special allowance filwaqt li tad-distretti m'għandhomx?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sabiex membru tal-Korp jikwalifika għal special duty allowance irid ikun assenjat xogħol speċjaliżżat.
Leg 11 PQ #16077 Sitting 265 2010-10-20 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — fdalijiet storiċi

Question

Jista' l-Prim Ministru, bħala responsabbli mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippajanr, jgħid jekk sarux analiżi sabiex jiġi stabilit jekk hemmx fdalijiet storiċi fiż-żona tal-Karwija, limiti ta Ħal Safi, fejn qed jiġi proġettat bini ta' hanger u triq ġdida meta huwa magħruf li din iż-żona hija sensittiva arkeoloġikament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikant, il-Perit inkarigat mix-xogħlijiet, il-MEPA, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u l-Ministeru ta’ l-Ekonomija u Investiment Finanzjarju kkordinaw sabiex jiġu analizati u rrekordjati l-oqbra palaeolitiċi li nstabu dan l-aħħar fiż-żona indikata waqt żvilupp kopert bil-permessi tal-MEPA. Dawn l-oqbra ma kinux magħrufa li jeżistu imma se jiġu salvati.
Leg 11 PQ #18160 Sitting 265 2010-10-20 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Marsaxlokk — Loggia

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi l-Loggia, li reġgħet inkixfet waqt xogħlijiet ġewwa Marsaxlokk u li tmur lura għall-1876 u li kienet ġiet restwarata snin ilu mill-Gvern għal prezz ta' Lm20, għad li se jittieħdu ċerta prekawzjonijiet, se terġa' tintradam minflok ma' tiġi sposata jekk ikun il-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nikkonfermaw, kif kien mistenni, li waqt xogħol ta’ titjib fit-triq tax-xatt f’Marsaxlokk, sewwa sew quddiem il-pjazza tar-raħal, ġew riskoperti ftit mill-elementi tal-pedament ta’ waħda min diversi loġoġ għal-għajn tal-ħasselin. Dawn il-pedementi ma kienux fi stat komplut, għax xi żmien ilu kienu ġew disturbati meta sar xi xogħol ta’ katusi tad-drenaġġ fl-inħawi. Illum l-għajn tal-ħasselin u l-kopertura tagħha tinsab aktar viċin il-baħar. Xi studjużi jgħidu li oriġinarjament kienet inbniet loġġa għal għajn tal-ħasselin f’Marasxlokk,li mbgħad kienet sposjata għal post x’imkien lejn iċ-ċentru tal-pjazza.Billi anki f’din il-pożizzjoni kienet ta’ xkiel għar residenti tar-raħal, il-loġġa reġgħet ġiet spostata għal fejn illum instabu l-elementi tal-pedamenti li dwarhom qed issir din il-mistoqsija parlamentari.Maż-żmien, hekk kif żdied it-trafiku tal-karozzi u hekk kif sar tibdil struturali fil-pjazz il-loġġa kienet sposjata għall-aħħar darba għall-post fejn tinsab illum. Hekk kif beda x-xogħol ta’ tisbieħ u rikostruzzjoni tat-triq ewlenija fix-xatt ta’ Marsaxlokk, l-uffiċjali tal-MRRA, kif wkoll xi resident ital-post,infurmaw lis-Sovrintendenza dwar is-sejba ta ftit ġebel li darba kienu parti mil-pedament tal-loġġa li kien hemm qabel dik ta’ illum. Bl-għajnuna tal-istess uffiċjali, dawn il-fdalijiet ġew imkejla u nżamm record tagħhom fuq survey, qabel ma dawn reġgħu tgħattew biex terġa tinbena t-triq.Qabel ma sar dan, kien assigurat illi l-ġebel li nstab kien kopert tajjeb b’ geotextrile membrane u skont metodi approvatti li jassiguraw il-konservazzjoni tagħhom.Dan jassigura wkoll li l-passaġġ tal-ilma min-nixxiegħa naturali għall-għajn ikun assigurat mingħajr xkiel. Fil-pjannijiet tal-proġett ta’ tisbieħ f’Xatt is-Sajjieda Marsaxlokk,it-triq, li għadha kif tlestiet, żammet l-istess konfigurazzjoni, u għaldaqstant kull tip ta’ bini jew struttura fl-imsemmi post joffri ostaklu għall-passaġġ tat-traffiku li jgħaddi mill-inħawi..

