Ħal Luqa — Industrial Estate - Tneħħija ta' hut u arblu
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26402, jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi mfassal il-proġett li hemm indikat u meta se jiġi implementat peress li dan ilu pendenti s-snin u l-proprjetarji tal-istabbilimenti li qed joperaw fl-akkwata qed jitilfu x-xogħol u l-possibilità ta' espansjoni, li jfisser impjiegi, u dan b'konsegwenza ta' dan id-dewmien?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalma kien spjegat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 26402, il-proġett fil-post imsemmi huwa diġa mfassal u iddisinjat, madankollu ma jistax jiġi imwettaq qabel ma’ jiċċaqalqu it-tenants li għadhom qed joperaw minn nissen huts fil-post. Ta’ min jinnota illi dawn kollha ġew allokati sit ieħor minn fejn joperaw. Malli dawn jirrilokaw, ix-xogħolijiet intenzjonati jkunu jistgħu jitwettqu.
Tajjeb li wieħed jiġbed l-attenzjoni li kif inhuma allokati l-artijiet fiż-żona industrijali ta’ Ħal Luqa ma hemmx possibbilta` ta’ espansjoni fiżika u għalhekk l-operat ta’ stabbilimenti eżistenti ma’ jiddependix minn dan ix-xogħol propost imsemmi.
Transport Malta — persuna taħt Conditional Discharge
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fil-konfront tal-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ġie liberat taħt conditional discharge, Transport Malta qiegħda tirrifjuta li terġa' tagħtih l-ingage meta huwa fatt ben stabbilit li tali sentenza ma tista' qatt tintuża kontra l-individwu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant għadha sospiża b’nofs paga sa kemm isiru l-konsultazzjonijiet legali meħtieġa dwar l-impatt tas-sentenza tal-Qorti u ċioe` dwar jekk tali sentenza għandhiex twassal għal tkeċċija jew le.
Triq mill-Gudja għal Triq tal-Barrani — xogħlijiet mhux sodisfaċenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol konsistenti fl-għoti ta' wiċċ ġdid ċioe t-triq li minn ħdejn Palazzo Bettina l-Gudja tieħdok għat-Triq tal-Barrani n-naħa ta' Santa Luċija, ġiex approvat u jekk il-kuntrattur tħallasx minkejja l-fatt li dan ix-xogħol huwa 'l bogħod milli jiġi kunsidrat bħala sodisfaċenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq din it-triq jitħallas wara li jsiru ċ-ċertifikati meħtieġa min- naħa tas-supervisor imqabbad minn Transport Malta. Din it-triq ingħatat wiċċ ġdid biex isservi ta’ diversion route għat-toroq li qed jinbnew mill-ġdid jiġifieri Triq il-Kunsill tal-Ewropa u Triq Garibaldi. L-imsemmija triq ma ġietx mibnija mill-gdid ghax kif spjegat ma kienetx dik l-intenzjoni tal-intervent li sar. Madankollu, xorta jkunu qed isiru testijiet bażiċi sabiex tiġi żgurata l-kwalita’ tal-materjali u x-xogħol li jkun sar fil-kuntest tal-parametri tal-intervent li twettaq. S’issa Transport Malta m’għandha l-ebda konklużjoni ta’ dak li l-Onorevoli Interpellant qed isejjaħlu fatt.
Ħal Luqa — Industrial Estate - Tneħħija ta' hut u arblu
Question
Jista' l-Ministru jara x'qed iżomm milli jitneħħew in-Nestle hut u arblu li qegħdin fl-Industrial Estate ta' Ħal Luqa, preċiżament quddiem Motor Test Services Ltd, meta dawn suppost li ilhom li tneħħew is-snin?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-Nissen (Nestle) hut imsemmija fil-mistoqsija, hija preżumibbilment hut 104.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm diversi
nissen
huts
fiż-żona industrijali ta’ Ħal Luqa li jridu jitwaqqgħu. Dan it-twaqqiegħ jiddependi minn diversi fatturi bħal sid li jkun għadu ma beniex l-art li tkun allokata lilu jew lilha u allura jkun għadu jokkupa il-
hut
li kellu qabel. Oħrajn, bħal f’dan il-każ imsemmi, jekk jittwaqqgħu issa, jiġu affetwati
nissen huts
oħra li bħalissa għadhom okkupati. Fil-fatt f’dan il-post partikolari hemm erba’
huts
oħra (101, 102, 103 u 122) li jridu jitwaqqgħu sabiex isir parkeġġ. Wieħed irid japprezza li ma tistax twaqqa’
hut
kultant, iżda trid tagħmel xogħolijiet f’fażijiet sħaħ. Għalhekk il-
hut
imsemmija fil-mistoqsija ser titwaqqa’ m’oħrajn f’proġett sħiħ biex il-post ikun rippristinat skont il-pjanti proposti.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li muturi sabiex jinqasmu n-nagħaġ huma neqsin mill-biċċerija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 26252, ninfurmah li ma hemm l-ebda mutur nieqes kif qed ikun allegat fil-Mistoqsija iżda mill-esperjenza akkwistata f’dawn il-ġimgħat fuq il-linja speċifika għall-qtil ta’ ngħaġ u mgħoż qed ikun ikkonsidrat li jsir investiment f’serrieq tal-qsim iżgħar u aktar ħafif minn dak li hemm.
