Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #17533 Sitting 407 2020-12-02 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex: Marsalforn – Triq Santa Marija — asfaltar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta għandu l-ħsieb li jasfalta mill-ġdid Triq Santa Marija, Marsalforn li tinsab fi stat terribbli?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm l-ħsieb li x-xogħol f’din it-triq ser isir is-sena dieħla. Il-prijorità ta’ dan il-Gvern huwa li jirranġa jew saħansitra jibni mill-ġdid it-toroq kollha fil-pajjiż, inkluż dawk f’Għawdex. Ir-riżultati s’issa, kif qed jara kulħadd, huma inkoraġġanti u jagħtu fiduċja li ninsabu fit-triq it-tajba.

Monument Sir Adrian Dingli — restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li l-monument lil Sir Adrian Dingli li hemm fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata u li fil-preżent hu abbandunat, jiġi restawrat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Provvediment fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili

Question

Jista' l-Ministru jindika meta ser jiddaħħal fis-seħħ il-provvediment fil-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili li jipprovdi li l-qorti superjuri f'Għawdex tkun ippreseduta minn imħallef u jispjega għala hemm dan id-dewmien biex issir din il-bidla?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif jaf ben tajjeb u jista’ japprezza mill-esperjenza legali vasta tiegħu, dan il-Gvern fl-aħħar għaxar xhur għamel tibdil bla preċedent fil-qasam tal-ħatriet u t-tneħħjija tal-membri tal-ġudikatura. In oltre, saħħah ukoll il-ġudikatura permezz tad-dħul fis-seħħ riċenti tal-Att bin-Numru LV tas-sena 2020. Il-Gvern jaċċerta lill-Onor. Interpellant li kull miżura tidħol fis-seħħ f’waqtha bħala parti minn pjan ħolistiku, sabiex dak li ma seħħx għal għexieren ta’ snin issa jsir f’xhur taħt it-tmexxija tal-Ministru sottofirmat. Fil-frattemp, il-qrati tal-ġustizzja f’Għawdex qed jaħdmu tajjeb u b’mod effiċċjenti b’servizz tajjeb għaċ-ċittadini Għawdxin.

Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru u l-grad ta' impjegati fl-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex fid-data ta' meta twaqqfet l-Aġenzija u fil-ġurnata ta’ meta qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-20 ta’ Novembru 2020. Intant ninforma lill-Onor.Interpellant li bħalissa hemm għaddejin sejħiet ta’ messaġiera, xufiera, deputy registrar, ICT support assistant,systems administrator, u marexalli tal-qorti.

Preżentata tal-Atti fir-Reġistri tal-Qrati

Question

Jista' l-Ministru jindika xi pjanijiet hemm sabiex il-preżentata tal-atti fir-Reġistri tal-Qrati tibda ssir b'mod telematiku u meta hemm l-intenzjoni li dan jista' jibda jsir?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-preżentata tal-atti fir-Reġistri tal-Qrati ilha ssir b’mod telematiku sa mill-2013. Fil-fatt il-pjan kien li kull sena jiżdiedu l-atti li jistgħu jsiru b’mod elettroniku u sallum hawn taħt qed nagħti l-lista tal-atti li jistgħu jiġu elettronikament ippreżentati fir-Reġistru tal-Qrati Ċivili: Avviż tat-Talba - Tribunal għal Talbiet ŻTalbiet għar – Malta u Għawdex Risposta - Tribunal għal Talbiet Żgħar – Malta u Għawdex Risposta għall-kontrotalba - Tribunal għal Talbiet Żgħar – Malta u Għawdex Rikors tal-Appell – Qorti tal-Appell Infernjuri (Tribunal għal Talbiet Żgħar) – Malta u Għawdex Rikors - Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) Rikors - Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet Risposta - Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet Rikors - Bord li Jirregola l-Kera – Malta u Għawdex Risposta - Bord li Jirregola l-Kera – Malta u Għawdex Rikors - Bord dwar il-Kontroll tal-Kiri ta' Raba' – Malta u Għawdex Risposta - Bord dwar il-Kontroll ta' Kiri ta' Raba – Malta u Għawdex Rikors - Qorti tal-Maġistrati (Ċivili) – Malta u Għawdex Ittra - Ittra Uffiċjali - Qorti tal-Maġistrati – Malta u Għawdex Ittra - Ittra Uffiċjali – Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) – Malta u Għawdex Ittra - Ittra Uffiċjali – Qorti Ċivili, Prim Awla – Malta u Għawdex Rikors - Tribunal ta' Reviżjoni Amministrattiva – Malta u Għawdex Ittra - Medjazzjoni lir-Reġistratur – Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) – Malta u Għawdex Apparti dawn l-atti ġudizzjarji, wieħed jista’ japplika elettronikament sabiex jagħmel riċerka għal testmenti sigriet fir-Reġistru tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja) kif ukoll jottjeni kopji ta’ atti ġudizzjarji mill-arkivju tal-qrati civili. Dawn is-servizzi huma aċċessibbli mill-website tal-qorti ecourts.gov.mt

