Jista' l-Ministru jikkonferma u jispjega kif individwu li għandu l-grad u jitħallas paga ta' driving examiner ilu żmien jagħmel xogħol ta' skrivan, fil-Land Transport Directorate u dan meta hemm ħtieġa kbira ta' eżaminaturi ħalli jlaħħqu man-numru dejjem jikber ta' testijiet u meta l-paga ta' driving examiner hija aktar minn dik ta' skrivan?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li kienet deċiżjoni amministrattiva ta' Transport Malta u li l-paga li qed jieħu il-persuna in kwistjoni hija relattiva max-xogħol li qed jagħmel.
Jista' l-Ministru jispjega kif minkejja li Transport Malta hi mgħammra b'fire extinguishers u equipment ieħor relatat mas-saħħa u sigurtà, l-impjegati qatt ma ngħataw taħriġ kif jużaw l-istess equipments?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-uffiċċjali tas-Sigurta’ fi ħdan Transport Malta, li huma responsabbli f'każ ta' emerġenzi, huma mħarrġa b'mod regolari fl-użu tal-apparat kollu tal-fire extinguishers u apparat ieħor relatat mas-saħħa u sigurtà.
Jista' l-Ministru jgħid min ġie inkarigat minn Transport Malta sabiex jesegwixxi xogħol ta' tindif fil-vened tal-Belt, Qormi u Buġibba? Jista' jgħid jekk Transport Malta ħarġitx tender għal dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Enforcement Department — Chief Office, Senior Manager u l-Manager
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-Chief Officer, is-Senior Manager u l-Manager tal-enforcement department kenux preżenti fuq il-post tax-xogħol nhar il-Ħamis, 26 ta' Jannar 2012? Jekk jirriżulta li dawn kienu reġistrati bħala leave, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li l-istess persuni daħlu u ħarġu mill-post tax-xogħol regolarment? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li dawn kienu assenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-ġurnata msemmija, iċ-Chief Officer Enforcement kien ġurnata leave, is-Senior Manager kien leave in-nofs ta' nhar ta' fil-għodu, u l-Manager kien duty.
Infurmat ukoll li hi ħaġa normali li mpjegati fi gradi maniġerjali jkunu preżenti fil-post tax-xogħol anke meta jkunu bil-leave.
Transport Malta — - uffiċjali li huma intitolati għall-fuel b'xejn
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk l-uffiċjali tat-Transport Malta li huma intitolati għal fuel b'xejn? Jista' jindika liema sezzjoni fi ħdan Transport Malta dawn jaqgħu? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fi fuel fis-sena 2011 u kemm minn din in-nefqa marret sabiex tagħmel tajjeb għal dawk intitolati jieħdu fuel b'xejn?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jindika u jippubblika lista ta' konferenzi li Transport Malta attendiet għalihom matul is-sena 2011? Jista' jgħid x'kienet it-tema ta' kull konferenza? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa għal kull konferenza partikolari?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-safety committee fi ħdan Transport Malta kienx qed jopera fil-perjodi 2010/2011? Jista' jgħid min kienu l-membri ta' dan is-safety committee?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Health & Safety Committee fi ħdan Transport Malta twaqqaf f'April tal-2011. Il-membri f'dan il-kumitat huma kollha mpjegati ta' Transport Malta:
· HR Director
· Administration Manager
· Senior Manager
· Property Manager
· Maintenance Manager
· Materials Testing
· Safety Officer
· Specialist - Civil Aviation
Belt Valletta — Transport Malta - chipping u żebgħa fuq bollards
Question
Jista' l-Ministru jgħid lil min Transport Malta għaddiet ix-xogħol ta' chipping u żebgħa fuq bollards kif ukoll crash barriers li sar f'Xatt il-Barriera l-Belt Valletta? Jista' jgħid fuq liema kriterji ġiet magħżula din il-persuna jew kumpanija? Jista' jgħid kemm kien il-valur għal dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant jifforma parti minn kuntratt ta’ xogħol aktar wiesa’ li jkopri tiswija ġenerali tal-moll f’Xatt il-Barriera. Dan il-kuntratt ġie mogħti lil Josef Borg li tefa’ l-irħas offerta f’tender pubbliku. L-ispiża għax-xogħol ta' chipping u żebgħa fuq bollards kif ukoll xiri w installazzjoni ta’ crash barriers ġodda li sar f'Xatt il-Barriera, l-Belt kienet dik ta’ €19,380.00 inkluż il-VAT.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li permezz tagħha l-uffiċjali tal-Armata ġew gwidati joqogħdu għal first u second class education li huwa ekwivalenti għall-MQF1 meta ħafna minnhom huma ħafna aktar kwalifikati bħal MQF2 u aktar minn hekk mhux qed jaċċettaw dawn il-kwalifiki?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li dawk is-suldati li jippossedu ċertifikati fil-livell ordinarju tal-Matsec fil-Malti, Ingliż u Matematika fi gradi minn wieħed sa sebgħa jiġu awtomatikament assimilati fil-first class tal-Army Certificate of Education. Dawk li m’għandhomx dawn iċ-ċertifikati jkun jeħtiġilhom, fuq bażi volontarja, joqgħodu għall-lezzjonijiet sabiex iġibu l-kwalifika.