Jista' l-Ministru jgħid lil min Transport Malta qiegħda tgħaddi x-xogħol fejn jidħol-ħadid? Jista' jgħid fuq liema kriterji ġiet magħżula din il-persuna jew kumpanija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ ħadid fi ħdan Transport Malta kien isir minn wieħed mill-membri tad-dipartiment tal-manutenzjoni. Dan l-impjegat ġie mibgħut kors ta’ tliet xhur full time fuq welding ġewwa d-dockyard. Daqs sena u nofs ilu dan l-istess impjegat ġab ċertifikat mediku li jgħid li l-welding kien ta’ detriment għal saħħtu. Eventwalment, dan ġie trasferit f’dipartiment ieħor.
Illum, minħabba dan l-iżvilupp kif ukoll għan-nuqqas ta’ workshop, xogħol ta’ ħadid għal dan id-dipartiment qed jingħata lil dawn il-kumpaniji: ‘Noel Vella Engineering’, ‘Kamoy Engineering’, ‘Jack Iron Works’ u ‘ Andrew Vassallo. Meta l-valur tax-xogħol ikun stmat aktar minn €1000, tinħareġ sejħa għal kwotazzjonijiet, hekk kif mitlub mill-proċeduri stabbiliti.
Rigward xogħlijiet ta’ ħadid relatati mat-toroq, Transport Malta tuża s-servizzi tal-MSD (MRRA) u anki toħrog sejħiet għal kwotazzjonijiet u tenders skont il-ħtiega.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandhiex unit ta' mastrudaxxa? Jekk fl-affermattiv, fejn qiegħed il-workshop tal-mastrudaxxa fi ħdan Transport Malta? Jekk fin-negattiv, x'inhi r-raġuni li nxtara tant apparat użat fis-sengħa ta' mastrudaxxa u li ġie maħżun f container fix-shed tad-deep water quay l-Marsa?
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-ħtieġa sabiex jinxtara miżien li twaħħal fuq crane proprjetà ta' Transport Malta meta dan il-crane ilu mitluq u abbandunat ix-xhur fil-yard tal-Menqa l-Marsa u meta Transport Malta m'għandha lil ħadd sabiex isuq l-istess crane?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-imsemmi miżien ġie mwaħħal fuq il-crane tliet snin ilu meta fi ħdan il-Maintenance Department ta’ Transport Malta kien hemm min isuqu. Mingħajr dan il-miżien, il-crane ma kienx jgħaddi mill-VRT.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tinfetaħ t-taqsima tal-emerġenza fi ħdan il-Biċċerija, liema taqsima kienet ġiet kundannata mill-Unjoni Ewropea u li sal-lum madwar xahar wara għadha magħluqa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li tewġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ngħaġ ossia l-muntun qed jinqatel fil-parti taċ-ċanga, stante li m'hemmx fejn jinqatlu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa minn Marzu ta’ din is-sena, l-muntun qiegħed jinqatel fuq il-linja speċifika li fuqha saru l-modifiki neċessarji sabiex ikun jista` jsir dan il-qtil ta’ ngħaġ u mogħoż. Dan kien parti mill-upgrading li kellu jsir biex il-Biċċerija tal-Marsa tkun qieghdha taħdem skont standards tar-regolamenti Ewropej li jħarsu l-qatla.
Jista' l-Ministru jara li l-pjazzetta li tagħti għal fuq Triq Wied Ganu, Żurrieq tingħata wiċċ, stante li din l-area qiegħda tintuża bħala miżbla?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-pjazzetta msemmija ma tagħmilx parti mill-lista ta' toroq residenzjali li huma ppjanati li jsiru u lanqas ma ġiet msemmija mill-kunsill lokali rispettiv biex tkun inkluża f'tali lista . Jien infurmat wkoll li t-tindif u l-infurzar neċessarju biex din il-pjazzetta ma tibqax tintuża bħala miżbla hija responsabbilità tal-kunsill lokali.
Tista' l-Ministru tara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament, ma tibqax tirċievi benefiċċji li mhix intitolata għalihom peress li din ilha x-xhur tinforma lid-Dipartiment, bil-konsegwenza li jkollha toqgħod ta' kull darba tħallas flejjes inutilment f'rifużjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata mid-Dipartiment li meta l-persuna msemmija infurmat lid-Dipartiment bit-tibdil fiċ-ċirkostanzi tagħha l-passi neċessarji ittieħdu mill-ewwel. Tajjeb infakkar li kemm-il darba ir-rapport ta’ tibdil fiċ-ċirkostanzi jsir wara li jkun ħareġ il-pagament tal-benefiċċji jista’ jirriżulta ħlas żejjed li jkun irid jinġabar bħalma ġara f’dan il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid meta ġie ċertifikat l-aħħar il-heavy machinery li hemm fit-Tarzna, illum immexxija minn Palumbo?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Shipyards tikkonferma li l-heavy machinery fit-Tarzna kellhom ċertifikati validi sakemm ġew mgħoddija lill-kumpanija Palumbo Malta Shipyard Ltd.
