Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta — sentenza mogħtija mill-Qorti Ċivili

Question

Fid-dawl tas-sentenza tal-Prim' Awla Qorti Ċivili tat-8 ta' Marzu 2012 li sabet lil Transport Malta responsabbli tal-inċident stadali mertu tal-każ, jista' l-Ministru jgħid x'kienet r-raġuni li ma ġiet ppreżentata l-ebda nota tal-eċċezzjonijiet da parti ta' Transport Malta in difiża? Jista' jgħid x'passi se tieħu kontra l-uffiċċju legali inkarigat in vista ta' dan in-nuqqas? Jekk in-nuqqas mhux wieħed konsegwenza ta' nuqqas da parti tal-uffiċċju legali inkarigat, jista' jgħid min kienet il-persuna li ħadet n-notifika tal-att ġudizjarju u x'kienet r-raġuni li din waslet tard f 'idejn l-uffiċċju legali inkarigat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mir-records ta' Transport Malta jidher li l-att ġudizzjarju kienet rċevietu skrivana, li kienet fuq impjieg temporanju. Infurmat ukoll li din il-persuna m'għadhiex impjegata ma Transport Malta.

Transport Malta — mini bus mill-Marsa għaċ-Ċirkewwa

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk f'Novembru 2011 inkera mini bus sabiex iwassal erba' persuni li jaħdmu fi ħdan Traport Malta mill-head office il-Marsa għaċ-Ċirkewwa? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid x'kienet ir-raġuni? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża involuta għal kiri ta' dan il-mini bus?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ntuża mini van biex jitwasslu 6 impjegati li fis-16 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet għamlu eżerċizzju ta’ mystery shoppers u moniteraġġ fuq ir-rotot miċ-Ċirkewwa lejn il-Belt. Dan l-eżerċizzju seħħ bejn il-5 u nofs u l-11 ta’ filgħodu. L-impjegati kienu telgħu ċ-Ċirkewwa bil-vetturi privati taghhom. Il-mini van intuża biex l-impjegati setgħu jitilgħu għall-karozzi tagħhom. Is-servizz kien ingħata b’xejn.

Marsaxlokk — Triq Melqart - invellar ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni u jindirizza l-problema li hemm għar-residenti u proprjetarji fi Triq Melqart Marsaxlokk u jidderiġi li jsir invellar tal-parti t'isfel tat-triq sabiex l-ilma tax-xita jiġi dirett lejn il-culverts li hemm stante li ta' kull darba li tinżel ix-xita, tifforma għadira?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta’ invellar tal-parti t’isfel tat-triq sabiex l-ilma tax-xita jiġi dirett lejn il-culverts se jsir fix-xhur li ġejjin.

Ħaddiema li ngħataw performance bonus

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33016, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra min kienu dawk il-ħaddiema li ngħataw performace bonus? Jista' jgħid f'liema direttorat qegħdin?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Għawdex — bus shelters li ġew immexxija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33015, jista' l-Ministru jindika liema kienu dawk il-bus shelters li ġew immexxija ġewwa Għawdex? Jista' jgħid separatament min kienu l-kuntratturi u kemm kienet in-nefqa għal kull bus shelter li ġie mmexxi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f’din l-aħħar sena inqalgħu tliet bus shelters ġewwa Għawdex. Dawn kienu ġewwa l-bus terminus tar-Rabat u li nqalgħu sabiex ikun jista’ jsir ix-xogħol meħtieg f’dan is-sit. Ġaladarba tlesta x-xogħol fis-sit imsemmi, tnejn minn dawn ix-shelters reġgħu twaħħlu. Fis-sit ġiet poġġuta wkoll canopy sabiex tkun tista’ toffri aktar kenn lil dawk il-persuni li jkunu qegħdin jistennew il-karozza tal-linja. Infurmat ukoll li l-kumpanija ‘FACES Ltd’ li hija s-sid ta’ dawn ix- shelters , għamlet ix-xogħlijiet ta’ qlugħ u twaħħil ta’ l-imsemmija shelters . Il-valur ta’ dawn ix-xogħlijiet kien ta’ €2,300 għal kull shelter .

