Jista' l-Ministru jispjega għaliex wara li fl-10 ta' Marzu 2021 il-Gvern ħabbar li n-negozji mhux essenzjali kollha ser jingħalqu, il-ħwienet tal-logħob baqgħu miftuħin? Dan ifisser illi l-logħob tal-azzard hu meqjus bħala servizz essenzjali mill-gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gaming parlours jistgħu joperaw biss b’restrizzjonijiet stretti kif indikati fl-Avviż Legali 101 tal-2021.
Tibdil fl-insulina – rapporti ta’ reazzjoni avversa fil-pazjenti fl-isptarijiet pubbliċi
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm rapporti ta' reazzjoni avversa f'pazjenti fl-isptarijiet pubbliċi minn mindu nbidlet l-insulina minn Humulin M3 għal Gensulin M30 ? X'ser jagħmel id-Dipartiment tas-Saħħa għal dawk il-pazjenti li ma marrux tajjeb ma' din it-tip ta' insulina ġdida?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma saru l-ebda rapporti ta' reazzjoni avversa fl-isptarijiet pubbliċi minn mindu nbidlet l-imsemmija insulina.
Kummissjoni Ewropea – dożi tal-vaċċin Pfizer/Biontech għal Malta
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ser takkwista dożi Malta tal-vaċċin Pfizer/Biontech mill-erba' miljun doża addizzjonali illi l-Kummissjoni Ewropea rnexxielha tinnegozja għall-konsenja f'Marzu 2021 u jekk hux ser jitħallas aktar minn € 12 għal kull doża, liema prezz ġie nnegozjat mill-istess Kummissjoni ?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Malta se tiġi allokata dożi addizzjonali tal- vaċċin Pfizer/Biontech mill-4 miljun dożi li semma hu skont ma kien miftihem fil-Joint Steering Group magħmul mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Il-prezz ta’ kull vaċċin skont l-istess ftehim mal-Unjoni Ewropea, huwa ta’ natura kummerċjali.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex ma nħassietx il-ħtieġa illi l-avukati li jipprattikaw il-qorti jitlaqqmu bħalma ser jitlaqqmu l-ġudikanti u l-ħaddiema tal-qorti u dan b'differenza tal-pjani ta' tilqim ta' bosta pajjiżi Ewropej fosthom l-Italja?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19572 u nfakkru li l-proċess għadu għaddej.
Bankiera, ħaddiema tal-posta u kaxxiera tas-supermarkets – tilqim
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għala ma nħassietx il-ħtieġa li l-bankiera, il-ħaddiema tal-posta u l-kaxxiera tas-supermarkets li jkunu f'kuntatt kontinwu man-nies jitlaqqmu bħalma tlaqqmu ħaddiema fil-qasam edukattiv u f'oqsma oħra li qajla jiġu f'kuntatt mal-istudenti u l-pubbliku rispettivament?
Ċentri ta’ detenzjoni ta’ immigranti irregolari – miżuri
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ser jadotta fiċ-Ċentri ta' Detenzjoni ta' immigranti rregolari wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Kumitat Ewropew kontra t-Tortura u t-Trattament Disuman u Degradanti tal-Kunsill tal-Ewropa li espona bosta nuqqasijiet u prattiċi inaċċettabli fit-tmexxija ta' dawn iċ-ċentri? Jista’ jassigura l-Kamra li ser jaġixxi immedjatament sabiex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-imsemmi Kumitat fir-rigward ta' dawn iċ-ċentri ta' detenzjoni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija waħda pubblika. Dettalji dwar l-inizjattivi li ttieħdu f’ċentri magħluqa qabel u wara ż-żjara tal-Kumitat huma elenkati f’rapport dettaljat li ġie sottomess lill-Kunsill tal-Ewropa mill-awtoritajiet Maltin fi Frar 2021. Qed nippreżenta kopja ta’ dan ir-rapport u npoġġih fuq il-mejda tal-Kamra.
Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – każ ta’ individwu
Question
Jista' l-Ministru jispjega x'passi ser jieħu sabiex ma jkunx hemm ripetizzjoni tal-każ tal-individwu li d-dettalji waru qed jingħataw separatament li għadu kemm ingħata € 25,000 mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li sabet li kien inżamm f'kundizzjonijiet diżumani fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Ħal Safi u anki li nżamm illegalment qabel ma ġie deportat minn Malta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Is-Servizz ta’ Detenzjoni jaħdem kontinwament sabiex ikun hemm kundizzjonijiet xierqa fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, inkluż manutenzjoni u servizzi professjonali aħjar għad-detenuti. Il-Gvern ħa nota tal-kwistjonijiet li tqajmu mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fuq dan il-każ. Fl-istess waqt, l-awtoritajiet Maltin ser ikomplu jagħmlu dak kollu li huwa legalment possibbli sabiex jiddeportaw persuni li ma għandhomx dritt jibqgħu f’Malta. Dan jgħodd l-aktar għal persuni barranin li jkunu xellfu diffrejhom mal-ġustizzja bħal każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra l-audited accounts tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd. għas-sena 2018? Jista' jindika għala l-audited accounts għas-sena 2019 għadhom ma ġewx iffinalizzati u meta ser jiġu ffinalizzati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kopja ta’ Gozo Channel (Operations) Ltd 2018 audit accounts qed jigu impoġġija fuq il-Medja tal-Kamra. Rigward l-audit accounts ta’ 2019, dawn ġew iffinalizzati u pprezentati lil Malta Business Registry.
Jista' l-Ministru jispega għala l-Gvern iddeċieda li jillimita s-servizz ta' fast ferry għall-passiġġieri biss? Kemm ser jiswa l-moll illi ser jinbena fil-Port il-Kbir għal dan is-servizz? Jista' jgħid jekk dan il-moll hux ser ikun għall-użu esklussiv ta' min ser jopera dan is-servizz jew jekk jistax jintuża ukoll mill-Gozo Channel (Operations) Ltd. għas-servizz tagħha?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-intenzjoni tal-fast ferry bejn il-port ta’ l-Mġarr u il-Port il-Kbir (Valletta) kien minn dejjem kontemplat għal passiġġieri biss.
Ninsab infurmat ukoll li l-moll fil-Port il-Kbir se jkun ta’ tip ta’ floating facility u mhux struttura permanenti u mistenni li jiswa ċirca € 3.2 million exc. VAT.
Jista' l-Ministru jindika x'attivitajiet saru fil-Gozo Innovation Hub minn mindu nfetħet sal-aħħar ta' Frar 2021 u kemm daħlet flus minnhom Indis Malta Ltd?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18282 u jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li kienu ilhom Malta mill-2019 u li ġew ripatrijati fit-12 ta' Jannar 2021, in-nazzjonalità tagħhom, fejn ġew irritornati u kemm kienet l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Unjoni Ewropea għal din l-operazzjoni u jekk kienx hemm għajnuna oħra mill-Unjoni Ewropea sabiex din l-operazzjoni sseħħ? Jista' jagħti l-istess informazzjoni mitluba għat-titjiriet l-oħra ta' ripatriju li saru wara d-data msemmija irrispettivament mid-data tal-wasla tar-ripatrijati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Gozo Channel (Operations) Ltd – ġarr ta’ merkanzija miċ-Ċirkewwa
Question
B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 18711 u 18992, jista' l-Ministru jippreżenta kopja tal-ftehim li sar bejn il-Gvern u l-Gozo Channel (Operations) Ltd li emenda l-Public Service Obligation tal-imsemmija kumpanija u dana sabiex is-servizz ta’ merkanzija li preċedentement kien jingħata minn Sa Maison jiġi integrat mas-servizzi mogħtija bejn l-Imġarr, Għawdex u ċ-Ċirkewwa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument imsemmi ma jistax jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba n-natura u s-sensitiva ta’ l-informazzjoni li fih id-dokument msemmi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħliet fuel il-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd fis-sena 2020 vapur b'vapur?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2020 il-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd ħliet l-ammont ta' fjuwil kif indikat:
Vapur
Litri
MV Ta’ Pinu
2.4 miljun litri
MV Gaudos
1.8 miljun litri
MV Malita
2.7 miljun litri
MV Nikolaos
0.7 miljun litri
Third Country Nationals li daħlu illegalment f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li mhux Malta
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18328 u ċioè jgħid kemm hawn Third Country Nationals fil-pajjiż li oriġinarjament kienu daħlu illegalment fl-Unjoni Ewropea f'xi pajjiż ieħor membru tal-Unjoni u mhux f'Malta? Jista' jagħti l-figuri ta' kemm kien hemm Third Country Nationals li ġew ritornati lejn il-pajjiżi membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea fejn kienu daħlu oriġinarjament skont ir-regolamenti ta' Dublin mill-2010 'l hawn, sena b'sena? U kemm ġew ritornati lejn Malta skont l-istess regolamenti fl-istess perjodu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18329 u jgħid kemm waslu immigranti illegali f'pajjiżna, sena b'sena mill-2010 'l hawn? Kemm minnhom ġew ripatrijati lejn il-pajjiż tal-oriġini u kemm minnhom ġew rilokati f'pajjiżi oħra sena b'sena fl-istess perjodu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17923 u 19152 u jgħid kemm kien hemm impjegati fis-Servizz Pubbliku minn skala 1 sa 5 u kemm minnhom kienu ta' sess femminili mill-2010 ’l hawn, maqsuma sena b'sena? X'qed iżomm il-Prim Ministru milli jagħti din l-informazzjoni bażika u huwiex issa f'pożizzjoni li jagħtiha peress illi dewmien biex tingħata informazzjoni daqshekk bażika titfa' dawl ikrah fuq l-amministrazzjoni pubblika li ma jixirqilhiex?
Response (ABELA, ROBERT)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-lista annessa kif ninsab nfurmat. L-figuri juru li mil- 2010 sal-2020, il-persentaġġ ta’ nisa minn skala 1 sa 5 fis-Servizz Pubbliku huwa kwazi d-doppju.
SENA
% NISA
2010
24.85
2011
24.442
2012
26.551
2013
27.973
2014
32.118
2015
31.355
2016
31.924
2017
33.49
2018
37.423
2019
37.878
2020
Madwar 46
Agreement on Management and Operation of the Miżieb and Aħrax Areas – mappa tal-passaġġi pubbliċi
Question
B'referenza għall-konċessjoni 'Agreement on Management and Operation of the Miżieb and Aħrax Areas' datat 9 ta' Ottubru 2020 li biha l-Awtorità tal-Artijiet għaddiet l-immaniġġar ta' dawn iż-żewġ siti lill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), jista' l-Ministru jippubblika mappa tal-passaġġi pubbliċi, kif ukoll tal-'established footpaths' imsemmija fi klawsola 5.14 tal-imsemmi ftehim, li jgħaddu minn dawn iż-żewġ siti?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taghrif ghadu qed jingabar u t-twegiba tinghata f’seduta ohra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew approvati direct orders mill-Ministeru għall-Finanzi mill-2010 'l hawn, sena b'sena u Ministeru b'Ministeru? Kemm huwa l-ammont ta' dawn id-direct orders, sena b'sena?
Response (CARUANA, CLYDE)
Filwaqt li ninforma li l-informazzjoni, li qed tintalab, tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern, kif jesiġu l-Public Procurement Regulations, nitlob lill-Onorevoli interpellant ikun izjed speċifiku.
Impjegati ingaġġati ma’ kuntratturi li jaqdu dmirijiet ma’ xi dipartiment tal-Gvern jew entità pubblika
Question
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' ħaddiema illi huma impjegati ma' kuntrattur u li qegħdin jaqdu d-dmirijiet tagħhom ma' xi dipartiment tal-Gvern jew entità pubblika oħra, sena b'sena mill-2010 'l hawn?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun iktar speċifiku.