Sptar għall-Annimali San Franġisk — klieb u qtates

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-massimu ta' żmien li klieb u qtates jinżammu fl-Isptar għall-Annimali San Franġisk? Fejn se jmorru wara jekk ma jkunux mas-sidien tagħhom? It-tmexxija tas-santwarji huma nvoluti fil-management u fil-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-massimu ta’ ġranet li annimal jista’ jinżamm fiċ-Ċentru u jagħmel użu mis-servizz ta’ l-After Care hu ta’ 30 ġurnata. Malli jgħaddi dan iż-żmien , jekk l-annimal ikun instab abbandunat allura jaqa’ taħt ir-responsabbilità tad-Direttorat ghall-Ħarsien ta’ l-Annimali u jitpoġġa għall-addozzjoni. Qabel ma ġie deċiż li tintgħazel entità li tmexxi dan iċ-ċentru il-Ministeru ħareġ sejħa għall-offerti għall-management ta’ din il-faċilità. L-NGOs li ssottomettew offerta ġew imlaqqgħa diversi drabi biex imexxu dan iċ-ċentru flimkien bħala fondazzjoni u dan minkejja li l-offerti tagħhom ma kenux l-aktar finanzjarjament vantaġġjużi . Madankollu dan il-ftehim ma ntlaħaqx bejn l-NGOs involuti u allura l-Gvern ma kellux triq oħra ħlief li jinnegozja mal-entità li għamlet l-aħjar offerta.

Sptar għall-Annimali San Franġisk — involviment privat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ involviment privat fih l-Isptar għall-Annimali San Franġisk u kif saret l-għażla relatata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 20153.

ALE — Invażjoni ta' art privata

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari 19694, jista' l-Ministru jispeċifika liema hu l-artikolu tal-Kodiċi Kriminali li jikkonferixxi tali poter lill-uffiċjali tal-Administrative Law Enforcement sabiex arbitrarjament jinvadu art privata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant kemm għat-tagħrif li tajt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19694, kif ukoll għat-Taqsima 1 tat-tieni Ktieb tal-Kodiċi Kriminali li jittratta fuq is-setgħat u d-dmirijiet tal-pulizija esekuttiva fil-proċedimenti kriminali.

ALE — poter biex jidħlu f'proprjetà privata

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19694 jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-indizji li jikkonferixxu fuq l-uffiċjali tal Administrative Law Enforcement l-poter awtomatiku sabiex arbitrarjament jidħlu fi proprjetà privata jippruvaw isibu xi irregolarità?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20219.

Att dwar l-armi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-pulizija qegħda tkun diskriminatorja fil-konfront biss tal-kaċċaturi u nassaba u fl-ebda ħin ma tapplika l-poteri konferiti lilha bl-Att dwar l-Armi fil-konfront tal-pubbliku in ġenerali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġa' kellhi l-okkazjoni ninforma lill-Kamra fl-esekuzzjoni tad-doveri u dmirijiet tagħha, l-Pulizija dejjem taġixxi skont il-liġijiet tal-pajjiz. Però jekk l-Onorevoli Interpellant jaf b’xi każ fejn il-Pulizija aġġixxiet mod ieħor, inħeġġu sabiex jirraporta tali aġir lill-awtoritajiet kompetenti sabiex dan ikun investigat skont il-liġi.

Sptar għall-Annimali San Franġisk — rendikont tal-klieb u annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-Isptar għall-Annimali San Franġisk, min u kif se jżomm rendikont tal-klieb u annimali li se jidħlu hemm sabiex ma jkunx hemm abbużi rigward visti u mediċini? Kif se jkun qed jiggwida ruħu l-pubbliku fir-rigward tat-tariffi li japplikaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Isptar għall-Annimali San Franġisk — bdil fl-expression of interest

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif fil-każ tal-Isptar għall-Annimali San Franġisk, l-expression of interest għal aftercare centre (u mhux għal tmexxija ta’ sptar jew klinika) spiċċat inbidlet waqt in-negozjati mal-privat wara s-sejħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li fis-sejħa li nħarget għat-tmexxija taċ-Ċentru San Frangisk qatt ma kien eskluż it-trattament mediku tal-annimali .

