Għawdex — skola sekondarja ta’ Victoria – dawl u sigurtà fil-parkeġġ
Question
Tista' l-Ministru tiżgura li fil-parkeġġ li hemm taħt l-iskola sekondarja ta' Victoria, Għawdex ikun hemm dawl u sigurtà adegwata sabiex ma jkunx hemm vandaliżmu tal-karozzi pparkjati?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li fil-parkeġġ ta' taħt l-iskola Sekondarja hemm servizz ta' security erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, li huwa mħallas mill-Ministeru għal Għawdex. Hemm ukoll sistema ta' fire alarm li hija konnessa mal-iskola Sekondarja. Meta d-dwal tal-parkeġġ ikollhom bżonn jinbidlu, dan ix-xogħol isir mill-ħaddiema tal-Kulleġġ t'Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid x'manutenzjoni qed issir b'mod regolari fil-Villa Rundle u kemm hemm impjegati dedikati għal dan ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li fil-Villa Rundle ssir manutenzjoni b`mod regolari kemm f’dak li jirrigwardja s-soft areas u kif ukoll fuq l-infrastruttura tal-post. Il-manutenzjoni tas-siġar u soft areas issir minn 28 ħaddiem, inkluż l-amministrazzjoni, li huma impjegati mad-Direttorat għall-Affarijiet Rurali u li huma dedikati speċifikament għal dan ix-xogħol, li jinkludi;
- Taħwwil u żamma ta` pjanti staġjonali,
- Manutenzjoni tas-siġar u arbuxelli,
- Manutenzjoni fuq is-sistema ta` irrigazzjoni,
- Tindif tal-post.
Ix-xogħlijiet relatati mal-manutenzjoni tal-infrasstruttura tal-post imsemmija hawn taħt issir minn sezzjonijiet varji fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u minn entitajiet privati skont in-natura tax-xogħol, li jinkludi fost oħrajn;
- Tikħil u tqegħied ta` ċagħaq fil-passaġġi,
- Manutenzjoni tad-dwal,
- Manutenzjoni tal-għamara u aċċessorji oħra,
- Tindif u manutenzjoni tal-funtana u l-monumenti f’dan il-ġnien
Jista' l-Ministru jgħid x'ser isir mill-funtana li l-familja, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kienet tat lill-Istat u li kienet fi Pjazza San Franġisk, Victoria qabel ma sar ix-xogħol ta' pavimentar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 14244.
Għawdex – nefqa fuq studji dwar il-bini ta’ qorti ġdid
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq studji dwar il-bini tal-Qorti li kellu jinbena fi Triq Ġorġ Borg Olivier Rabat Għawdex kif ukoll dak li kellu jinbena fis-sit li qabel kien il-Pixkerija? X'sar minnhom dawn il-pjanijiet u meta ser jibda x-xogħol fuq qorti ġdid f'Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 13038.
Gozo Channel (Holding) Company Ltd u Gozo Channel (Operations) – kiri tal-MV Nikolaos – cost benefit analysis
Question
Jista' l-Ministru jindika jekk Gozo Channel (Holding) Company Ltd u/jew il-Gozo Channel (Operations) Ltd għamlux xi cost benefit analysis qabel ma’ ttieħdet id-deċiżjoni li jinkera l-MV Nikolaos? Jista’ jgħid għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li jinkera dan il-vapur u li mhux jinxtara jew jinbena wieħed modern ladarba hemm il-ħtieġa tar-raba' vapur?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor Interpellant li din hija mistoqsija ta’ natura strettament kummerċjali u għalhekk, kwalsiasi risposta li tingħata tista tippreġudika l-andament kummerċjali tal-kumpanija. Apparti hekk, kwalunkwe informazzjoni li tingħata f’dan il-kuntest tista tikkawża preġudizzju ikbar kontra l-kumpanija fil-kuntest tat-tender għall-Kuntratt ta’ Konċessjoni Pubblika għat-transport bejn Malta u Ghawdex. Dan it-tender huwa mistenni li jinħareġ fiż-żmien li ġej u l-kumpanija għandha kull interess li tipparteċipa fih.
