Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #18073 Sitting 417 2021-01-19 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Pitkalija f’Għawdex — bejgħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-bejgħ mill-Pitkalija f'Għawdex sena b'sena mis-sena 2010 sas-sena 2020?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Malta Freeport – irtirar tal-kunsinni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-assigurazzjoni li l-importaturi qed jitħallew jirtiraw il-kunsinni tagħhom mill-Malta Freeport mingħajr il-ħtieġa li jqabdu burdnar u dan kif tippermetti l-liġi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Kummerċ mar-Renju Unit — remunerazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma t-termini ta' referenza tal-Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Kummerċ mar-Renju Unit li nħatar dan l-aħħar u x'remunerazzjoni ser igawdi l-persuna maħtura?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreffieri l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Servizzi ġodda

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17777, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'liema stadju waslu l-preparamenti sabiex jinbena sptar akut f'Għawdex, jekk ġiex identifikat is-sit tiegħu, meta ser jibda x-xogħol fuqu, meta hu previst li jitlesta, kemm hu mistenni li ser jiswa u kemm ser ikollu sodod? Jista' jispeċifika jekk dan l-isptar hux ser jinbena mill-Gvern u x'fondi ser jintużaw għal dan l-iskop?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-gvern qed jagħmel valutazzjoni tal-ftehim attwali mal-Konċessjonarju privat u li aktar informazzjoni ssir pubblika ladarba l-gvern iddiġerixxi b'mod eżawrjenti r-riżultat ta’ din il-valutazzjoni li qed titwettaq.

Designated Date imsemmija f’Art 311(6)(a) tal-Kodiċi Ċivili (Kap 16)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-'designated date' imsemmija f'Art 311 (6) (a) tal-Kodiċi Ċivili (Kap 16), li tirregola l-bidu ta' terminu ta' 10 snin sabiex jiġu reġistrati drittijiet privati fuq l-art ta' mal-plajja, ġietx stabbilita mill-Ministru responsabbli għall-Artijiet permess ta' ordni fil-Gazzetta tal-Gvern hekk kif jgħid l-istess artiklu tal-liġi? Jekk din ġiet stabbilita, jista' jgħid liema hi din id-data, u fejn din ġiet ippubblikata?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – tilqim ta’ impjegati

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għalfejn fil-11 ta' Jannar 2021 tlaqqmu biss għaxar impjegati tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex bil-vaċċin kontra l-COVID-19 meta preċedentement kienu qed jitlaqqmu għoxrin kuljum? X'inhi r-raġuni li r-ritmu ta' tilqim kemm fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex kif ukoll it-tilqim in ġenerali hu daqshekk kajman u meta hu maħsub li jiġu mlaqqma l-impjegati kollha tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tilqim kontra l-COVID-19 qiegħed isir b'mod proporzjonali. Il-proporzjon ta’ ħaddiema fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex hu simili għal dak fl-entitajiet u dipartimenti tas-saħħa oħrajn.
Leg 13 PQ #18067 Sitting 416 2021-01-18 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

MCCAA – rapport tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni dwar tariffi tal-banek kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'kien l-eżitu tal-ittra li ddikjara li ser jikteb fis-27 ta' Ottubru 2015 lill-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur wara r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni dwar it-tariffi tal-banek kummerċjali tat-28 ta' Lulju 2015? Xi progress ġie reġistrat sabiex ikun hemm aktar trasparenza fit-tariffi tal-banek kummerċjali u imgħaxijiet fuq self ikunu aktar in linea mal-medja Ewropea? Jista’ jiddikjara jekk hux sodisfatt bil-progress li ġie reġistrat s'issa sabiex l-imgħaxijiet fuq is-self ikunu skont il-medja Ewropea u x'beħsiebu jagħmel sabiex dan il-għan jintlaħaq?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’Seduta oħra.