Dawk is-suldati li qed jattendu għall-klassijiet huma dawk li ppreżentaw School Leaving Certificates li ma kellhomx marki fis-suġġetti msemmija u/jew dawk li wara li ntalab il-parir tal Kunsill Malti Għal Kwalifiki irriżulta li ċ-ċertifikati li ppreżentaw huma ma kienux ta’ livell ekwivalenti għall-Army Certificate of Education.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minkejja li saru diversi rapporti dwar kif is-soċjetà Stivala Enterprises aktarx qiegħda taġixxi b'mod illegali fil-provvista ta' elettriċità għad-diversi negozji u appartamenti li hija tippossjedi, l-ebda azzjoni ma ttieħdet? Jista' jgħid x'qed iżomm milli tittieħed din l-azzjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rotta bin-numru 72 minflok tgħaddi minn quddiem il-fabbrika tal-ST, tistax tibda tgħaddi minn wara u ddur min mal-Menhir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-preżent m’humiex isiru tibdiliet fir-rotot. Dan sabiex jingħata żmien fejn is-servizz jistabilizza ruħu. Madanakollu, it-talbiet li qegħdin isiru għal modifiki fir-rotot jew fl-iskedi qegħdin jiġu analizzati sabiex fejn huwa possibli, jiġu attwati.
Ħal Safi u Ħal Kirkop — titjib fit-Trasport Pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jara li s-sistema tat-trasport pubbliku ta' Ħal Safi u Ħal Kirkop tiġi ameljorata peress li ta' kull filgħodu l-karozzi qegħdin jgħaddu bla ħin u fir-rush hour qed ikunu full up?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din il-problema hi solvuta u s-servizz illum hu frekwenti u regolari biż-żejjed biex jissodisfa d-domanda.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minkejja li saru diversi rapporti dwar kif is-soċjetà Stivala Enterprises aktarx qiegħda taġixxi b'mod illegali fil-provvista ta' elettriċità għad-diversi negozji u appartamenti li hija tippossjedi, l-ebda azzjoni ma tieħdet? Jista' jgħid x'qed iżomm milli tittieħed din l-azzjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallset Trasport Malta lill-kumpanija Coop Services Ltd għal użu ta' coaches b'żieda ma' dawk tal-Arriva xahar b'xahar mit-3 ta' Lulju 2011 sal-aħħar ta' Novembru 2011?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li matul il-perjodu msemmi, Transport Malta m'għamlet l-ebda ħlas lill-kumpanija Coop Services Ltd għal użu ta' coaches b’konnessjoni mal-operat tal-Arriva.
43rd Cieca Congress — impjegati akkomodat ġo lukanda
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni illi, meta ġiet organizzata l-43rd Cieca Congress kien hemm impjegati li, flimkien mal-PA taċ-Chairman ta' Transport Malta, baqgħu akkomodati fil-lukanda l-lejl ukoll? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa globali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kumitat organizzattiv tal-Kungress baqgħu l-lukanda tul il-Kungress kollu li kien maqsum f'erba' t'ijiem, minħabba raġunijiet ta' xogħol marbuta mal-istess kungress, u biex jiżguraw li d-delegati ngħataw l-informazzjoni u servizzi kollha li kellhom bżonn. Ninforma lill-Onor Interpellant li l-akkomodazzjoni ta' dawn in-nies kienet offruta b'xejn mill-lukanda.
In-nefqa globali ta' dan il-kungress kienet ta €53, 265 li minnhom kien hemm dħul mir-reġistrazzjoni tal-parteċipanti li ammonta għal €22,271. Il-Kungress kien maqsum f'erbat ijiem, u barra nid-delegazzjoni internazzjonali, kienet ukoll tinkludi konferenza għal madwar 200 driving instructors nhar is-Sibt 28 ta' Mejju 2011.
