Remote work Space — aċċess tal-pubbliku għas-servizzi pubbliċi
Question
Jista' l-Prim Ministru jassigura lill-Kamra li l-eżistenza ta' remote work spaces mhix ser tnaqqas l-aċċess tal-pubbliku għas-servizzi pubbliċi u x'qed isir sabiex tali aċċess għall-uffiċji pubbliċi jiġi ssalvagwardjat?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull inizjattiva u kull miżura li tittieħed fis-Servizz Pubbliku la tmiss is-servizz u l-livell tiegħu u lanqas l-aċċess tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett li tħabbar fit-13 ta' Jannar 2021 ta' sistema "e-paperless" u d-diġitazzjoni tal-"fleet management system"? Jista' l-Ministru jispjega fiex jikkonsistu dawn iż-żewġ proġetti ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm Malta qiegħda timxi mal-NDC rivedut li ġie sottomess fis-17 ta' Diċembru 2020 u xi pjanijiet għandu l-Gvern fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dan il-pjan? Min hu responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-pjan ta’ azzjoni tal-Gvern biex jintlaħqu l-miri ta’ Malta skont l-NDC tal-Unjoni Ewropeja li rrefera ghalih huwa elenkat fil-Low Carbon Development Strategy li ppubblikajna għall-konsultazzjoni pubblika ġimgħat ilu u li issa ġie konkluż. Kif ġabbart fil-Konferenza Nazzzjonali Dwar it-Tibdil fil-Klima nhar is-26 ta’ Ottubru dan il-pjan għandu miżuri costed li se jlaħħquna biex nilħqu il-miri ta’ Malta fir-rigward. Kif imħabbar fid-diskors tal-budget ser jitwaqqaf bord ta’ monitoraġġ li ser ikun jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru tiegħi sabiex jara li, flimkien ma’ Ministeri oħra konċernati, dan il-pjan jitwettaq f’waqtu.
Helicopter użat f'każijiet ta' emerġenza medika f'Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jispjega għala l-helicopter 9H-GMD li suppost hu intiż biex jintuża f'każ ta' emerġenza medika f'Għawdex skond il-ftehim li hemm ma Stewart Health Care fil-15 t'Ottubru 2021 ntuża għall-iffilmjar ta' dwieli fil-limiti tas-Siġġiewi u fuq il-Belt u dan bejn 2 p.m. u 6 p.m.? Jistax il-Ministru jinforma l-Kamra jekk din l-attivita' kienetx awtorizzata mid-Dipartiment tas-Saħħa jew le?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ħelikopter msemmi minnu fid-data u l-ħin indikat, mhuwiex il-ħelikopter primarju li jintuża biex il-pazjenti jiġu trasferiti bl-ajru mill-isptar Ġenerali t’Għawdex għal Mater Dei iżda huwa dak li jintuża bħala back up jekk il-ħelikopter primarju jkun jeħtieġ sostituzzjoni.
Jista' l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar il-pjanijiet sabiex il-Gozo Channel ikollha r-raba' vapur tagħha ? Jista' l-Ministru jgħid meta ser tiskadi l-kirja tal-vapur Nicholaos u hemmx il-ħsieb illi din il-kirja tiġġedded?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija Gozo Channel tagħmel riferenza għar-risposta li kienet ngħatat għall-mistoqsijiet parlamantari numru 19150, 21033, 21781 u 22329 u tikkonferma li għadu għaddej xogħol fuq it-tender kif diġa ġie spjegat. Sadanittant il-Gozo Channel se tkompli toffri servizz b’erba vapuri.
Awtorità tad-Djar — proċeduri legali għal għoli fil-kera
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati avukati mill-Awtorità tad-Djar sabiex jassistu inkwilini fi proċeduri legali għall-għoli fil-kera, x'rimunerazzjoni qed jirċievu u x'proċedura ntużat sabiex jintgħażlu dawn l-avukati?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-urġenza li s-servizz jibda jopera mill-aktar fis possibli ġew imqabbda b’mod temporanju 13-il avukat permezz ta’ direct order, fl-istess waqt ħarġet sejħa pubblika għall-pożizzjoni ta’ Manager tal-Unit appożitu tal-Pre-1995 fi ħdan l-Awtorità tad-Djar, liema sejħa ġiet iċċirkolata wkoll fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni tal-Kamra tal-Avukati. L-avukati mqabbda b’mod temporanju se jitħallsu skont it-taxxa maħruġa mir-Reġistratur tal-Qorti, filwaqt li l-pożizzjoni ta’ Manager se tkun remunerata skont il-ftehim kollettiv tal-Awtorità tad-Djar, wara li l-Interviewing Board ikun ingaġġa l-kandidat preferit. Sadanittant qed tiġi ppreparata “expression of interest” pubblika oħra sabiex jiġu ngaġġati avukati fuq bażi iżjed permanenti biex jidħlu f’dan il-Unit.
L-intervent spedit tal-Awtorità wassal biex 365 persuna tingħata assistenza legali b’xejn mill-1 ta’ Ġunju 2021 ‘l hawn.