MCCAA – rapport tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni dwar tariffi tal-banek kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'għamlet l-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur wara r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni dwar it-tariffi tal-banek kummerċjali tat-28 ta' Lulju 2015? Xi progress ġie reġistrat sabiex ikun hemm aktar trasparenza fit-tariffi tal-banek kummerċjali u imgħaxijiet fuq self ikunu aktar in linea mal-medja Ewropea? Jista’ jiddikjara jekk hux sodisfatt bil-progress li ġie reġistrat s'issa sabiex l-imgħaxijiet fuq is-self ikunu skont il-medja Ewropea u x'beħsiebu jagħmel sabiex dan il-għan jintlaħaq?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kien ħareġ ir-rapport dwar it-tariffi tal-banek kummerċjali fit-28 ta' Lulju 2015 huwa kien ssorvelja biex jara li r-rakkomandazzjonijiet li għamel fir-rapport li kellhom bħala l-għan it-tisħiħ fit- trasparenza fit-tariffi tal-banek kummerċjali u imgħaxijiet fuq self, jiġu fill-fatt implementati mill-banek. Fl-2016 kien saru wkoll diversi laqgħat mal-banek individwalment għal dan il-għan. Minkejja li l-Uffiċċju m’għandux il-poter li jinforza r-rakkomandazzjonjiet, b’riżultat ta’ inkjesta settorjali l-Uffiċċju ħadem biex jirreġistra progress pożittiv fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Hawnhekk nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li nagħtat għal-mistoqsija parlamentari 30477. Waħda mir-rakkomondazzjonjiet tal-Uffiċċju kienet proprju illi meta jkun hemm skemi finanzjarji maħluqa mill-Gvern jew b’riżultat ta’ fondi Ewropej li jkollhom l-għan li joffru self aktar vantaġġjuż lil-SMEs, kellu jkun hemm aktar minn operatur wieħed li jipprovdi self lill-intrapriżi f’Malta. Ta’ min jirrimarka illi mid-data tar-rapport ’l hawn kien hemm aktar minn bank kummerċjali wieħed li qed joffri forom ta’ għajnuna ta’ finanzjament lill-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju biex jiiffaċilitaw l-aċċess għal-finanzi għall-SMEs u biex inaqqsu l-obbligi kollaterali flimkien ma' tnaqqis fir-rata tal-imgħax.
Leg 13 PQ #18069 Sitting 416 2021-01-18 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel (Operations) Ltd – audited u management accounts

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Gozo Channel (Operations) Ltd. ippreżentat l-audited accounts tagħha għas-sena 2019 fit-terminu preskritt mil-liġi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tagħhom? Jista', fin-nuqqas, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-management accounts għas-sena 2019 kif ukoll dawk għas-sena 2020?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-audited accounts għas-sena 2019 ma jistgħux jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra peress li għadhom ma ġewx iffinilizzati.

Għaqdiet volontarji li mhumiex fil-kera – nuqqas ta’ għajnuna finanzjarja

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17349 u tispjega għaliex l-għaqdiet voluntarji li mhumiex fil-kera imma għandhom obbligi finanzjarji sabiex jiffinanzjaw il-fond fejn qed joperaw, mhumiex jirċievu l-ebda għajnuna finanzjarja sabiex jonoraw tali obbligi?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskemi stabbiliti għall-għaqdiet voluntarji isostnu kirjiet. L-għaqdiet volontarji kollha huma eleġibbli sabiex jingħataw sostenn finanzjarju kemm fejn jidħlu kontijiet u kirjiet tal-arloġġ għad-dawl u l-ilma kif ukoll għal spejjes li kellhom isiru fil-binja tagħhom għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurta relatati mal-COVID-19.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – konsulenzi legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-natura tal-konsulenza legali li ngħatat mill-kumpaniji jew persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament lill-Ministeru tat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur bejn Jannar u Ġunju 2020?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel kumpanija msemmija pprovdiet servizzi legali marbutin ma’ diversi oqsma, fosthom il-Package Travel Regulations, konċessjonijiet, u implikazzjonijiet legali relatati mal-Brexit fost l-oħrajn. It-tieni kumpanija msemmija pprovdiet servizzi legali relatati mal-avjazzjoni. L-individwu msemmi pprovda numru ta’ servizzi legali, fosthom marbutin mar-reviżjoni ta’ leġislazzjonijiet u assistenza legali fuq materji relatati ma’ procurement . Tajjeb jingħad ukoll li, minkejja li dawn is-servizzi ġew ippubblikati fil-Gażżetta tal-Gvern għal perjodu Jannar sa Ġunju 2020, parti kbira minnhom huma marbuta ma’ servizzi li ingħataw fl-2019, u dan għaliex l-ammonti jiġu ippublikati biss wara li tingħata l-approvazzjoni definittiva mill-Ministeru għall-Finanzi u wara li l-ammont finali jsir magħruf.

