Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta — ingaġġ ta' security officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju ġew ingaġġati l-aħħar 13-il security officer ma' Transport Malta meta dawn m'għandhomx il-kwalifiki meħtieġa? Jista' jgħid jekk il-fatt li dawn kollha jemanu mill-ewwel distrett elettorali kienx il-kriterju meħud in konsiderazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-security officers li ġew ingaġġati, kollha huma fil-pussess tal-kwalifiki rekwiżiti fis-sejħa, ċioè kollha huma fil-pussess ta' liċenzja valida maħruġa mill-Kummissarju tal-Pulizija. L-ingaġġ sar permezz ta' kumpanija privata ta' reklutaġġ li ntervistat lil kull persuna li bagħtet l-ETC. Mhux minnu li min ġie ngaġġat kollha jiġu mill-ewwel distrett elettorali.

Skola tal-Imqabba — triq li ma tingħalaqx

Question

Tista' l-Ministru tara x'provedimenti jistgħu jittieħdu sabiex tiġi salvagwardjata s-saħħa tat-tfal li jattendu l-iskola tal-Imqabba stante li t-triq ta' quddiem l-iskola hija waħda traffikuża u fil-ħin li t-tfal joħorġu jew jidħlu din ma tingħalaqx bħal skejjel oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kap tal-Iskola u l-għalliema tal-Kulleġġ San Benedittu Primarja Mqabba jieħdu l-prekawzjonijiet kollha possibbli biex fil-ħin tal-ħrug tat-tfal mill-iskola ma jweġġa’ ħadd. Peress li t-triq ta’ quddiem l-iskola hija wahda traffikuża u ma tingħalaqx waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-iskola, twaħħal il-ħadid fuq il-bankina quddiem il-bieb prinċipali tal-iskola. Teżisti wkoll zebra crossing quddiem bieb ieħor tal-iskola li minnu joħorġu t-tfal tal-Kinder. Dawn jingħataw direttament lill-ġenituri jew familjari tagħhom, mill-għalliema tagħhom. L-istess proċedura tintuża wkoll mat-tfal tal-primarja li l-maġġoranza tagħhom ikunu qed jistennewhom il-ġenituri taghhom. Meta l-ġenituri ma jkunux hemm, it-tfal jistennew ġewwa l-iskola sakemm jaslu l-ġenituri. Numru żgħir ta’ tfal jiġu b’minivan li għandu parkeġġ riservat għalih b’mod li t-tfal jitilgħu fil-minivan minn fuq il-bankina tal-iskola mingħajr il-bżonn li jaqsmu t-triq. Sbatax-il tifel u tifla biss mill-klassijiet il-kbar jiġu l-iskola u jmorru d-dar bil-mixi mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn xi adult. Dawn joqogħdu qrib ħafna tal-iskola. Kull filgħodu, kif ukoll wara nofs inhar, ikun hemm il-preżenza ta’ pulizija biex jgħin fis-sitwazzjoni.

Skola tal-Imqabba — preżenza ta' pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal fl-iskola tal-Imqabba, il-preżenza tal-Puluzija sabiex tikkontrolla t-traffiku, sabiex tiġi evitata xi diżgrazzja, hija waħda sporadika? Jista' jara li l-Puluzija li għandu jkun preżenti kuljum fil-ħinijiet indikati, jkun attiv u jeżerċita l-fakultajiet soliti kollha marbuta mal-kariga tiegħu sabiex jassikura li tiġi salvagwardjata saħħet l-istess tfal stante illi t-triq ta' quddiem din l-iskola hija l-unika waħda f'Malta fejn ma tingħalaqx waqt il-ħinijiet indikati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-post indikat mill-Onorevoli Interpellant, fil-ħinijiet meta t-tfal jibdew u jispiċċaw l-iskola qed ikun hemm preżenza tal-Pulizija kull meta l-esiġenzi tas-servizz jippermettu. Infurmat ukoll li qed isiru arranġamenti mal-Kunsill Lokali tal-Imqabba sabiex fin-nuqqas ta' preżenza tal-pulizija fejn l-iskola, jkun hemm gwardjan lokali.