Jista' l-Ministru jelenka l-attivitajiet li ġew organizzati mis-Servizzi Ewropej f'Malta in preparazzjoni għat-tieni laqgħa plenarja tal-Konferenza fuq il-Futur tal-Ewropa li saret fi Strasbourg fit-23 ta' Ottubru 2020, kif ġew ippubbliċizzati dawn l-attivitajiet u xi pjanijiet hemm għall-aktar parteċipazzjoni pubblika in konnessjoni mal-istess konferenza fix-xhur li ġejjin?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’rabta mal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, l-Aġenzija SEM organizzat diversi attivitajiet u laqgħat biex tixpruna d-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa, tiġbor ideat minnhom skont is-suġġett inkwistjoni u ttellagħhom f’rapporti fuq il-pjattaforma diġitali multilingwi tal-Konferenza. Barra minn hekk, sa minn Mejju li għadda, SEM ippromwoviet il-pjattaforma b’diversi mezzi tal-komunikazzjoni, inkluż dawk stampati, mezzi tax-xandir u l-midja soċjali.
F’Settembru u Ottubru, SEM organizzat tliet laqgħat pubbliċi onlajn bit-tema, ‘L-Ewropa li nixtieq’. F’dawn il-laqgħat ġew diskussi temi li se jikkontribwixxu għat-tfassil tal-futur tal-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin fosthom is-saħħa, il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri Ewropej u, il-futur tax-xogħol u l-ġustizzja soċjali.
Dawn il-laqgħat kienu intiżi biex ċittadini minn kull qasam tal-ħajja jagħtu l-opinjoni, jaqsmu l-ħsibijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom dwar kif jixtiequ li jkun il-futur tal-Unjoni Eworopea f’dawn l-oqsma. Il-laqgħat saru b’mod ibridu u kienu jikkonsistu f’panels imdaqqsa ta’ diskussjoni minn ġewwa ċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora, kif ukoll saret waħda f’Għawdex. Kienet imħeġġa wkoll il-parteċipazzjoni wiesgħa tal-pubbliku kemm permezz ta’ inviti li ntbagħtu lil firxa wiesgħa ta’ nies u emm b’reklamar fuq il-midja soċjali. Il-laqgħat setgħu jkunu segwiti wkoll live fuq il-paġni tal-midja soċjali tal-Aġenzija. Aktar dettalji dwar il-konklużjonijiet u l-punti li tqajmu waqt id-diskussjonijiet li saru, jinsabu fil-website sem.gov.mt fis-sezzjoni events, jew inkella fuq il-pjattaforma diġitali tal-Konferenza. SEM qed ittella’ rapporti dwar dak li jkun ħareġ mid-diskussjonijiet fuq il-pjattaforma tal-Konferenza sabiex ikun hemm iktar informazzjoni dwar l-attivitajiet li saru.
Apparti dawn il-laqgħat, sar ukoll eżerċizzju interessanti mill-uffiċjali ta’ SEM matul Skolasajf fejn ħadu r-reazzjonijiet tat-tfal li ħadu sehem f’26 sessjoni għal madwar 260 tifel u tifla f’Malta u Għawdex. It-tfal urew li huma jridu jgħixu f’soċjetà li tirrispetta lil kulħadd, inkluż l-ambjent. Saru wkoll attivitajiet ma’ studenti, inkluż dawk universitarji.
Fuq it-tema tal-edukazzjoni, saru ħames laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ diversi stakeholders sabiex ikun hemm diskussjoni dwar il-futur tal-edukazzjoni fl-Unjoni Ewropea.
SEM użat il-media soċjali, is-sit elettroniku tagħha, kif ukoll il-mezzi tax-xandir fosthom permezz ta’ riklami qosra fuq l-istazzjonijiet tar-radju l-aktar segwiti, sabiex ikun hemm iktar għarfien dwar il-Konferenza u biex iħeġġu aktar nies jagħtu l-ideat tagħhom fil-pjattaforma diġitali.
Fil-ġimgħat li ġejjin, SEM se tkompli tippromwovi l-Konferenza permezz ta’ aktar laqgħat mal-pubbliku, biex tilħaq nies li mhux soltu jitkellmu u jsemmgħu leħinhom dwar l-Ewropa.