Kompetizzjoni fis-suq tad-diesel u tal-LPG

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17396, jista' l-Ministru, permezz tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni jgħid kif stabbilixxa li l-uniformità tal-prezz ipprattikat mill-pompi tad-diesel u tal-LPG għall-karozzi u mill-bejjiegħa ta' ċilindri tal-gass hu r-riżultat ta' conscious parallelism u mhux ta' prattiċi antikompettivi?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġejt infurmat li l-prezzijiet li jinbiegħu mill-pompi tal-karburant u mill-bejjiegħa taċ-ċilindri tal-gass huwa l-istess li jitħabbru mill-kumpaniji ewlenin li jissuplixxu l-prodott partikolari u l-prezzijiet fis-suq jiġu segwiti mill-bejjiegħa il-mument li titħabbar xi bidla fil-prezz minn dawn kumpaniji. Dan ifisser illi l-bejjiegħa tal-pompi tal-karburant jew l-operaturi li jbiegħu ċ-cilindri tal-gass isegwu l-prezzijiet imħabbra u mhux jiftehmu bejniethom il-prezz li jinbiegħ lil-konsumatur.

AFM — Sejħa għal Għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa sabiex jinvestiga kif fit-2 ta' Jannar 2021 ħadd mill-Forzi Armati ta’ Malta ma rrisponda għas-sejħa ta' għajnuna sabiex jiġu salvati 96 immigrant illegali illi kienu f'periklu fiż-żona ta' tfittix u salvataġġ Maltija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Onorevoli Interpellant qed jagħmel domanda bbażata fuq asserzjonijiet żbaljati. Pero ma nistax ma ninnotax li għal darba oħra f’isem l-Oppożizzjoni, qed jitlob li jittieħdu passi kontra s-suldati tagħna. Nittama li mhux tgħaddilu minn rasu li jerġa’ jagħmel xi kwerela kriminali oħra kontra l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta. Lill-Onorevoli Interpellant ngħidlu li l-passi li ħadt jien kienu dawk li waslu biex is-suldati llum għandhom kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar.

Pjanijiet tal-Gvern għall-użu tal-idroġenu

Question

Tista’ l-Ministru tindika xi pjanijiet għandu l-gvern għall-użu tal-idroġenu fil-futur u tpoġġi kwalunkwe rapport li hu disponibbli fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din hija teknoloġija pjuttost ġdida li għada qed tiġi żviluppata. Il-Gvern qiegħed isegwi dawn l-iżviluppi mill-qrib filwaqt li qed ikompli jistudja kull opportunita li tista’ tkun ta’ benefiċċju għal pajjiżna. Għaddejin ukoll studji alternattivi li jaraw kif la darba l-idroġenu jkun preżenti fin-Network Ewropew, jista’ eventwalment jintuża bħala sors biex jgħin jintlaħqu l-miri tad-dekarbonizazzjoni sal-2050.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet tal-ippjanar fl-ODZ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni tal-ippjanar f’Outside Development Zone ġiet deċiża mill-Awtorità tal-Ippjanar fl-2019 u fl-2020? Jista' jgħid ukoll kemm-il applikazzjoni minn dawn ġiet approvata? Jista' jgħid ukoll kemm-il applikazzjoni ġiet approvata minkejja li l-case officer ikun irrakkomanda li tiġi rifjutata?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi, sena b’sena n-numru ta’ aplikazzjonijiet għall-permessi ta’ żvilupp li ġew deċiżi mill-Awtorità tal-Ippjanar bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u l-31 ta’ Diċembu 2020 fuq siti li jinsabu parzjalment jew kompletament barra ż-żona ta’ żvilupp (ODZ). It-tabella tispeċifika ukoll ir-rakkomandazzjoni tad-Direttorat tal-Immaniġjar tal-iżvilupp. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar applikazzjonijiet għal permess ta’ żvilupp, fejn parti mis-sit jaqa’ barra miż-żona ta’ żvilupp u li ġew approvati jew rifjutati fl-2019 u l-2020 mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Leg 13 PQ #17923 Sitting 414 2021-01-12 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati fis-servizz pubbliku minn skala 1 sa 5