Ħaddiema tax-xatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fadal sabiex jidħol l-aħħar persuna bħala ħaddiem liċenzjat tax-xatt fost dawk il-persuni li għad fadallhom dan id-dritt konsegwenza ta' wirt? Jista' jgħid, appena din l-aħħar persuna hekk intitolata li tikseb post ta' mpjieg ix-xatt permezz tad-dritt ta' wirt tiġi hekk impjegata, x'se tkun il-proċedura sabiex persuni jigu mogħtija mpjieg ix-xatt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li skont ir-Regolamenti dwar il-Ħaddiema tal-Port, it-tfal li huma eliġibbli li jimlew vakanza ta’ ħaddiem tal-port jistgħu jiġu reġistrati bħala ħaddiema tal-port qabel ma’ l-missier ikun effettivament irtira. Dan iseħħ sabiex jinżamm in-numru stabbilit tal-ħaddiema tal-port, jiġifieri, meta ħaddiem tal-port jirtira iżda ma jkollux tfal li jimlew il-vakanza tiegħu, il-vakanza timtela' minn wild ta’ dak il-ħaddiem tal-port li jkun imissu li jirtira. Għalhekk mhuwiex importanti d-data ta’ meta jirtira l-aħħar ħaddiem tal-port bi dritt tal-wirt. Skont l-istess Regolamenti meta ma jkunx hemm persuni disponibbli li jimlew il-vakanzi li jkun hemm, l-Awtorità dwar it-Trasport f’Malta, wara rakkomandazzjoni tal-Bord dwar il-Ħaddiema tal-Port, toħroġ sejħa pubblika għall-applikazjonijiet biex jimtlew il-vakanzi. Il-bord għandu jimla l-vakanzi minn fost dawk l-applikanti li jkollhom ir-rekwiziti skont l-istess regolamenti.

Transport Malta — Chief Officer Road Contruction

Question

B'referenza għall-kariga ġdida fi ħdan Transport Malta u ċioe dik ta' Chief Officer Road Construction, jista' l-Ministru jgħid xi kwalifiki ntalbu u jekk il-kandidat magħżul, li kien jokkupa l-grad ta' engineer il-Metode, jissodisfax il-kriterji għal dan il-grad?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kwalifiċi mitluba huma ta' degree universitarja jew kwalifika ekwivalenti/relatata fil-management, project management, engineering, architecture u/jew, civil engineering. Il-kandidat magħżul jissodisfa l-kriterji għal dan il-grad.

ETC — persuni li laħqu l-età tal-pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li laħqu l-età pensjonabbli u li qegħdin japplikaw mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ sabiex isibu xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta persuna tilħaq l-eta` pensjonabbli ma tistax tirreġistra għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru. Però wieħed jista’ jirreġistra taħt parti oħra, dik ta` xogħol part time . Fuq din il-parti hemm 16-il persuna jirreġistraw.

Vetturi għall-iscrap

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) jekk wara li l-persuna inkarigata mill-gvern f'Tar-Robba takkwista l-vetturi ai fini ta' scrap skont l-iskema tal-Unjoni Ewropea, dan hux intitolat ibiegħ l-istess vetturi; b) jekk fl-affermattiv, huwiex eżentat milli joħroġ irċevuta tal-VAT; u ċ) jekk fin-negattiv, fiż-żewġ istanzi x'passi se jieħu l-Ministeru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Transport Malta — irmiġġjaturi tal-port

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Transport Malta u anke uffiċjali fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport irrifjutaw li jiltaqgħu ma rappreżentanti tal-irmiġġjaturi tal-port u anke rappreżentanti ta' assoċjazzjonijiet barranin dwar is-suġġett? Dan sabiex jiġi spjegat u kjarifikat il-fatt li dan is-settur jista' jibqa' operat bl-istess mod li huwa operat illum mingħajr l-infrazzjoni ta' xi regolamenti tal-Unjoni Ewropea.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni li għandu l-Onor. Interpellant hi skorretta, tant li saru ħafna u ħafna laqgħat ma' Transport Malta u saħansitra l-ġimgħa li għaddiet ltqajt magħhom jien stess.