Dipartiment tas-Saħħa – ħażna tal-vaċċin kontra l-COVID-19
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi pjanijiet fassal id-Dipartiment tas-Saħħa sabiex jaħżen f'Malta u f'Għawdex il-vaċċin li qed jiġi żviluppat minn Pfizer u BioNTech meta jasal Malta u kif ser isir it-tilqim b'dan il-vaċċin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tas-Saħħa għamel l-arranġamenti neċessarji biex il-vaċċin imsemmi minnu f’eventwalita’ illi jkun żviluppat mill-kumpanija msemmija ikun maħżun skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-kumpanija u bil-Cold Chain iżgurata.
Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx pjanijiet sabiex Malta titlob self mill-European Stability Mechanism?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern huwa parteċipi f’erba’ (4) programmi ta’ finanzjament minn istituzzjonijiet Ewropej, liema programmi huma:
SURE;
Pan European Guarantee Fund tal-EIB;
ESM;
u Recovery Resilience Facility.
Il-Gvern ser iħalli l-għażla miftuħa għal eventwalità li jkun jinħtieġ finanzjament taħt dawn il-programmi.
Jista' l-Ministru jindika għaliex il-Ministeru qed jippermetti li Gozo Channel (Operations) Ltd tikser it-termini tal-Public Service Obligation li għandha u ma toperax vjaġġi għall-merkanzija għall-Port il-Kbir Marsamxett? Jista’ jgħid meta ser jitnieda Public Service Obligation ġdid ġaladarba dak attwali ilu li skada mill-2017? Intalab xi permess mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġi estiż it-terminu ta' dan il-Public Service Obligation?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jintalab mill-Malta Industrial Parks Ltd għall-kera ta' spazju fil-Gozo Innovation Hub? Kemm inkera spazju s'issa f'dan il-Hub u kemm ġew iġġenerati impjiegi minn tali allokazzjoni?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant, Bħalissa hemm tlett kumpaniji ikonfermatti u li gew allokatti madwar 400 metru kwadru. Hu mistenni li dawn il- kumpaniji ser ikunu qed jilhqu il-livell ta madawr 70 impjegat fiz- zmien tliet snin. Madankollu, il-preżenza tagħhom fil-Hub bħalissa hija limitata minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari kkawżati mill-pandemija, fejn in-natura teknoloġika tax-xogħol tagħhom kif ukoll restrizzjonijiet ta logistika tippermetilhom li jaħdmu b’mod remot. Ghal ragunajiet ta sensitivita kummercjali, dettalji fuq il kera ma tistax tinghata izda nikonfermaw li ‘l valur tal – kera giet stabiliiita mil cost benefit analysis pertinenti ghal dan il -l progett.
Jista’ l-Ministru jgħid f'liema stadju qiegħed l-abbozzar ta' Rural Policy and Design Guidance 2020 u meta hemm il-ħsieb illi tiġi ppubblikata l-verżjoni finali tagħha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar bħalissa qiegħda tanalizza s-sottomissjonijiet tal-pubbliku dwar l-ewwel abbozz li ħareġ għall-konsultazzjoni ftit taż-żmien ilu sabiex tagħmel it-tibdiliet li jkunu kkunsidrati meħtieġa. Dan il-proċess mistenni jkun lest fi zmien ftit ġimgħat sabiex imbagħad tkun tista’ ssir konsultazzjoni pubblika finali.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti struzzjonijiet immedjati lil Steward Healthcare sabiex ix-xufiera tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ma jibqgħux aktar f'containers imma jkollhom kmamar permanenti u adekwati fejn jistgħu joqogħdu meta ma jkunux qegħdin isuqu l-ambulanzi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-taqsima tat-trasport li jinkludi wkoll ix-xufiera tal-ambulanzi, bħalissa qed topera minn post temporanju. Il-post fuq ba¿i permanenti għal din it-taqsima, huwa parti mill-proġett tal-bini ta’ sptar akut ġdid fil-g¿ira Għawdxija. Ninfurmah li ser isir upgrade tal-post hekk kif jitlesta r-refurbishment li qed isir fid-Dipartiment tal-Emerġenza.
Malta Enterprise – għajnuna finanzjarja lill-kumpaniji bbażati f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna finanzjarja lill-kumpaniji bbażati f'Għawdex fl-2017, 2018 u 2019 u l-perċentwal li tali għajnuna kienet mill-għajnuna finanzjarja totali ta' Malta Enterprise?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill Onorevoli interpellant illi din l-informazzjoni ser tinghata fis-seduta li jmiss.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew approvati proġetti f'Għawdex minn Malta Enterprise fl-2017, 2018 u 2019 u kemm hi l-ispiża kapitali proġettata ta' dawn il-proġetti u n-numru ta' impjiegi proġettatti?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill Onorevoli interpellant illi din l-informazzjoni ser tinghata fis-seduta li jmiss.
