persuna li ma rċevitx il-voucher tad-dawl u l-ilma
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni għalfejn il-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament, ma rċevitx il-voucher tad-dawl u l-ilma?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jivverifika d-dettalji tal-konsumatur li ntbgħatu separatament mal-mistoqsija parlamentari sabiex ikunu jistgħu jsiru l-verifiki li hemm bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-individwu li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament, ma rċeviex il-voucher tad-dawl?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ma kienx inħarġilha ċekk tal-energy allowance minħabba li kien hemm bżonn isir xi tibdil fid-dettalji tal-kont tiegħu. Il-persuna konċernata se tirċievi ċ-ċekk.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess ta' kalkolazzjoni ta' arretrati dovuti lill-Pulizija għar-rigward tas-sigħat żejda li ħadmu bejn l-1993 u l-2009?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija dwar il-modalitajiet ta’ kif se jitmexxa 'l quddiem il-proċess li għandu jwassal biex, bi qbil bejn il-partijiet konċernati, tkun riżolta l-kwistjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li s-servizz pubbliku jiftaħ l-applikazzjonijiet għal spetturi tal-pulizija? Kemm spetturi tal-pulizija sa nofs is-sena d-dieħla se jkun għalqilhom iż-żmien tas-servizz?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Rigward l-ewwel domanda nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 20439. Ninsab infurmat illi sal-aħħar ta' Ġunju tas-sena d-dieħla se jkun hemm ħames Spetturi tal-Pulizija li se jkollhom 25 sena servizz.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet il-White Paper dwar il-Liġi konċernanti l-parole? Meta hu pjanat li tidħol fis-seħħ din il-liġi? Jista' jgħid jekk hux qed isir training għal Parole Officers?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta’ konsultazzjoni u analiżi li kkaratterizzaw il-White Paper dwar il-Ġustizzja Riparatriċi issa wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu u se jkun rifless fl-Abbozz ta’ Liġi li mistenni jitressaq quddiem il-Parlament fi ftit ġimgħat oħra. Il-liġi għandha tidħol fis-seħħ hekk kif tgħaddi mill-istadji kollha tal-Kamra. Ninforma wkoll li bħalissa qed isir xogħol biex jiġi ristrutturat id-Dipartiment tal-Probation biex jinkorpora l-funzjonijiet ġodda ta’ parole u victim support li jagħmlu parti intrinsika mir-riforma.
Jista' l-Ministru jara x'qed iżomm milli jinbnew il-faċilitajiet neċessarji fiċ-ċimiterju ta' San Margerita r-Rabat, Malta li huma denja u xierqa għall- ħaddiema?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat illi preżentament qiegħdin isiru xogħlijiet fuq il-kaptelli tal-oqbra tal-komun. L-infrastruttura tal-post ma tantx tagħti lok għal xi żvilupp, għalhekk qed jiġu kkunsidrati x’faċilitajiet jistgħu jiġu pprovduti lill-ħaddiema u anke lill-pubbliku li jżur dan iċ-ċimiterju.
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu ħalli jara li s-sajjieda jiġu aġevolati u jingħataw l-aċċess neċessarju għall-użu tal-faċilitajiet tal-Hard Standing ġewwa Marsaxlokk?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi s-sajjieda huma aġevolati kif ġej:-
1. Rati ssusidjati meta mqabbla ma’ bastimenti privati
2. Prijorita’ fis-sistema tal-Booking
3. Prijorita assoluta meta bastiment tas-sajd ikollu xi ħsara.
Dan il ftehim sar bi qbil maż-żewġ koperattivi tas-sajd.
Hard Standing — ftehim bejn il-gvern malti u l-unjoni ewropea
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim milħuq bejn il-Gvern Malti u l-Unjoni Ewropea dwar il-bini tal-Hard Standing ġewwa Marsaxlokk?
Jista l-Ministru jgħid min qed jagħmel tajjeb għall-konsum tad-dawl u l-ilma fil-kumpless tal-Hard Standing ġewwa Marsaxlokk?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-użu tad-dawl fil-Hard Standing Facility huwa ikkontrollat minn sensiela ta’ Service Pillars li min juża l-faċilità irid iqabbad magħhom. Is-sistema taħdem b’cards li jinxtraw u li jiġu nseriti fil-pillars għal-provista ta’ dawl u ilma. Id-dawl li jintuża mill-amministrazzjoni jitħallas mill-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li qed jippermetti li fil-Hard Standing ġewwa Marsaxlokk qed isiru xogħlijiet li huma aktar kompatibbli ma' xogħol li kien isir fil-kumpless tat-Tarzna?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hix l-intenzjoni tal-gvern li jibni tarzna żgħira minflok il-kumpless tal-Hard Standing gewwa M'Xlokk?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li fil-Hardstanding issir xogħol ta’ manutenzjoni mis-sidien tal-bastimenti li bl-ebda mod m’hu kklasifikat ma' dak li jsir f’ tarzna.