VRT fuq vettur tar-rotot l-antiki

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx VRT fuq dawk il-vetturi li kienu jintużaw fuq ir-rotot l-antiki? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid min kienet il-kumpanija li esegwixxit dan ix-xogħol u li użat il-makkinarju meħtieġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li filwaqt li qiegħed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-karrozzi tal-linja l-antiki li kienu jaħdmu fis-sistema tat-trasport pubbliku ta' qabel, ninfurmah li l-parti l-kbira ta' dawn il-vetturi m'għadhomx illiċenzjati għat-triq u għalhekk m'għadx għandhom ħtieġa li jagħmlu test tal-VRT. Dawk il-vetturi li għandhom liċenzja biex jaħdmu servizz ta' trasport mingħajr skeda, ma tiġġeddilhomx tali liċenzja jekk ma jgħaddux mit-test u jippreżentaw ċertifikat validu tal-VRT kull sena mat-tiġdid tal-liċenzja, liema test jista’ jsir f’diversi stazzjonijiet liċenzjati tal-VRT imxerrdin ma’ Malta u Għawdex.

Transport Malta — Logos fuq il-vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma sarux logos fuq il-vetturi kollha li għandha Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-karozzi ġodda kollha ta’ Transport Malta li huma għall-użu ġenerali, fil-fatt għandhom il-logotal-awtorità. Fil-konfront tal-karozzi tal-maintenance, Transport Malta qed tieħu l-passi neċessarji biex aktar tard din is-sena dawn ukoll isirilhom il-logo.

ETC — kwestjoni dwar għalliema li jgħallmu l-isnajja

Question

B'referenza għal dawk l-għalliema fi ħdan il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ li nkarigati fuq snajja fost oħrajn peress li issa qed jingħad li l-fondi mill-Unjoni Ewropea spiċċaw, tista' l-Ministru tgħid x'se jiġri minnhom? Tista' tikkonferma jekk dawn il-korsijiet humiex se joħorġu minn idejn il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u jmorru fi ħdan l-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Wieħed ta’ min jiċċara illi l-iskop tat-taħriġ li jingħata mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ huwa sabiex ikun jista’ jilqa’ b’mod effettiv għal nuqqas, jew bżonnijiet, ta’ ħiliet illi jkunu preżenti fis-suq tax-xogħol f’Malta. Għalhekk in-natura u n-numru ta’ korsijiet li jingħataw mill-ETC hija dinamika. Għaldaqstant dawn jinbidlu minn żmien għal żmien. Minħabba l-fatt illi l-Korporazzjoni ma għandiex programm ta’ taħriġ permanenti, imma, kif ingħad, il-korsijiet jiġu mfassla skont il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, l-għalliema tal-korsijiet offruti mill-ETC m’humiex ingaġġati fuq bażi permanenti, iżda fuq bażi kuntrattwali. Dawn l-għalliema jagħtu s-servizzi tagħhom permezz ta’ sejħiet għal tenders. Sa’ mill-2009, l-ETC ħarrġet ‘il fuq minn 32,000 persuna fuq l-Employability Programme, li hu ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew. Dan il-programm kien ta’ suċċess, u mhux biss laħaq il-miri tiegħu iżda dawn ġew maqbuża. Dan it-taħriġ ingħata mhux biss lil persuni li qed ifittxu xogħol iżda wkoll lil dawk li qed jaħdmu u jridu jżidu l-ħiliet tagħhom. Bħal kull programm ieħor dan kellu baġit, li kien ta’ 5,253,211 Ewro, u issa l-programm jinsab fi stat avvanzat ħafna. Minkejja dan, xorta waħda għad hemm numru ta’ korsijiet li għadhom qed jingħataw għax il-programm għadu ma ntemmx. Minħabba s-suċċess ta’ dan il-programm il-Korporazzjoni ħasbet sabiex tagħmel applikazzjoni oħra biex tikseb programm ieħor ta’ taħriġ mill-Fond Soċjali Ewropew fl-aħħar sejħiet mit-8 sejħa taħt l-Operational Programme II – Cohesion Policy 2007-2013. Din l-applikazzjoni bħal issa qed tiġi evalwata u fil-każ li l-applikazzjoni tiġi milqugħa, jerggħu jinfetħu sejħiet oħra sabiex il-Korporazzjoni tkun tista’ tikkuntratta servizzi ta’ taħriġ għal numru ta’ korsijiet. Il-programmi ta’ taħriġ li ser jingħataw qed jiġu mfassla fuq bażi ta’ konsultazzjoni ma’ għaqdiet ta’ min iħaddem, u fuq analiżi interna li qed issir mill-Korporazzjoni, fejn fiha qed jiġu identifikati l-ħiliet li qed jiġu mitluba min dawk li jħaddmu. Dawn is-sejħiet iridu isiru ukoll f’kuntest legali ġdid ta’ kif entita’ tista’ tikkuntratta il-proviżjoni ta’ Servizzi. L-MCAST joffru l-programmi ta’ korsijiet tagħhom, li huma amministrati separatament minn dawk li toffri l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ.