Gozo Innovation Hub – Spazju — kera

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm għad hemm spazju x'jinkera fil-Gozo Innovation Hub?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sakemm kienet mwieġba din il-mistoqsija kien hemm ċirka 2,500 metru kwadru ta’ spazju industrijali li għadu jrid jiġi allokat.

Qasam Industrijali tax-Xewkija – kera ta’ spazju fil-garaxxijiet

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm inkera spazju fil-garaxxijiet li nbnew reċentement mill-ex M.I.P. quddiem l-Uffiċċju tal-Enemalta fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija u kemm għad hemm spazju x'jinkera kif ukoll ir-rati tal-kera jew ċens li qed tintalab ?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevolli Interpellant li fiż-żona magħrufa bħala tal-Ħofra, fejn l-Indis Malta Ltd żviluppat bosta garaxxijiet industrijali, fadal biss garaxx wieħed ta’ ċirka 200 metru kwadru. Il-kumplament, fl-ammont ta’ ċirka 3,450 metru kwadru ġew allokati kollha. Ir-rati tal-kera li titlob l-Indis Malta Ltd ma’ jistawx jingħataw minħabba li dawn huma ta' natura kummerċjali u sensittiva.

MCCAA – website bil-Malti

Question

Jista' l-Ministru jispjega għala s-sit tal-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) mhuwiex bil-Malti ukoll? Ma jaħsibx li dan in-nuqqas ta' rispett lil-lingwa nazzjonali għandu jispiċċa mill-aktar fis?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li waqt l-Awtorità ta’ Malta għall-Uffiċju tal-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) hija ġeneralment assoċjata mal-Konsumatur, ħafna mis-servizzi offruti huma ta’ natura teknika għall-użu minn Operaturi Ekonomiċi u l-lingwa Ingliża hija ippreferuta. Fil-fatt l-Att dwar is-Sigurtà’ tal-Prodotti, jagħti lok biex jinħarġu regolamenti bl-Ingliż biss, minħabba n-natura teknika tagħhom. Il-komunikazzjoni mal-pubbliku in ġenerali issir permezz tal-mezzi tax-xandir, telefonati u walk-ins, u f’dawn l-istanzi tintuża l-lingwa Maltija. Darba fis-sena, jitqassam ukoll fuljett fi djar kollha li fih ikollu l-punti ewlenin ta’ interess għal konsumaturi, fejn ukoll huwa bil-lingwa Maltija. Barra minn hekk il-formoli kollha ta’ interess għal konsumaturi li hemm fuq is-sit tal-Awtorità’ diġà huma bil-Malti, u l-Awtorità’ għaddejja b’ħidma biex l-informazzjoni fuq is-sit li tirrigwarda l-Uffiċju tal-Konsumatur tkun ukoll bil-Malti.
Leg 13 PQ #17398 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – Użu ta’ fuel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħliet fuel il-kumpanija Gozo Channel fis-snin 2017, 2018 u 2019, vapur b'vapur?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #17399 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' impjegati tal-kumpanija Gozo Channel u kemm ikkuntrattat impjegati minn kuntratturi esterni fis-snin 2017, 2018 u 2019?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #17408 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