Gozo Channel (Holding) Company Ltd u Gozo Channel (Operations) – kiri tal-MV Nikolaos
Question
Jista' l-Ministru jindika liema kienet il-proċedura ta' akkwist pubbliku użata mill-Gozo Channel (Holding) Company Ltd u/jew mill-Gozo Channel (Operations) Ltd sabiex tikri l-MV Nikolaos? Jista’ jgħid kemm qed tiswa din il-kirja?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kwalunkwe nformazzjoni li tingħata f’dan il-kuntest tista’ tikkawża preġudizzju serju kontra l-kumpanija fil-kuntest ta’ tender għal Kuntratt ta’ Konċessjoni Pubblika għat- transport bejn Malta u Għawdex li huwa mistenni li jinħareġ fiż-żmien li ġej, u li l-kumpanija għandha kull interess li tipparteċipa fih.
Ir-Rabat Għawdex – Ċentru tas-Saħħa – tabib bil-lejl
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għalfejn it-tabib taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Għawdex m'għadhux jattendi bil-lejl fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jidhirlux li dan in-nuqqas qed iżomm milli jingħata servizz ta' kura tas-saħħa primarja 24 siegħa kuljum? Jidhirlux li dan in-nuqqas qed iżid il-pressjoni fuq id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-istess Sptar Ġenerali ta' Għawdex f'dan iż-żmien tant delikat ta pandemija? Jidhirlux li wasal iż-żmien li ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Għawdex jibda jagħti servizz 24 siegħa kuljum?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid tar-Rabat, Għawdex la darba jitlesta x-xogħol fuqu, se jkun qed jinfetaħ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex jinfetaħ Ċentru tas-Saħħa ġdid fir-Rabat, Għawdex? Meta hu previst li dan iċ-Ċentru jinfetaħ?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pjanijiet taċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid wasslu sabiex tlesta x-xogħol ta’ mosaic u silicato fit-taraġ prinċipali u il-ħajt biswit. Xogħol estern jinstab fi stadju avvanzat. Ġew aġġudikati u awarded kemm it-tender tal-lift, tal-Istandby Generator kif ukoll tal-maġġor parti tal-appart mediku. Hu previst li dan iċ-Ċentru jinfetaħ għall-aħħar tas-sena d-dieħla.
Marsalforn – Turġien li jagħtu mit-Triq ta’ Barda għal Triq Santa Marija – aċċessibilità għall-anzjani u persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru l-pjanijiet biex it-turġien li jagħtu mit-Triq ta' Barda għal Triq Santa Marija, Marsalforn isiru aċċessibbli għall-anzjani, diżabbli eċċ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jieħu nota ta’ din is-sitwazzjoni u ser ikun qed jagħmel il-verifiki kollha neċessarji sabiex jekk ikun possibli jsir ix-xogħol meħtieġ.
Marsalforn – tindif ta’ partijiet mill-bajja ftit qabel il-ftuħ tal-proġett tal-Menqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għala nħasset il-ħtieġa li titnaddaf il-parti tal-bajja ta' Marsalforn fejn hemm il-paletta ftit qabel il-ftuħ tal-proġett tal-Menqa ta' Marsalforn fil-5 ta' Novembru 2020? Min kien responsabbli għall-kontaminazzjoni tal-paviment tal-porfido tal-Menqa biż-żejt li ħareġ minn trakk li ntuża fit-tindif imsemmi? Kemm swiet l-operazzjoni ta' tindif ta' dan iż-żejt u min ser iħallas għaliha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif tal-bajjiet isir kontinwament. F’kull inċident ta’ ħmieġ, kontaminazzjoni eċċ, d-dipartiment responsabbli jieħu ħsieb li jitnaddaf minnufih.
Marsalforn – Triq Santa Marija – xogħlijiet fin-naħa ta’ fuq tat-triq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlestew ix-xogħlijiet fin-naħa ta' fuq ta' Triq Santa Marija, Marsalforn fuq ir-riħ tal-breakwater u jitwaħħal il-ħadid fuq l-irdum? Meta bdew dawn ix-xogħlijiet u kemm ser jiswew?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet qegħdin isiru mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ u għalhekk d-domanda għandha ssir lill-Ministeru kkonċernat.