Malta Free Port — seniour managers

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjieg tad-diversi senior managers fi ħdan Malta Free Port Corporation?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li fi ħdan Malta Freeport Corporation hemm Senior Manager wieħed u peress li din hija l-istess persuna li hemm referenza għaliha fil-mistoqsija Parlamentari Nru. 32112, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għal din l-istess mistoqsija, cioe' mistoqsija Parlamentari Nru. 32112.

Transport Malta — informazzjoni dwar impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-impjegat, li d-dettalji dwaru qed jinbtagħtu separatament, għad li huwa fl-impjieg dirett ta' Transport Malta, ħadd ma jkun jaf jekk irraportax għax-xogħol jew le? Jista' jgħid taħt liema dipartiment/taqsima dan impjegat huwa assenjat? Jista' jgħid għal kemm żmien ilu tissustixx din is-sitwazzjoni konċernanti dan l-impjegat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-persuna taħdem fid-Direttorat tal-Infurzar u nfurmat ukoll li l-attendenzi tal-ħaddiema kollha huma verifikati skond proċeduri stabbiliti.

Marsaxlokk — Xatt is-Sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi ffinalizzat ix-xogħol fuq triq Xatt is-Sajjieda ġewwa Marsaxlokk li issa ilu mitluq għal diversi ġimgħat?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat peress illi din it-triq mhix responsabilita' ta' Transport Malta.

Struzzjonijiet kontra l-kaċċaturi u nassaba

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru ħariġx xi struzzjonijiet sabiex l-għalliema jimmilitaw kontra l-kaċċaturi u nassaba? Jekk fin-negattiv, tista' tgħid mela, b'liema awtorità ċerta għalliema li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fl-iskola governattiva diriġiet lill-istudenti jiktbu ittra lill-Ministru kontra l-kaċċaturi u nassaba u jieħdu aktar marki? Tista' tgħid x'passi se jittieħdu kontra din id-diskriminazzjoni sfaċċata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Milli jidher l-Onor. Interpellant għandu nformazzjoni skorretta. Infurmata li l-għalliema kkonċernata tinnega dak kollu attribwit lilha fil-mistoqsija parlamentari. Dan hu wkoll ikkollaborat mill-Learning Support Assistant li tkun il-ħin kollu pre¿enti magħha waqt il-lezzjonijiet u mill-istudenti nfushom.

Tiswijiet ta' Ambulanza

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn jissewwew l-ambulanzi meta jkun hemm ħsarat fuqhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li wara li jinġiebu tliet kwotazzjonijiet kif meħtieġa, il-ħsarat jissewwew għand dak li joffri l-irħas offerta. Dalwaqt se jinħareġ tender għat-tiswijja tal-ambulanzi.

Transport Malta — lista ta' kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratturi li ħadmu jew li qed jaħdmu mat-Transport Malta mill-2010? Jista' jindika u jispeċifika x-xogħlijiet li ngħataw dawn il-kuntratturi?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-gvern u l-entitajiet pubbliċi jidħlu f'numru kbir ta' kuntratti għal servizzi, prodotti, kostruzzjoni u xogħlijiet. Nitlob għalhekk lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

Transport Malta — collective agreement mhux imġedded

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-collecive agreement fi ħdan Transport Malta għadu ma ġiex imġedded? Jista' jgħid meta dan it-tiġdid se jsir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-negozjati dwar ftehim kollettiv ġdid għaddejjin bħalissa.

Transport Malta — enforcement officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-enforcement officers fi ħdan Transport Malta mhumiex qed jesegwixxu parti mix-xogħol tagħhom bħala fixed point u dan kemm ilu li t-task force mwaqqfa ħadet ir-responsabilità ta' tmexxija tas-servizz tat-Trasport Pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bħalissa l-enforcement officers qegħdin jimxu ma' direttivi tal-union li tirrapreżenthom u għalhekk mhux qed jesegwixxu uħud mix-xogħlijiet tagħhom.

Transport Malta — Imġarr - bus shelter

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa involuta sabiex bus shelter li sar f'Ottubru 2011 tmexxa mill-Imġarr għar-Rabat ġewwa Għawdex? Jista' jgħid lil min Transport Malta għaddiet dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk dan ix-xogħol ġiex mogħti b'direct order?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma mexxiet l-ebda bus shelter mill-Imġarr għar-Rabat Għawdex.