European Stability Mechanism – self

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17225 dwar jekk hemmx pjanijiet sabiex Malta titlob self mill-European Stability Mechanism, jista' l-Ministru jgħid x'użu għamlet Malta s'issa mill-erba' faċilitajiet imsemmijin fl-istess tweġiba u r-rata tal-imgħax li kienet applikabbli f'kull każ?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Malta ħadet self ta’ €120 miljun nominali taħt l-istrument SURE, li għadda lil Malta fis-17 ta’ Novembru 2020 bir-rati ta’ mgħax kif jidhru fit-tabella aktar ‘l isfel: Self għall-perjodu ta’ 5 snin Self għall-perjodu ta’ 30 sena Ammount Nominali €80,000,000 €40,000,000 Kupun 0% 0.30% Rendiment - 0.509% 0.317%
Leg 13 PQ #17409 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Bajja tal-Qbajjar – żebgħa tal-ħadid

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitlesta x-xogħol taż-żebgħa tal-ħadid fil-Bajja tal-Qbajjar, Għawdex, meta beda dan ix-xogħol, kemm hemm ħaddiema fuq dan ix-xogħol u kemm ser jiswa dan ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol mistenni jitlesta f’dawn il-jiem li ġejjin. Hemm ħaddiem tal-Gvern li qiegħed jagħmel dan ix-xogħol u l-ispejjeż marbuta maż-żebgħa jlaħħqu madwar €164.40 (Vat eskluż).

Marsalforn – Triq Santa Marija – xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jispjega għala x-xogħlijiet li qed isiru mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ, Għawdex fi Triq Santa Marija, Marsalforn fuq ir-riħ tal-breakwater ilhom weqfin għal bosta xhur u meta hemm ħsieb illi jitkomplew u jitlestew?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ li wara li ġie mħammel is-sit inqalgħu xi problemi tekniċi u l-Kunsill talab biex isir survey tal-blat. Kif il-Kunsill ikollu f’idejh is-survey ser jitkompla x-xogħol skont l-offerta u fl-iqsar żmien possibli.
Leg 13 PQ #17348 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

JobsPlus – impejgati li ġew irreġistrati Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-perċentwali ta' impjegati li ġew reġistrati Għawdex minn JobsPlus mill-2013 'il hawn li kienu mwielda Għawdex?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li Jobsplus ma jkollhiex informazzjoni ta’ dawk il-persuni rreġistrati magħha li kienu mwielda Għawdex.

Għaqdiet volontarji li mhumiex fil-kera – nuqqas ta’ għajnuna finanzjarja

Question

Tista' l-Ministru tispjega għaliex l-għaqdiet voluntarji li mhumiex fil-kera imma għandhom obbligi finanzjarji sabiex jiffinanzjaw il-fond fejn qed joperaw mhuma jirċievu l-ebda għajnuna finanzjarja sabiex jonoraw tali obbligi?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif se jingħata f’seduta oħra.
Leg 13 PQ #17393 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – audited accounts

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17173, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-audited accounts tal-kumpanija "Gozo Channel Co. Ltd." għas-sena 2018 li l-Ministru ddikjara li ġew sottomessi lir-Reġistratur tal-Kumpanija fl-20 ta' Lulju 2020 imma sal-lum, għadhom ma tpoġġewx fuq is-sit tal-istess Reġistratur?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mistoqsija parlamentari numru 17173 kienet tirreferi għall-audit accounts tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd u mhux tal-kumpanija Gozo Channel Co. Ltd. Kopja tal-audit accounts tal-Gozo Channel (Operations) Ltd għas-sena 2018 tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra mar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16768.
Leg 13 PQ #17394 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – Management Accounts