Spiżerija tal-Isptar għall-Annimali San Franġisk — mediċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-Ispiżerija tal-Isptar għall-Annimali San Franġisk hemmx spiżjar? Minn fejn u kif jinxtraw il-mediċini relatati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Mhux normali li wieħed isib spiżjar ġewwa klinika ta’ l-annimali peress li l-veterinarju nnifsu, waqt il-viżita, jgħaddi direttament l-mediċina lill-klijent biex tiġi amministrata lill-annimali li jkunu taħt il-kura tiegħu, liema mediċina tinxtara direttament mill-veterinarju. F’ każ fejn veterinarju jippreskrivi mediċina fuq riċetta, din tkun tista tinxtara minn numru ta spiżeriji privati li huma liċenzjati biex ibiegħu mediċini veterinarji.

Sptar għall-Annimali San Franġisk — osservazzjoni tar-regolamenti tal-x-ray

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-Isptar għall-Annimali San Franġisk humiex qed jiġu osservati r-regolamenti kollha rigward l-użu tal-apparat tal-x-ray?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infumat li fiċ-Ċentru San Fraġisk qed jiġu osservati ir-regolamenti kollha rigward l-użu tal-apparat tal- x-ray.

Sptar għall-Annimali San Franġisk — taraġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-aċċess għall-Isptar għall-Annimali San Franġisk hemmx taraġ u kif se jinżlu dan it-taraġ żwiemel li se jkollhom bżonn l-għajnuna veterinarja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Fiċ-Ċentru San Frangisk hemm żewġ aċċessi wieħed quddiem u ieħor wara. Fin- naħa ta’ quddiem hemm rampa li tista’ tintuza biex żwiemel jidħlu fl-isptar.

Sptar għall-Annimali San Franġisk — klinika veterinarja fil-pjanti oriġinali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-pjanti oriġinali ppreżentati quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Isptar għall-Annimali San Franġisk kienx jinkludi klinika veterinarja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Żurrieq — Triq il-Qiegħa - area ta' rekreazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq il-Qiegħa, Żurrieq hix waħda minn dawk it-toroq pjanati li jinbnew stante li f'din l-area hemm ippjanata area ta' rikreazzjoni li fin-nuqqas tat-triq ma tistax tinbena?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 19277.

Żurrieq — Bubaqra - roundabout

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir roundabout fil-wesgħa bejn Triq Santa Marija, San Martin u Sant Andrija Bubaqra, Żurrieq għall-aħjar maniġġ tat-traffiku f'din l-inkursjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq diġà ressaq talba simili lil Transport Malta li mistennija tagħti d-deċiżjoni tagħha lil kunsill fil-ġranet li ġejjin.

tfixxija fuq persuni u dħul ġo proprjetà privata mill-ALE

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema hija dik il-liġi li ssuperat id-dritt ta' proprjetà kif sanċit mill-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea u li permezz tagħha membri tal-Administrative Law Enforcement qegħdin jidħlu fuq art privata u għelieqi, bla permess u għall-ebda raġuni u jikkonduċu tfittxijiet fuq il-persuna u ġo dwejriet bit-tama li jsibu l-inqas oġġett biex imexxu quddiem il-Qorti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Membru, d-dritt tal-proprjetà m’huwiex sancit mill-Kostituzzjoni bħala dritt assolut u individwu jista' jiġi assoġġettat għad-dħul tal-awtorità pubblika fuq il-proprjetà tiegħu fost raġunijiet oħra fejn ikun hemm suspett raġonevoli li ġie kommess reat u għall-investigazzjoni ta’ l-istess reat taħt il-kondizzjonijiet imposti mill-Kodiċi Kriminali. Fil-każijiet li qiegħed jalludi għalihom l-Onorevoli Membru ninsab infurmat illi l-Pulizija jkunu qed jaġixxu skont il-poteri u d-dmirijiet tagħhom taħt il-Kodiċi Kriminali sabiex jipprevjenu u jikxfu reati kriminali inklużi dawk bi ksur ta’ l-Att dwar il-Ħarsien ta’ l-Ambjent u tar-Regolamenti tal-2006 Dwar il-Konservazzjoni ta’ l-Għasafar Selvaġġi u ta’ l-Att dwar l-Armi.

liġi li tippermetti li l-Pulizija tal-ALE jiħdlu ġol-għelieqi privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema hija dik il-liġi li permezz tagħha l-Pulizija u cioe l-Administrative Law Enforcement, mingħajr permess u mingħajr ma jkun hemm l-iċken ħjiel ta' kontravenzjoni tal-liġi, jaqbdu u jidħlu fl-għelieqi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19694.