Irmiġġjaturi fil-port

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li jrid jiftaħ dan is-settur u ċioe dak ta' irmiġġjatur fil-port, għal persuni li la huma trenjati u lanqas kwalifikati meta fil-preżent, sabiex persuna tkun tista' topera, din trid tissodisfa diversi regolamenti u kriterji sabiex wieħed ikun liċenzjat jagħmel dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi r-regolamenti l-ġodda jobbligaw lit-terminal operators li jiżguraw li dawk li qed jagħmlu xogħol ta’ irmiġġaturi huma adegwatament imħarrġa biex joffru s-servizz b’mod sigur, kuntrarjament għal dak li hemm fir-regolamenti l-antiki li ma jsemmu xejn dwar dan ir-rekwiżit.
Leg 11 PQ #24787 Sitting 333 2011-03-29 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armata — rata li s-suldati jitħallsu biha

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk ir-rata li s-suldati tal-Forzi Armata jitħallsu biha meta jkunu duty il-Ħadd hija l-istess daqs meta jkunu xogħol fost il-ġimgħa? Jista' jikkonferma jekk ir-rata li s-suldati tal-Forzi Armata jitħallsu biha meta jkunu duty f'xi festa hija inqas minn meta jkunu xogħol fost il-ġimgħa? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta din l-inġustizzja u diskriminazzjoni se tiġi ratifikata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li s-salarju tas-suldati tal-Forzi Armati huwa bbażat fuq ġimgħa ta’ 47 siegħa li jinkludi xogħol ta’ rutina li jista jinzerta wkoll fi tmiem il-ġimgħa. Dawk is-suldati li jkunu xogħol fil-Ħdud huma ntitolati għal Sunday Duty Allowance ekwivalenti għan numru ta’ siegħat ta’ xogħol bir-rata normali ta’ ħlas ta’ l-individwu kkonċernat. Rigward it-tieni part ital-mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008 is-suldati ġew intitolati għal ħlas ta’ allowance ġdida li flimkien mal-paga bażika hi ekwivalenti għal ħlas bir-rata ta’ siegħa – siegħa u nofs kif inhuma ntitolati l-ħaddiema kollha fis-settur pubbliku. Dan b’differenza għat- Time Off In Lieu li kienu jingħataw sa dak inhar.