Aġenzija Servizzi Ewropej — użu ta' lingwa Maltija
Question
Jista' l-Ministru jara li s-sit tal-aġenzija Servizzi Ewropej f'Malta jkollu aktar kontenut bil-lingwa Maltija għax fil-preżent hu kważi għal kollox bl-Ingliż?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninsab infurmat li SEM se tkompli tiżgura li tipprovdi informazzjoni b’mod kostanti fejn tidħol informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll opportunitajiet ta’ fondi Ewropej. Wieħed irid jifhem li ħafna minn din l-informazzjoni tkun bl-Ingliż. Madankollu, il-website ta’ SEM tinkludi artikli li jkunu ġew pubblikati bil-Malti u diversi rapporti ta’ attivitajiet li jkunu saru bil-lingwa Maltija. SEM tipprovdi ħafna informazzjoni oħra bil-Malti, inkluż laqgħat ta’ informazzjoni u materji oħra fosthom pubblikazzjonijiet għat-tfal bil-Malti. L-Aġenzija se tkompli taħdem biex twassal informazzjoni fattwali u fil-ħin dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż bil-Malti.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-funtana li kien hemm Pjazza San Franġisk, Victoria ser titpoġġa fil-Mużew il-ġdid li ser jinfetaħ fejn kien hemm il-Liċeo f'Victoria? Jekk le, xi pjanijiet hemm fir-rigward ta' din il-funtana?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 20054.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vjaġġ ħadem il-Vapur Nicholaos, xahar xahar, minn mindu ilu mikri mill-Gozo Channel Operations Ltd u kemm-il-siegħa kuljum hu kuntrattat sabiex jopera dan il-vapur?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Min-naħa l-oħra, il-vapur Nicholaos jopera 12-il siegħa kuljum u għaldqastant jagħmel madwar 13-il vjaġġ.
Gozo Channel (Operations) Ltd – ħlas tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-impjegati
Question
Jista' l-Ministru jassikura lill-Kamra li l-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd tħallas regolarment il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-impjegati tagħha peress illi skont l-"audited accounts" ta' din il-kumpanija tas-sena 2019, l-ammont ta' €579,554 kien dovut mill-istess kumpanija bħala "indirect taxes and social security " (note 11)?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd qiegħda tassigura li qed tħallas regolarment il-kontribuzzjoni tas-sigurta’ soċjali tal-impjegati tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imposti multi mill-Awtorità tal-Ippjanar f'Malta u f'Għawdex, sena b'sena, mill-2010 'l hawn u kemm tħallsu minn dawn il-multi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba. Dawn in-numri jinkludu ukoll ammonti kkontestati u li fuqhom hemm proċeduri legali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew approvati permessi ta' bini mill-Awtorità tal-Ippjanar f'Malta u f'Għawdex fl-2020, it-tip ta' bini li ġie approvat u kemm min dawn il-permessi kien fiż-żona ta' żvilupp jew barra minnha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imposti multi mill-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi f'Malta u f'Għawdex, sena b'sena, mill-2016 'l hawn u kemm tħallsu minn dawn il-multi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qegħda tinġabar u għalhekk tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21773 u 22021 u jgħid kemm ġew rilokati immigranti illegali f'pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea mill-2010 'l hawn, kemm swew dawn l-operazzjonijiet ta' rilokazzjoni u kemm kienet l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea sabiex isiru tali rilokazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lil-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22022, 21772, 21321, 19750 u 18282 u jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li kienu ilhom Malta mill-2019 u li ġew rimpatrijati fit-12 ta' Jannar 2021, in-nazzjonalità tagħhom, fejn ġew irritornati u kemm kienet l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Unjoni Ewropea għal din l-operazzjoni u jekk kienx hemm għajnuna oħra mill-Unjoni Ewropea sabiex din l-operazzjoni sseħħ? Jista' jagħti l-istess informazzjoni mitluba għat-titjiriet l-oħra ta’ rimpatriju li seta’ kien hemm wara d-data msemmija irrispettivament mid-data tal-wasla tar-rimpatrijati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lil-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar sabiex tiġi aġġornata l-liġi dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Artijiet kif intrabat li ser isir, qabel il-vaganzi tas-sajf?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li preżentament qegħdin jiġu diskussi diversi proposti biex ikunu jistgħu isiru l-emendi neċessarji għall-att prinċipali kif ukoll għall-att sussidjarju dwar ir-regoli tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet. Dawn l-emendi għandhom ikopru wkoll is-sistema diġitali ġdida għar-reġistrazzjoni tal-propjetà li għanda tiġi introdotta s-sena d-dieħla.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20783, jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra u jgħid jekk l-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi għadux bla Kap Eżekuttiv u meta ser jintgħażel Kap Eżekuttiv?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi li tkopri l-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi ma hemm l-ebda provediment għal grad ta’ CEO.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21500 u jagħti lista tal-assi li fil-preżent qegħdin fil-pussess tal-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi u kemm kien l-ammont ta' assi li ġew mibjugħa minn dan l-Uffiċċju, sena b'sena, mill-2015 'il hawn?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Għajnsielem – Triq Sant’Antnin – ogħti tal-wearing course
Question
Jista' l-Ministru jispjega għaliex Triq Sant' Antnin, Għajnsielem, għalkemm ġiet uffiċjalment inawgurata fit-12 ta' Novembru 2020, għadha sal-lum, kważi sena wara, mingħajr ma ngħatatielha l-wearing course? Jafx il-Ministru li dan qed ikollu konsegwenzi fuq il-ġbir tal-ilma peress li l-ispralli huma ogħla mil-livell preżenti ta' din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-wearing course se jingħatha fil-ġimgħat li ġejjin.