kunsilli lokali li talbu xi forma ta’ devoluzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni fuq dawk il-kunsilli lokali li talbu xi forma ta’ devoluzzjoni ta’ siti matul l-aħħar sena? Min huma dawn il-kunsilli lokali u x’kienu l-proġetti li beħsiebhom iwettqu fuq dawn is-siti?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul din l-aħħar sena kien hemm 38 talba għal devoluzzjoni ta’ proprjetà mitluba minn diversi kunsilli lokali. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi t-talbiet magħmula mill-kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Tista' l-Ministru tgħid fir-rigward tal-proġett tal-Eko-Għawdex fiex wasal il-proġett ekoloġiku? Liema huma l-kunsilli lokali li qegħdin jieħdu sehem f'dan il-proġett? Kemm gawda Għawdex s'issa minn dan il-proġett? X'feasibility study twettaq? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-progress report tal-Eko-Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-programm ta' xogħlijiet relatat mal-viżjoni Eko-Għawdex huwa fil-fażi ta' implimentazzjoni. Ninsab infurmata wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin, għandha titnieda skema għall-proġetti mill-kunsilli lokali. Progress Report dettaljat tal-programm ta' xogħol marbut ma' Eko-Għawdex mistenni jkun pubblikat fil-ġimgħat li ġejjin fil-forma tar-Rapport Annwali tad-Dipartiment konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hemm lokalitajiet li ssieħbu fil-convenant of mayors? Jista' jgħid x'tip ta' pjan ta' azzjoni se jwettqu għat-tibdil tal-klima f'kull lokalità u jekk hemmx xi forma ta' liasoning mal-kunsilli fuq bażi individwali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-Covenant of Mayors. Hemm tletin (30) lokalità li huma imsieħba fil-Patt tas-Sindki. L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali hija s-Supporting Structure ta’ dan il-Patt mal-Kummissjoni Ewropea.
Numru ta’ Kunsilli li ħejjew
Sustainable Energy Action Plan
(SEAP) li ġie sottomess lill-Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki fi Brussel. Il-proposti jinkludu diversi inizjattivi li jistgħu jsiru fuq bażi lokali bħal per eżempju, żieda fl-użu tal-enerġija solari, użu ta’ lampi ambjentali, żieda fis-separazzjoni tal-iskart, kampanji edukattivi maċ-ċittadini u sistemi ġodda ta’ transport u oħrajn.
Il-Gvern qed jgħati għajnuna finanzjarja permezz ta’ diversi skemi ta’ fondi speċjali, filwaqt li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali qed tibqa’ tipprovdi l-għajnuna tagħha lill-Kunsilli Lokali.
Aktar tagħrif dwar dan is-suġġett jista’ jinkiseb minn fuq il-
websites
tal-Patt tas-Sindki www.eumayors.eu u tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali www.lca.org.mt.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed iħallsu għad-dawl u l-ilma r-raħħala u l-bdiewa u dan f'termini ta' metru kubu f'kilowatts?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Din il-mistoqsija tikkonċerna l-Enemalta u l-Water Services Corporation u għaldaqstant nissuġerixxi l-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tiġbor flus il-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma permezz tal-ARMS Ltd bħala ħlasijiet tad-dawl u ilma mir-raħħala u l-bdiewa ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun milħuq il-full operations tal-proġett SR Techniques li ġie inawgurat fil-Karwija din il-ġimgħa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li il-proġett tal-SR Technics li ġie inawgurat fil-Safi Aviation Park huwa proġett li għandu medda ta’ għaxar snin u li diġà beda jiddekorri skont il-ftehim li hemm mal-easyJet. Bħal kull investiment ieħor lokali jew barrani, il-Malta Enterprise għandha mekkaniżmi ta’ djalogu kontinwu fuq proġetti ta’ din in-natura u għaldaqstant jkun hemm diversi persuni involuti biex jassiguraw is-suċċess tal-operat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’se tkun qed tagħmel l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tipproċessa fuq fast track dawk il-proġetti li jolqtu l-qasam agrikolu u li se jkunu mħallsa minn diversi skemi tal-Unjoni Ewropea? Jista' jghid kemm hu ż-żmien massimu stipulat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar diġà ilha tieħu passi biex dawk il-proġetti li jolqtu l-qasam agrikolu u li se jkunu mħallsa minn diversi skemi tal-Unjoni Ewropea jingħataw l-attenzjoni neċessarja. Fir-riforma tal-proċess tal-applikazzjonijiet għall-iżvilupp, ser ikun hemm żmien massimu biex applikazzjoni tiġi deċiża mill-awtorità. Dan iż-żmien jiddependi fejn jinsab is-sit, il-kumplessita` tal-iżvilupp propost, u anke hemmx bżonn ta' xi studji partikolari bħal per eżempju Stima tal-Impatt Ambjentali (EIA). Għalhekk iż-żmien massimu jista' jvarja minn sitta u għoxrin ġimgħa sa tnejn u ħamsin ġimgħa, jew kif maqbul bejn l-applikant u l-awtorità. Ovvjament, dawn huma perjodi massimi u f'kull każ fejn hemm bżonn li tingħata prijorità, bħal żviluppi msemmija mill-interpellant, l-awtorità tara li tali applikazzjonjiet jiġu konklużi kemm jista' jkun malajr.
Tista' l-Ministru tgħid liema skejjel primarji qegħdin iqassmu l-frott jew inkella hux qed jagħtu xi healthy breakfast? Jekk fl-affermattiv, minn liema sors dan il-frott qed jemani? Tista' tgħid fiex jikkonsisti l-healthy breakfast u minn liema sors l-ikel qed jemani?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-volum ta' skart bħal slurry u demel mill-irziezet kollha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Din l-informazzjoni tinstab f’rapport li ilu jinstab fuq il-website; http://www.mrra.gov.mt/htdocs/docs/agri_waste_mgmt_plan.pdf sa minn Marzu 2009. Għall-benefiċċju tal-Onor Interpellant qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni mar-residenti ta' Ħal Safi fuq l-istallazzjoni ta’ radar kbir fil-barracks tas-suldati f'Ħal Safi? Fil-każ li r-risposta hija fin-negattiv, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan kienx nuqqas daparti tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u għaliex ġara hekk? Kien hemm xi oggezzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi fuq l-istallazzjoni tar-radar?