Trasport Malta — statistika ta' infurzar

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-istatistika ta' infurzar ta' Trasport Malta bejn is-snin 2007 u 2008, 2008 u 2009, 2009 u 2010 u dan settur settur?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istatistika ta’ infurzar bejn is-snin 2007 u 2010 hija din li ġejja: Infurzar fuq l-Art Fir-rigward tas-sena 2007 l-Awtorita ħarġet 4596 tickets fir-rigward ta diversi kontravenzjonijiet. Iktar minn hekk uffiżjali ta-Transport Malta (dak iz-zmien ADT) għamlu 859 test fuq vetturi li ġew irrapurtati lil-Awtorita permezz tal-SMS Emission Alert System. Minn dawn, 756 għaddew it-test filwaqt li 103 weħlu. Saru wkoll 2283 road-side checks li minnhom irriżulta li 1024 kienu konformi mal-liġi filwaqt li 1259 fallew l-inspection. Apparti minn dawn, saru wkoll 56 spezzjoni fuq Carriage of Dangerous Goods by Road li minnhom 12 għaddew waqt li 44 weħlu l-ispezzjoni. Saru wkoll 31 tachograph checks . Statistika għal-vetturi li twaqfu minn-uffiċjali ta’ Transport Malta minħabba li kellhom numri tar-reġistrazzjoni barranin matul din is-sena għada qegħda tigi proċessata. Fis-sena 2008 uffiċjali ta-Transport Malta ħarġu 7310 ticket fuq diversi kontravenzjonijiet. Apparti minn hekk, saru wkoll 784 test fuq vetturi li gew irrapurtati lil-Awtorita permezz tal-SMS Emission Alert System. Minn dawn, 700 għaddew filwaqt li 84 weħlu. L-uffiċjali ta’ l-Awtorita għamlu wkoll 2479 road-side checks fuq vetturi li minnhom 1206 għaddew filwaqt li 1272 m’għaddewx. Saru wkoll 75 spezzjoni fuq Carriage of Dangerous Goods by Road li minnhom 18 għaddew waqt li 57 weħlu l-ispezzjoni. Saru wkoll 40 tachograph checks . Statistika għal-vetturi li twaqfu minn-ufficjali ta’ Transport Malta minħabba li kellhom numri tar-reġistrazzjoni barranin matul din is-sena għada qiegħda tiġi proċessata. Fis-sena 2009 uffiċjali ta-Transport Malta ħarġu 6605 ticket fuq diversi kontravenzjonijiet. Apparti minn hekk, saru wkoll 1444 test fuq vetturi li ġew irrapurtati lil-Awtorita permezz tal- SMS Emission Alert System . Minn dawn, 1162 għaddew filwaqt li 282 weħlu. L-uffiċjali ta’ l-Awtorita għamlu wkoll 2985 spezzjoni fuq vetturi li minnhom 1469 għaddew filwaqt li 1516 m’għadewx. Saru wkoll 76 spezzjoni fuq Carriage of Dangerous Goods by Road li minnhom 72 għaddew waqt li 49 weħlu l-ispezzjoni. Saru wkoll 41 tachograph checks fejn 19 instabu korretti waqt li 22 ma kienux konformi. Barra minn hekk saru wkoll spezzjonijiet fuq vetturi li kienu qegħdin jintuzaw f’toroq Maltin meta dawn kellhom in-numru tar-reġistrazzjoni barrani. Matul is-sena 2009 saru 236 spezzjoni f’ dan ir-rigward. Fis-sena 2010 uffiċjali ta-Transport Malta ħarġu 3734 ticket fuq diversi kontravenzjonijiet. Apparti minn hekk, saru wkoll 343 test fuq vetturi li ġew irrapurtati lil-Awtorita permezz tal- SMS Emission Alert System. Minn dawn, 302 għaddew filwaqt li 41 weħlu. L-uffiċjali ta’ l-Awtorita għamlu wkoll 3099 spezzjoni fuq vetturi li minnhom 1485 għaddew filwaqt li 1614 m’għadewx. Saru wkoll 79 spezzjoni fuq Carriage of Dangerous Goods by Road li minnhom 29 għaddew waqt li 50 weħlu l-ispezzjoni. Saru wkoll 47 tachograph checks fejn 25 instabu korretti waqt li 22 ma kienux konformi. Barra minn hekk saru wkoll spezzjonijiet fuq vetturi li kienu qegħdin jintużaw f’toroq Maltin meta dawn kellhom in-numru tar-reġistrazzjoni barrani. Matul is-sena 2010 saru 306 spezzjoni f’ dan ir-rigward. Infurzar fuq il-Bahar Fl-2007 uffiċjali ta’ Transport Malta (dak iż-żmien MMA) spezzjonaw 191 bicca tal-baħar u ħarġu 70 ticket. Fl-2008 uffiċjali ta’ Transport Malta (dak iż-żmien MMA) spezzjonaw 230 biċċa tal-baħar u ħargu 110 tickets. Fl-2009 uffiċjali ta’ Transport Malta (dak iż-żmien MMA) għamlu 520 spezzjoni fejn 336 ingħataw twiddiba filwaqt li nħargu 58 ticket. Fl-2010 uffiċjali ta’ Transport Malta għamlu 253 spezzjoni, minn dawn kien hemm 162 li ingħataw twiddiba filwaqt li 14 ingħataw ticket. Ajru Fir-rigward ta’ l-ajru, Transport Malta m’ tapplikax informazzjoni fuq infurzar għax l-ispezzjonijiet li jsiru mid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili jappartjenu lill- compliance.

Transport Malta — Senior manager

Question

Jista l-Ministru jgħid jekk l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jokkupa l-grade ta' senior manager fi ħdan Trasport Malta għandux il-kwalifika ta' Certificate of Professional Competence?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ċ-ċertifikat ta' Professional Competence huwa ntiż għall-operaturi u xufiera direttament involuti b'mod kummerċjali fil-ġarr ta' passiġġieri u merkanzija. Il-persuna msemmija m'għandux din il-funzjoni u allura ma jeħtieġx tali ċertifikat.