Jista' l-Ministru jgħid lil min Transport Malta għaddiet ix-xogħol ta’ konkos u l-qlugħ ta' bus shelters? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għal dan ix-xogħol jew jekk ingħatatx b’direct order?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fl-1 ta' Marzu 2010 kienet ħarġet talba lill-kuntratturi kollha li għandhom liċenzja sabiex iwettqu xogħlijiet fit-toroq u li għandhom l-assigurazjoni li tkoprihom meta jkunu qegħdin iwettqu dan ix-xogħol. It-talba kienet sabiex jesprimu id-disponibbilita’ tagħhom biex iwettqu ix-xogħlijiet relatati mal-preparamenti tas-sit biex jiġu nstallati bus shelters bir-rati hekk kif stipulati minn Transport Malta.
Infurmat ukoll li dawk il-kuntratturi kollha li esprimew id-disponibbilta’ tagħhom hekk kif kien rikjest sabiex iwettqu dawn ix-xogħlijiet, ġew mogħtija xogħol inkonessjoni ta’ preparazzjoni tal-installar ta’ bus shelters.
Il-lista ta’ kuntratturi li ġew mogħtija dawn ix-xogħolijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Barraminnhekk, xogħol ta’ qlugħ ta’ bus shelters tal-ġebel u/jew tal-ħadid ingħata lill-kuntrattur wieħed permezz ta’ direct order hekk kif muri fil-lista msemmija.
Transport Malta — pagi għal min jassisti lill-klijenti tal-Arriva
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa minn Transport Malta f'pagi għall-impjegati li ġew ingaġġati minn kumpanija privata sabiex jassistu lill-klijenti tal-Arriva f’isem l-awtorità?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-nefqa sabiex ġiet ingaġġata kumpanija privata biex tingħata assistenza lill-pubbliku rigward ir-rotot il-ġodda tat- trasport pubbliku kienet ta’ €20,450.14.
Jista' l-Ministru jara li dawk inkarigati mis-sezzjoni tal-velenu tal-ġrieden jieħdu ħsieb l-area fil-parti fejn tagħlaq Triq San Pietru, Ħal Kirkop peress li fil-mument hemm infestazzjoni tal-ġrieden?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li għalkemm din is-sena id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda lment rigward infestazzjoni ta’ ġrieden fiż-żona ndikata, fis-7 ta’ Dicembru, 2011 bħala prekawzjoni ħaddiema mis-sezzjoni tal-Pest Control Unit wettqu trattament għal kontra l-ġrieden fiż-żona ndikata.
Uffiċċjal għas-Saħħa Ambjentali wettaq ukoll spezzjoni f’din iż-żona iżda ma ġie nnutat l-ebda akkumulu ta’ ħmieġ jew irregolarijiet oħra li jistgħu jikkawżaw infestazzjoni ta’ ġrieden.
Trattament ieħor għal kontra l-ġrieden ser jiġi repetut fl-14 ta’ Diċembru, 2011, kif ukoll din iż-żona ser tibqa tiġi monitorjata skont il-bżonn.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jsir ingaġġ ġdid mal-Armata u kemm se jkun in-numru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sejħa għal reklutaġġ ta’ Uffiċjali Kadetti u suldati mal Forzi Armati ta’ Malta kienet ippublikata fil-Gazzetta tal Gvern ta’ nhar id-29 ta’ Lulju ta’ din is-sena.
Bħalissa qed isir il-proċess tal-għażla liema proċess hu mistenni li jkun konkluż fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Skont kif pubblikat ser jiġu ngaġġati seba’ Uffiċjali Kadetti u ħamsa u erbgħin suldat. Għall-ewwel darba din is-sena ser jiġu ngaġġati wkoll numru żgħir ieħor ta’ suldati sabiex iservu bħala suldati atleti fil-Forza Regolari.
Issa li t-tieħdet id-deċiżjoni li s-sistema tat-trasport pubbliku reġgħet ġiet imreġġa' għall-istat li kienet qabel it-3 ta' Lulju, jista' l-Ministru jgħid kemm sa jibda jkun in-numru ta' vetturi?
Response (GATT, AUSTIN)
L-ewwel nett ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ikkommettiet ruħha li ddaħħal lura, kif għamlet, ir-rotot diretti għal Belt u mhux li treġġa' lura s-sistema ta' trasport kif jallega l-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmat li minħabba t-tibdil fir-rotot li hemm ippjanati, hemm probabbilità li dan jirriżulta fi bżonn li jiżdiedu l-karozzi tal-linja. Madankollu, kemm se jkun dan in-numru hi r-responsabbiltà tal-operatur, li biex jevita multi jrid ikollu biżżejjed karozzi biex ilaħħaq mal-maximum waiting time.