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17173, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-management accounts tal-kumpanija Gozo Channel Co. Ltd. għas-sena 2019 u għall-ewwel sitt xhur tal-2020?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 17173
Leg 13 PQ #17395 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Self mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm issellef flus il-Gvern ta' Malta sena b'sena mis-sena 2013 sal-aħħar ta' Ġunju 2020 u r-rata medja ta' imgħax li qiegħda titħallas fuq dan is-self?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kompetizzjoni fis-suq ta’ Diesel u tal-LPG

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'azzjoni qed jieħu l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni sabiex jiżgura li s-suq tad-diesel u tal-LPG ikunu kompetittivi? Ma taħsibx li għandha ssir investigazzjoni jekk hux qed jiġi operat cartel kontra l-liġi f'dawn is-swieq ġaladarba l-fornituri kollha qed ibiegħu l-prodott bl-istess prezz?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni minn dejjem kien attiv biex jassigura li s-swieq tad-diesel u tal-LPG ikunu aktar kompetittivi. Dan jixhduh diversi każijiet fejn l-Uffiċċju ħa azzjoni sabiex d-distribuzzjoni tal-gass bieb bieb ma tkunx limitata għal numru limitat ta’ operaturi u b’hekk il-konsumatur ikollu aktar għażla. L-Uffiċċju ħareġ ukoll deċiżjoni ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fis-suq tad-diesel fejn kien stabbilixxa li kien seħħ dak li jissejjaħ resale price maintenance, fejn skont l-Uffiċċju kienet saret pressjoni biex pompa tal-petrol tbiegħ id-diesel bil-prezz li xtaq id-distributur a skapitu tal-konsumatur. Nikkjarifika ukoll li l-fatt li prodott jinbiegħ bl-istess prezz mill-kompetituri ma jfissirx li huwa riżultat ta’ cartel. Wieħed irid jifhem l-irwol ta’ dak li jissejjaħ ‘market transparency’ fejn l-istess prezz ma jkunx neċessarjament riżultat ta’ ftehim bejn il-kompetituri, iżda frott tat-trasparenza tal-prezzijiet fis-suq. Ta’ min jinnota li l-prezzijiet taċ-ċilindri tal-LPG tal-kumpanija ewlenija li tissuplixxi ċ-ċilindri tal-gass jinstabu kemm fuq il-websajt tagħha kif ukoll fuq il-websajt tar-regolatur għas-servizzi tal-enerġija u l-ilma. Il-prezzijiet tad-diesel ta’ kumpanija ewlenija f’dan is-suq jiġu mħabbra b’mod pubbliku, kif ukoll il-prezzijiet huma viżibbli għal kull min jieqaf għand xi pompa li tbiegħ il-karburant. Dan iwassal biex operatur faċilment ikun jista’ jimxi mal-prezzijiet mingħajr l-ebda forma ta’ ftehim bejn il-kompetituri. Dawn il-karatteristiċi fis-suq iwasslu biex ikun hemm dak li jissejjaħ concsious parallelism, li ma hija xejn ħlief imġieba parallela u mhux riżultat ta’ xi ftehim antikompetittiv. Jekk min-naħa tiegħu l-Onorevoli Interpellant għandu xi tip ta’ informazzjoni fejn l-istess prezzijiet huma riżultat ta’ xi ftehim bejn il-kompetituri, nitolbu jinforma lill-Uffiċċju b’dan biex titwettaq kwalunkwe investigazzjoni li hemm bżonn.

Għawdex – Rapid Testing Hub għall-COVID-19

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex Għawdex għadu mingħajr Rapid Testing Hub għall-coronavirus COVID-19? Xi pjanijiet hemm biex dan il-hub jinfetaħ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sar it-taħriġ neċessarju sabiex fil-jiem li ġejjin ikun jista’ jibda jsir ir-Rapid Testing għal-Covid-19 f’Għawdex.