Transport Malta — informazzjoni dwar kwalifiki tal-middle management

Question

Jista' l-Ministru jagħti elenku tal-kwalifiki li jipposjedu dawk kollha mill-middle management 'il fuq fi ħdan Trasport Malta u jgħid fuq liema kriterji dawn ġew magħżula?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kwalifiki li jipposjedu dawk kollha mill-middle management 'il fuq fi Transport Malta. Il-kriterji fuq liema dawn gew magħżula jinkludu: 1. Esperjenza 2. Kwalifiċi Akkademiċi 3. Esperjenża ekwivalenti għal kwalifiċi 4. Kapaċitajiet Tekniċi skont is-suġġett 5. Performance fix-xogħol 6. Attitudni u Personalità

Transport Malta — azzjoni rigward id-dikjarazzjoni tal-Ombudsman

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni se tittieħed in vista tad-dikjarazzjoni da parti tal-Ombudsman u ċioe li Transport Malta hija inefficjenti u arroganti, sabiex jara li dan l-istat ta' fatt ma jibqax jippersisti?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtini r-riferenza relattiva.

Transport Malta — reżenja ta' min imexxi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li min hu responsbbli mit-tmexxija ta' Transport Malta sal-lum għadu ma ġiex mitlub jirriżenja u dan minkejja li Transport Malta ġiet kritikata serjament u severament sew mill-Qorti kif ukoll mill-Ombudsman?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ż-żewġ każijiet imsemmija kienu responsabiltà ta’ ħaddiema fil-middle management u m' humiex tali li jirrikjedu xi passi dixxiplinari li jwasslu għat-tkeċċija.

Transport Malta — abbuż fuq ċittadini

Question

Jista' l-Ministru jgħid, in vista tas-sentenza u kummenti da parti tal-Qorti jgħid, x'passi qed jieħu l-Ministeru sabiex jassigura li ċ-ċittadini ma jibqgħux jiġu abbużati minn Transport Malta kif ampjament ġie asserit?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-każ imsemmi għadu "sub judice".

Xogħol ta' irmiġġjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn hemm l-insistenza li x-xogħol tal-irmiġġjar fil-Port jinfetaħ b'mod mhux kontrollat meta huwa fatt magħruf li s-suq lokali huwa wieħed ċkejken u magħluq u li l-irmiġġjaturi preżenti jistgħu jibqgħu jesegwixxu x-xogħol taħt l-istess kundizzjonijiet u bil-mod li huwa esegwit illum il-ġurnata mingħajr ma jkun hemm xi infrazzjoni ta' regolamenti f'dan is-settur?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-”numerus clausus” li kien jillimita n-numru ta’ rmiġġaturi tneħħa – bi qbil magħhom - ċirka erba', ħames snin ilu. Ma jidirlhix li għandha mmorru lura min dan il-ftehim. Barra min hekk mhux minnu illi n-numru ta’ rmiġġaturi li hemm illum hu biżżejjed biex ilaħħaq max-xogħol. Transport Malta tistma li hemm bżonn mat-30 irmiġġatur waqt li bħalissa hemm biss 16 u 3 minnhom jirtiraw fis-sentejn li jmiss.

irmiġġjaturi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24504, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-irmiġġjaturi mhumiex jingħataw l-istess trattament u fakultà bħalma ġew mogħtija oħrajn, fosthom il-piloti tal-port u ċioe li jifformaw koperattiva?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-irmiġġaturi m’għandhom bżonn il-permess ta’ ħadd jekk jixtiequ jiffurmaw koperativa u Transport Malta diġà offriet l-għajnuna kollha tagħha fejn possibli.

Irmiġjaturi tal-port

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi provvedimenti beħsiebu jieħu sabiex jassigura li l-irmiġjaturi tal-Port u l-familji tagħhom ma jbatux finanzjarjament, issa li se tispiċċalhom l-esklussività u konsegwentement se jispiċċaw bla xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-regolamenti preżenti mkien ma' jitkellmu dwar esklussivita' fl-operazzjoni tal-irmiġġ. Bħala stat ta' fatt hemm diversi terminal operators li diġà esprimew ir-rieda li jinnegozjaw Service Level Agreement mal-grupp eżistenti ta' irmiġġjaturi.