Il-Malta Shipyards m’hijiex f’pożizzjoni llum li tkun taf is-sitwazzjoni preżenti ta’ dan il-makkinarju u din l-informazzjoni tista’ tagħtiha biss il-kumpanija Palumbo Malta Shipyard Ltd.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Palumbo ġiex eżentat milli japplika l-Health and Safety Regulations li qabel kienu applikabbli u inforzati fit-Tarzna?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ma ngħatat l-ebda eżenzjoni ta’ din il-kwalità. Bħal kull kuntratt ieħor tal-privatizzazzjoni l-konċessjonarji dejjem ikunu obbligati li jħarsu r-regolamenti u l-liġijiet tal pajjiż.
Jista' l-Ministru jindika x'tip ta' xogħol u servizzi jforni l-maintenance department fi ħdan Transport Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta għandha żewġ dipartimenti fi ħdan id-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura li jagħmlu xogħol ta' maintenance, u li huma l-Maintenance Department u Domestic Road Construction & Maintenance Unit.
Il-
Maintenance Department
jieħu ħsieb izomm f’kundizzjoni tajba kif ukoll isewwi ħsarat ta’ natura ġenerali. Fost oħrajn:
· Isir xogħol relatat ma’ impjanti bħal sistemi ta’ arja kkundizzjonata, trattament ta’ drenaġġ, sistemi ta’ sigurta’ kontra n-nar kif ukoll ġeneraturi tal-elettriku;
· Stallazzjonijiet kollha tal-elettriku w ilma fl-uffiċini ta’ Transport Malta;
· Stallazzjoni u manteniment ta’
navigational aids
fl-ibħra Maltin;
· Ħsarat fuq mollijiet kif ukoll
breakwaters
jiġu studjati u eżegwiti wkoll minn dan id-dipartiment. F'dan il-każ, is-servizz ivarja minn twaħħil u manutenzjoni ta' dwal u
fenders
kif ukoll tiswijiet tal-istruttura nnifisha kemm fuq kif ukoll taħt il-baħar;
· Amministrazzjoni taż-żoni riservati għall-għawwiema;
· Ġarr ta’ għamara minn uffiċċju għall-ieħor. Ma’ dan il-ġarr, spiss isiru wkoll alterazzjonijiet tas-servizzi biex jakkomodaw lil min ikun ser jagħmel użu mill-uffiċċju. Isiru wkoll xogħlijiet ġenerali oħra bħall-organizzazzjoni ta’ apparat waqt konferenzi u diversi xogħlijiet oħra ta’ manteniment.
Id-Domestic Road Construction & Maintenance Unit
huwa responsabbli għal xogħlijiet ta' manutenzjoni fit-toroq arterjali u distributorji. Dawn ix-xogħljiet jinkludu tiswijiet fuq ħsarat li jirriżultaw u xogħol preventiv biex titwal is-
service life
tat-toroq u jitjieb l-aspett tas-sigurta’ tat-toroq in generali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-toilets li hemm fil-Marina tal-Imsida jinsabu magħluqa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-toilets li hemm fil-Marina tal-Imsida jinsabu magħluqa għaliex ma kienux parti mill-privatiżżazzjoni tal-istesss Marina. Iċ-ċwievet ta' dawn it-toilets se jiġu trasferiti minn Transport Malta lid-Dipartiment tal-Artijiet u huwa dan id-Dipartiment li għandu l-kompitu li jistabilixxi kif għandhom jintużaw fil-futur.
Tista' l-Ministru tara li tiġi ordnata reviżjoni tal-pensjoni tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li din qed tirċievi pensjoni baxxa ħdejn persuni oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu jew xi persuna tal-fiduċja tagħha biex tavviċina l-uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.
Vetturi tal-Korp tal-Pulizija — traġġit ta' immigranti illegali
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet qed jittieħdu sabiex titħares is-saħħa ta' uffiċjali tal-Puliziija, issa li l-vetturi tal-Korp qed jintużaw għat-traġitt ta' immigranti illegali u allura jistgħu jkunu esposti għal kondizzjonijiet mediċi prekarji?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-buses tal-Pulizija ilhom jintużaw għat-trasport ta’ immigranti rregolari sa minn meta bdew jaslu diversi snin ilu.
Għalkemm jittieħdu l-prekawzjonijiet normali, ninsab infurmat illi l-
buses
tal-Pulizija ilhom jintużaw għat-trasport ta’ immigranti rregolari u issa ta’ persuni li qed jaħirbu mill-kefrija ta’ gwerra ċivili fil-Libja u ma rriżultax li kien hemm xi problema f’saħħet il-membri tal-Korp.