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati fis-Servizz Pubbliku minn skala 1 sa 5 u kemm kienu ta' sess femminili mill-2010 ’l hawn, maqsuma sena b'sena?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #17924 Sitting 414 2021-01-12 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bord ta’ entitajiet pubbliċi – persuni appuntati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew appuntati persuni ta' sess femminili fuq il-bord ta' entitatijiet pubbliċi sena b'sena mill-2010 ’l hawn u kemm kien il-perċentwali ta' nisa min-numru totali ta' appuntati?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni – suq ta’ proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi ħa jew qed jieħu l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni sabiex jassigura li s-suq tas-sensara tal-proprjetà ma jsofriex minn prattiċi li jnaqqsu l-kompetizzjoni?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni m’għandu l-ebda tagħrif li hemm xi prattika antikompettitiva li qed tfixxkel il-kompetizzjoni fis-suq imsemmi. B’danakollu, nistiednu biex jgħaddi, jekk għandu, kwalunke informazzjoni mod ieħor lill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni biex tiġi investigata, kif jixraq.

Avukati tal-Għajnuna Legali — sejħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti sabiex isiru avukati tal-għajnuna legali fl-aħħar sejħa li saret, kemm minnhom intgħażlu u fuq liema kriterji ntgħażlu? Min kienu l-persuni li wettqu l-għażla?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li n-numru t’applikanti għas-sejħa tal-avukati tal-għajnuna legali għall-Malta u s-sejħa għal Għawdex huma kif ġej: Avukati għal għajnuna legali f’MaltaAvukati għajnuna legali f’Għawdex Numru t’applikanti365 Applikazzjonijiet irtirati4- Għaddew l-intervista325 Numru ta’ applikanti magħżula 203 Il-kriterji li bihom l-applikanti ingħataw il-punti kienu dawn li ġejjin u kull kriterju kien maqsuma f’sub-kriterji skont il-minimu u l-massimu tal-marka. Il-kriterji kienu: Legal Aid Experience – years, Legal Aid Knowledge on questions asked, Communication skills, Organisational skills, Team work, Additional qualifications, Aptitude and motivation to work, Work Ethics. Il-Bord tal-għażla, nominat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, kien kompost minn: ChairpersonImħallef irtirat tal-Qrati tal-Ġustizzja MembruDirettur għad-Dipartiment tal-Ġustizzja MembruManiġer Anzjan fl-Aġenzija tal-Għajnuna Legali

COVID-19 – vaċċin żviluppat minn Moderna u Johnson & Johnson

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika jekk il-Gvern għandux ħsieb illi jakkwista l-vaċċin li qed jiġi żviluppat minn Moderna u Johnson & Johnson kontra l-COVID-19 u jekk tali akkwist hux fil-qafas tal-Joint Procurement Mechanism?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant f’Malta diġa waslet konsenja tal-vaċċin li ġie żviluppat minn Pfizer/BioNTech u Moderna kontra l-COVID-19 u dan it-tali akkwist hu fil-qafas tal-Joint Procurement Mechanism tal-Unjoni Ewropea. Kif il-vaċċin li qed jiġi żviluppat minn Janssen (Johnson & Johnson) jkun approvat dan jinġieb Malta ukoll.